Illum hi l-festa ta’ San Nikola. Father Christmas daħal tard fl-istorja tal-Milied, f’nofs is-seklu 19. Ġej mill-bogħod mill-istorja ta’ San Nikola li kien Isqof ta’ Mira, fit-Turkija, fis-seklu 4. Għalhekk lil Father Christmas isejħulu wkoll Santa Claus.
Jista’ jkun li San Nikola ħa sehem fil-Konċilju l-Kbir ta’ Niċea (325). Hemm devozzjoni lejn fil-Lvant, Il-fdal tiegħu ħaduh f’Bari, l-Italja fis-seklu 11 billi Mira kienet waqgħet f’idejn il-Musulmani.

Il-leġġenda tgħid li lukandier kien qatel tliet itfal u qiegħdhom fil-melħ biex iservihom għall-ikel. San Nikola, li nzerta għaddej minn hemm, tahom il-ħajja mill-ġdid.
Hu wkoll patrun tal-istudent u tal-baħħara, minħabba mirakli oħra li jirrakkuntaw dwaru. Fix-xbihat tiegħu, naraw il-mitra u s-salib tal-Isqof u wkoll ġieli akkumpanjat bi ħmar, griż jew abjad, mgħobbi bir-rigali. Imma biss lit-tfal bravi!

F’Malta kienet drawwa li fiċ-ċentri tal-MUSEUM, nhar is-6 ta’ Diċembru jsir programm għat-tfal biex jitfakkar dan il-qaddis, ħabib tat-tfal u jingħataw santa bix-xbiha tiegħu.
Fin-Nord ta’ Franza hemm id-drawwa li t-tfal iqiegħdu l-kalzetti tagħhom ħdejn iċ-ċumnija meta jgħaddi San Nikola iħallilhom ir-rigali. Qrib il-festa tiegħu, jiena ġieli rajt statwi żgħar ta’ San Nikola fil-vetrini u fit-twieqi fil-Belġju.
Kitba ta’ Joe Galea
Stampi minn Catholic Link