Messaġġ tal-Isqof Anton Teuma waqt iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 21 ta’ Novembru 2021: Messaġġ tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma waqt iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Re. Santwarju tal-Madonna ta’ Pinu, Għarb.

L-Ewwel Parti:

It-Tieni Parti:

Diskors tal-Isqof Anton Teuma fiċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu

“MULEJ, GĦALLIMNA NITOLBU” (Lq 11:1)

Il-ġrajja ta’ Għemmaws li qegħdin nirriflettu fuqha matul il-Pjan Pastorali, nistgħu naqsmuha fi tliet partijiet:

  1. Id-dixxipli ta’ Għemmaws, huma u jitbiegħdu minn Ġerusalemm, inkwetati, imdejqin u waqt li jiddiskutu bejniethom fuq kulma kien ġara, jiltaqgħu ma’ Ġesù, u għalkemm ma jagħrufhx, ikomplu jitħaddtu miegħu u jirrakkontawlu matul it-triq.
  2. Ġesù jispjegalhom dak li Mosè u l-Profeti, jiġifieri l-Iskrittura, kienet tgħid fuqu. U mbagħad jidħol joqgħod magħhom u jaqsam magħhom il-Ħobż, filwaqt li għajnejhom ma jibqgħux jarawh.
  3. Id-dixxipli, mimlija bil-ferħ, wara l-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù, imorru lura lejn Ġerusalemm iħabbru u jaqsmu l-esperjenza tal-laqgħa tagħhom ma’ Ġesù ħaj ma’ dawk kollha li jiltaqgħu magħhom.

1. Sinodu – Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni

Permezz ta’ dawn it-tliet mumenti tal-ġrajja ta’ Għemmaws nistgħu nifhmu sew it-tliet kelmiet li l-Papa għażel għal dan iż-żmien li fih il-Knisja kollha kemm hi daħlet fl-esperjenza tas-Sinodu. Il-kelmiet huma: Komunjoni, Parteċipazzjoni, Missjoni.

Aħna, l-Insara tat-tielet millennju, nixbhu ħafna lid-dixxipli ta’ Għemmaws. Jekk hemm xi ħaġa komuni għalina lkoll huwa l-fatt li bħad-dixxipli ta’ Għemmaws aħna spiss ninsabu mħassbin, inkwetati u kultant imdejqin. Bħala bnedmin ninsabu dejjem fil-bżonn. Għax aħna magħmula mit-trab tal-art – ulied Adam, ulied it-trab. Imma Alla tefa fina wkoll in-nifs tiegħu, tana l-Ispirtu tiegħu u għamilna wlied.

It-trab tal-art u l-Ispirtu ta’ Alla huma komuni għalina lkoll. Aħna ninsabu f’komunjoni ma’ xulxin, għax ilkoll kemm aħna trab tal-art – bil-bżonnijiet, id-dgħufijiet, u d-diffikultajiet tagħna; kif ukoll nifs ta’ Alla – għandna xewqat li nkunu aħjar, li nagħżlu s-sabiħ, li nsibu l-ferħ, li ngħixu l-imħabba. It-trab tal-art u n-nifs ta’ Alla jagħmlu lill-bnedmin kollha f’komunjoni bejniethom.

Bħad-dixxipli ta’ Għemmaws aħna nistgħu nipparteċipaw fl-esperjenza ta’ Ġesù ħaj. Id-dixxipli ta’ Għemmaws għamlu esperjenza ta’ Ġesù ħaj, iltaqgħu miegħu ħaj billi pparteċipaw, ħadu sehem fis-smigħ tal-Kelma ta’ Alla u fil-Qsim tal-Ħobż. Huma għarfuh fil-Qsim tal-Ħobż… u ftakru kemm kienu kuntenti huma u jisimgħuh ifissrilhom l-Iskrittura. Il-parteċipazzjoni fis-smigħ tal-Kelma u fiċ-ċelebrazzjoni tal-Ewkaristija jagħtuna l-possibbiltà li nieħdu sehem, nipparteċipaw fl-esperjenza ta’ Kristu ħaj fostna llum.

Wara li għarfuh, id-dixxipli ta’ Għemmaws ma felħux iżommu għalihom l-entużjażmu, il-ħeġġa, il-ferħ li qanqal fihom Ġesù meta ltaqgħu miegħu fil-Kelma u fl-Ewkaristija. U waqt li sa ftit qabel kienu qed jibżgħu mil-lejl, issa, mingħajr ma jagħtu kas tal-periklu jew tad-diffikultà, jitilqu bi ħġarhom ixandruh, jagħmlu missjoni, iħossuhom mibgħuta, imbuttati minn ġewwa, biex imorru jitkellmu fuqu mal-oħrajn, ma’ dawk li ma kinux jafu x’ġara.

Għalhekk, il-Knisja hi komunjoni – għax flimkien aħna wlied it-trab u mimlija bin-nifs ta’ Alla; parteċipazzjoni – fil-ħajja ta’ Ġesù mqajjem permezz tas-sehem tagħna fis-smigħ tal-Kelma u l-Ewkaristija; missjoni – għax mibgħuta, imqanqlin mill-Ispirtu ta’ Alla ġewwa fina, li jimbuttana, jarmina qalb l-oħrajn biex naqsmu magħhom l-esperjenza tagħna ta’ Alla.

2. Il-Pjan Pastorali – It-talb

Nistgħu ngħidu li fil-Pjan Pastorali tagħna ninsabu fil-quċċata tal-ewwel kelma tas-Sinodu, qed ngħixu l-esperjenza tal-Komunjoni. Aħna bħala bnedmin, magħqudin ilkoll flimkien, għax ilkoll kemm aħna fil-bżonn, ilkoll kemm aħna għandna l-problemi tagħna, u lkoll kemm aħna għandna x-xewqa li nkunu aħjar.

Il-bniedem minnu nnifsu huwa talba

L-ewwel xahrejn tal-Pjan Pastorali kienu ddedikati għat-talb. L-ewwel ħaġa li jagħmel il-bniedem hekk kif jitwieled hija li jibki. Hekk kif noħorġu mill-ġuf ta’ ommna, l-ewwel inizjattiva tagħna tkun il-bikja, il-karba, fi kliem ieħor it-talba. Il-biża’ u l-insikurezza ta’ dak il-mument ipoġġuna f’sitwazzjoni ta’ bżonn u ta’ talba għall-għajnuna, talba għall-ikel li jmantnina, talba għal par idejn li jħaddnuna, talba għal qalb li tilqagħna u trossna magħha. Kull bniedem jitwieled jitlob.

Hekk ukoll jiġri fl-aħħar mumenti tal-ħajja. Ħafna jkunu dawk li jitniehdu, li jolfqu jew li jsejħu lill-ġenituri waqt il-mumenti tal-mewt. Il-bniedem mhux biss jitwieled jitlob, imma wkoll imut jitlob. Għax filwaqt li hu magħmul mit-trab, mill-bżonnijiet u d-dgħufijiet, hu magħmul ukoll mill-Ispirtu ta’ Alla, mix-xewqa li jkun aħjar, mix-xewqa li jkun fil-paċi, mix-xewqa li ma jmutx. Il-bniedem minnu nnifsu huwa talba. Santu Wistin jgħid b’mod ċar ħafna li x-xewqat kollha tagħna, huma liema huma, mhumiex għajr talba lil Alla.

B’xorti ħażina, spiss jiġri li matul it-triq nistgħu ninsew din ir-realtà, u nistgħu nimmaġinaw li aħna m’għandna bżonn ħadd, li waħedna biżżejjed, li la aħna trab u lanqas aħna wlied, imma aħna allat tagħna nfusna u forsi tal-oħrajn ukoll. Imma llum jew għada nieħdu tisbita, nindunaw li aħna fil-bżonn, u li ma hemmx mod ieħor kif tkun ta’ veru ħlief li titlob!

Ġesù jgħallimna nitolbu – inkunu aħna tassew

Mela, meta fil-Vanġelu li smajna, Ġesù jgħallimna nitolbu, mhux qiegħed għajr jgħallimna nkunu aħna ta’ veru, aħna tassew!

Tkun ħaġa sabiħa li t-talb isir iktar parti mill-ħajja tagħna. Ħafna popli jitolbu. Il-Lhud jitolbu tliet darbiet matul il-ġurnata. Il-Musulmani jitolbu ħames darbiet. Aħna wkoll għandna t-talb tagħna.

It-talba ta’ filgħodu li biha nibda l-ġurnata, it-talba ta’ filgħaxija li biha nirringrazzja lil Alla tal-ġurnata, ikunu mument tassew sbieħ li fihom niftakru li aħna wlied maħbuba tal-Missier. It-talba ta’ qabel l-ikel tgħinna napprezzaw il-providenza tiegħu.

Meta titolbu għidu: “Abbà… Missierna” (Lq 11:2). Alla hu Missier li jħobb, li jieħu ħsieb! U meta nitkellmu miegħu nħossuna wlied maħbuba bi mħabba infinita, ulied maħfura, ulied magħżula.

‘Missier, tkun imfaħħar għax inti Missierna u aħna wliedek. Missier aħna nafdaw fik, għalhekk ħa jkun li trid int. Missier, agħtina kuljum il-ħobż ta’ għada. Missier, inti taħfrilna, agħmel li aħna naħfru. Missier, eħlisna mit-tentazzjoni’.

Ġesù jistedinna nitolbu lill-Missier il-ħin kollu, tant li jagħtina l-permess li ndejquh! “Itolbu u taqilgħu, fittxu u ssibu, ħabbtu u jiftħulkom!” (Lq 11:9). Jekk nitolbu, naqilgħu lill-Missier; jekk infittxu, insibu lill-Missier; jekk inħabbtu, insibu ruħna fil-qalb tal-Missier.

Għalkemm aħna nitolbu grazzji, pjaċiri għalina jew għal dawk li nħobbu, ix-xewqa l-kbira tagħna hija li nistrieħu f’dirgħajn il-Missier. Ix-xewqa kbira tagħna hija li jkollna rasna mistrieħa li l-Missier qiegħed hemm, u li, ngħaddu minn xiex ngħaddu, hu jkun magħna. Din ix-xewqa naqilgħuha bit-talb!

Aħna nies fil-bżonn, u għalhekk għandna dritt nitolbu! Kultant jiġri li nimmaġinaw li nistgħu naqtgħu l-għatx tagħna b’ilma li ma jxebbax, anzi li maż-żmien jispiċċa jagħmlilna l-ħsara.

Il-Kelma ta’ Alla hija r-risposta vera għat-talba tagħna

Id-dekriminalizzazzjoni tal-kannabis mhix għajr prova ta’ dan kollu. Ikollna nammettu li aħna nies fil-bżonn. Nies stressjati, nies li għandna ħafna x’nagħmlu, li ma sibniex bilanċ bejn ix-xogħol u l-mistrieħ, nies li m’għadniex insibu ħbieb li nistgħu nafdawhom, nies li qed nippruvaw insolvu l-problemi ta’ relazzjoni billi nibdlu l-partner bħallikieku kienu xi libsa li togħġbok jew li xxebbgħek, nies li għadna nfittxu s-sens veru tal-ħajja, nies li nfittxu li nkunu dejjem aktar kuntenti.

Din is-sensazzjoni ta’ bżonn mhix għajr talba tgħajjat, kultant iddisprata, ħierġa mill-qalb tal-persuna tagħna. Issa aħna nistgħu jew induru lejn Alla u nitolbuh, kif iben jitlob lil missieru – x’nistgħu nagħmlu differenti, fiex qed niżbaljaw, kif jaħseb hu li l-aħjar nagħmlu? –, jew nippruvaw nistordu, naljenaw ruħna, ninsew għal ftit il-problemi tagħna, billi nużaw sustanzi li għal ftit iġagħluna nħossu emozzjonijiet differenti, emozzjonijiet artifiċjali, li mbagħad meta jgħaddu, ma jħallu xejn warajhom ħlief li jxennquna għal aktar minnhom, u jagħmluna skjavi! Il-kannabis mhix l-aħjar risposta għat-talba profonda tal-bniedem! Aħna magħmulin għal wisq aktar mill-ħaxixa!

Ir-risposta għad-domandi profondi tal-bniedem tinsab fil-Kelma tal-Missier. Li kieku jkollna l-umiltà u l-paċenzja li nisimgħu b’qalbna l-Kelma ta’ Alla fl-Iskrittura, ma jkollniex bżonn ta’ ħaxixa.

Proposta tal-ktejjeb tal-Avvent

“Il-ħaxix jinxef u l-ward jidbiel, imma l-Kelma ta’ Alla tibqa’ għal dejjem” (Iż 40:8).

Nhar il-Ħadd li ġej ser nibdew l-Avvent, u mal-Avvent nibdew it-tieni fażi tal-Pjan Pastorali – il-fażi tas-smigħ. Il-Kelma ta’ Alla hija l-‘kannabis’ u l-‘ħaxixa’ li tassew għandu bżonn il-bniedem. Grupp ta’ lajċi, flimkien ma’ xi saċerdoti, minn dawk li qed jaħdmu fuq il-Pjan Pastorali, ħejjew ktejjeb żgħir b’riflessjoni dwar il-Kelma ta’ Alla ta’ kuljum: Il-Fidwa tagħkom hi fil-qrib. Dan il-ktejjeb ser jitqassam illejla, intom u ħerġin. Kull familja tieħu wieħed, biex kuljum tisma’ l-Kelma ta’ Alla matul iż-żmien għażiż tal-Avvent li ġej. Tistgħu ssibuh ukoll fil-Paġna ta’ Facebook tad-Djoċesi ta’ Għawdex. Hekk Ġesù jitwieled mhux biss f’Betlehem fil-presepju, imma Ġesù, il-Kelma, isir ħaj fil-persuna tagħna.

Aktar ma nisimgħu l-Kelma tal-Missier, anqas ikollna bżonn ta’ imbarazz biex nimlew lil qalbna.


It-talb fiċ-ċentru tal-Festa ta’ Kristu Re f’Għawdex

Iċ-ċelebrazzjonijiet ta’ Kristu Re fid-Djoċesi ta’ Għawdex din is-sena, maqsuma fuq erbat ijiem, kienu mumenti sbieħ ta’ laqgħa flimkien wara li s-sena l-oħra l-Covid ċaħħadna xi ftit minn okkażjonijiet bħal dawn.

Bħalissa l-Knisja f’Għawdex għaddejja bit-twettiq tal-Pjan Pastorali tagħha, li fl-ewwel fażi tiegħu li tagħlaq qabel l-Avvent qed jiffoka fuq l-importanza tat-talb fil-ħajja tan-Nisrani. Xi ftit jew wisq, il-mumenti kollha marbuta mal-Festa ta’ Kristu Re kienu marbutin ma’ din it-tema.

L-ewwel appuntament kien il-Ħamis 18 ta’ Novembru waranofsinhar fir-Rotunda ta’ San Ġwann, ix-Xewkija, fejn it-tfal kollha tad-duttrina fil-klassijiet tal-Years 4, 5 u 6 kellhom laqgħa ta’ ferħ għalihom. It-tfal tal-Parroċċa taż-Żebbuġ ħejjew dramm ċkejken dwar kif Ġesù għallimna nitolbu, li kompla ġie spjegat ukoll mill-Arċipriet Dun Ġwann Sultana. Il-Kor tal-istess parroċċa anima din il-laqgħa u semma’ lit-tfal preżenti għall-ewwel darba l-innu ġdid bil-Malti Kristu Rxoxta mħejji mill-Uffiċċju Kateketiku biex jitkanta fil-klassijiet tad-duttrina, u li hu mibni fuq l-istorja tad-dixxipli ta’ Għemmaws li tnebbaħ il-mixja sħiħa tal-Pjan Pastorali. Fl-aħħar l-Isqof sellem lit-tfal u fakkarhom fit-tliet kelmiet li jħobb jgħid il-Papa Franġisku u li jgħoddu wkoll għat-talb: ‘jekk jogħġbok’, ‘skużani’ u ‘grazzi’.

L-għada l-Ġimgħa filgħaxija saret attività sabiħa ħafna għall-adolexxenti, fejn għall-ewwel darba wara ħafna żmien il-gruppi kollha mill-parroċċi u l-komunitajiet Għawdxin inġabru fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu għal ċelebrazzjoni li kienet animata minn Mark Laurence Zammit u l-Animae Gospel Choir. It-tema kienet imnebbħa mill-Messaġġ tal-Papa għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ, li din is-sena għall-ewwel darba beda jiġi ċċelebrat ma’ Kristu Re flok f’Ħadd il-Palm. Il-Messaġġ hu mibni fuq il-kelma “Qum”, u l-adolexxenti ġew mistiedna jħarsu lejn il-figura tal-Beatu żagħżugħ Carlo Acutis għall-ispirazzjoni, li r-relikwa tiegħu, f’dawn l-istess ġranet, kienet esposta għall-ewwel darba f’Għawdex, proprju fis-Santwarju. L-Isqof fl-aħħar mexxa mument ta’ talb u ta l-Barka Ewkaristika, u mbagħad l-adolexxenti setgħu jkomplu jiddevertu u jieklu xi ħaġa sħuna fuq iz-zuntier.

L-istess tema nebbħet il-Mixja li saret is-Sibt billejl għaż-żgħażagħ, organizzata mill-KDŻG. Din telqet fit-8.30pm mis-Santwarju tal-Kunċizzjoni fil-Qala u waslet Ta’ Pinu għall-ħabta tal-11.30pm. Mat-triq saret waqfa wkoll fil-Knejjes parrokkjali tax-Xewkija u ta’ San Ġorġ fir-Rabat. F’kull waqfa saru riflessjonijiet qsar fuq it-tema tar-relazzjonijiet minn Christine Scerri, Dr Stanley Portelli u Dun Joseph Curmi, dejjem fid-dawl tal-Messaġġ tal-Papa liż-żgħażagħ. L-Isqof Anton, li mexa t-triq kollha magħhom, fl-aħħar mexxa mument ta’ talb u adorazzjoni fis-Santwarju.

Iċ-ċelebrazzjonijiet għalqu l-Ħadd 21 ta’ Novembru, Solennità ta’ Kristu Sultan tal-Ħolqien kollu. Filgħodu l-Isqof mexxa Pontifikal fil-Katidral, fejn fl-omelija semma kif ir-regalità ta’ Kristu, għalkemm ma hix ta’ din id-dinja imma hemm bżonn li sseħħ f’din id-dinja. Fl-4.00pm, imbagħad, inżammet iċ-Ċelebrazzjoni Djoċesana fuq iz-Zuntier tas-Santwarju Ta’ Pinu, li kienet imdawla mit-tema “Mulej, għallimna nitolbu”. Bl-għajnuna ta’ tliet salmi u silta mill-Vanġelu kif ukoll xi innijiet, il-miġemgħa ġiet megħjuna tirrifletti fuq il-ġmiel u l-importanza tat-talb. Dan issaħħaħ ukoll bl-esperjenza li qasam Chris Bugeja dwar il-qawwa tat-talb fil-ħajja tiegħu. L-Isqof fid-diskors tiegħu wkoll mess din it-tema anki fid-dawl tas-Sinodu u l-komunjoni, waqt li, f’kuntrast mat-tiftixa żbaljata tal-ferħ fil-ħajja, sejjaħ il-Kelma ta’ Alla l-‘kannabis’ li għandu bżonn il-bniedem biex jgħix. Hawn huwa għamel ukoll il-proposta konkreta tal-ktejjeb b’riflessjoni biblika kuljum għall-Avvent, li tqassam lil dawk kollha preżenti u ssibu wkoll fuq http://www.laikos.org/avvent_2021_gz.pdf. Il-Kor Djoċesan taż-Żgħażagħ, li anima ċ-ċelebrazzjoni, fl-aħħar tagħha ta wkoll kunċert ċkejken ta’ kant imnebbaħ minn talbiet ta’ qaddisin kbar.

Leave a Reply