Premju Ċittadin Ewropew 2021 għad-Dar tal-Providenza

Print Friendly, PDF & Email

Kienet tassew okkażjoni speċjali għal Fr Martin Micallef, Direttur, u Nadine Camilleri Cassano, Amministratur tad-Dar tal-Provdenza, meta fid-9 ta’ Novembru 2021 ġew ippreżentati bid-Diploma tal-Premju Ċittadin Ewropew 2021. Il-preżentazzjoni saret mill-Viċi President tal-Parlament Ewropew u Kanċillier tal-Premju Ċittadin Ewropew, Dita Charanzovà waqt ċerimonja li saret apposta fis-sala Paul-Henri Spaak fi Brussell. Charanzovà qalet li l-proġetti kollha rebbieħa għas-snin 2020-2021 huma l-eżempji, l-ispirazzjonijiet u l-eroj vera għall-ħidma tagħhom fis-soċjetà.

Il-Membri Parlamentari Ewropej Roberta Metsola u David Casa, li ressqu n-nomina tad-Dar tal-Providenza, qalu li l-missjoni tal-proġett li tressaq jipprovdi djar b’ambjent simili għall-familja u hu wieħed li jintegra u jagħti s-setgħa lin-nies b’diżabbiltà fil-komunità, f’konformità man-normi u l-valuri tal-UE, u dan ix-xogħol kompla jitwettaq anke fiċ-ċirkostanzi diffiċli tal-pandemija s-sena li għaddiet.

Waqt ċ-ċerimonja tal-preżentazzjoni tal-midalja kommemorattiva li saret fl-uffiċċju f’Malta tal-Parlament Ewropew fit-28 ta’ Ottubru li għadda, Fr Martin esprima l-apprezzament tar-rikonoxximent mill-Parlament Ewropew u qal li l-istrateġija tal-Unjoni Ewropeja għall-persuni b’diżabbiltà bejn l-2021 u l-2030 hi mibnija madwar ir-rikonoxximent tad-drittijiet mogħtija fil-pajjiżi varji minn pajjiżi oħra fl-Ewropa; ħajja independenti u, fejn possibbli, awtonoma u t-tneħħija tad-diskriminazzjoni u l-ħolqien ta’ opportunitajiet indaqs f’kull livell possibbli.

Fr Martin temm jgħid li r-rikonoxximent ta’ din il-ħidma fuq livell Ewropew “ikompli jinkoraġġina fl-impenn tagħna, biex ħidmietna fid-Dar tal-Providenza tkompli tissaħħaħ, u s-sens ta’ dinjità lill-persuni b’diżabbiltà jkompli jitkattar f’kull ħidma li ssir f’dan il-qasam.”

Il-Kap tal-Uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta, Dr Mario Sammut, qal li minkejja d-diffikultajiet li ħabbtet magħhom waqt il-pandemija, id-Dar tal-Providenza kompliet tipproteġi lil dawk l-aktar vulnerabbli fis-soċjetà Maltija. Żied jgħid li x-xogħol eċċellenti li sar f’ċirkostanzi tant diffiċli juri l-aqwa tal-valuri Ewropej. Ir-rikonoxximent ta’ dan l-isforz u ta’ din id-dedikazzjoni hu ta’ importanza kbira għall-Parlament Ewropew.

Qabel il-bidu taċ-ċerimonja ta’ nhar it-Tleita, Fr Martin u Camilleri Cassano ltaqgħu mal-MEPs Maltin, Roberta Metsola, Josianne Cutajar u Alex Agius Saliba. Dr Agius Saliba qal li d-Dar tal-Providenza u l-proġett tagħha ‘Monument tal-Ħniena’ juri lill-istituzzjonijiet Ewropej kollha “dak li l-Maltin konna diġà privileġġjati li nkunu nafu.” Hu faħħar ix-xogħol li tagħmel id-Dar tal-Providenza u lil Fr Martin personalment għall-ħidma bi spirtu ta’ komunità li jinħass mar-raħal kollu tas-Siġġiewi.

Il-Grupp Lockdown Festival, ir-rebbieħa tal-Premju Ċittadin Ewropew 2020 ġew ippreżentati bid-Diploma fl-istess ċerimonja minħabba li s-sena l-oħra ma sar xejn minħabba l-pandemija COVID-19.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: