Ir-ragħaj man-nagħaġ fil-presepju hu xbieha tal-Mulej

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 7 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fit-Tifkira ta’ San Ambroġ, Isqof u Duttur tal-Knisja. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Biex nipruvaw nifhmu t-tixbiha li jagħtina Ġesù llum, tajjeb ninnutaw kif jitkellem dwar Alla. “Hekk ukoll, anqas Missierkom li hu fis-semwwiet ma jrid li jintilef wieħed minn dawn iż-żgħar” (Mt 18:12).

Mela Alla għandu qalb ta’ missier għalina u biex nifhmu allura dan ir-raġel li jkollu 100 nagħġa u tintiliflu waħda minnhom, irridu nifhmu li dan ir-ragħaj hu missier, li għalih in-nagħaġ tiegħu huma wliedu. U allura min għadda mill-avventura tal-maternità u tal-paternità, min hu missier, min hu omm, jaf x’jiġifieri jkollok it-tfal. Jaf ukoll x’jiġifieri jkollok xi ħadd minn uliedek jintilef, b’ħafna modi. U kemm isir iżjed importanti kważi mill-oħrajn. Mhux għax ma tħobbhomx lill-oħrajn, mhux għax ma jinterressakx minnhom, altru! Mhux kollha wliedek? Imma dak li jinkwetak l-iżjed, dik li tħabbtek l-iżjed – ħa nuża frażi naqra iebsa – qisha darsa li tuġgħak. Kollha qegħdin hemmhekk fil-ħalq, imma dik taħseb fuqha l-ħin kollu għax qed tkiddek. Ma tistax tinsieha. U inti trid, kif tixtieq li tfiq id-darsa jew is-sinna, hekk ukoll trid lill-wild li jkiddek ma jibqax u kulħadd jirritorna madwar il-mejda.

Bħalissa qed narmaw il-presepji tagħna, daqqa npoġġu xi għaġeb jew xi skantat, imma tajjeb li npoġġu wkoll ir-ragħaj. Meta npoġġu r-ragħajja man-nagħaġ, niftakru li dik xbieha sabiħa wkoll tal-Mulej

Tgħiduli: kelma din, Father, taf kemm hi iebsa? Għalhekk dan iż-żmien tal-Avvent tajjeb nisimgħu l-kelma tal-profeta. Aħna f’dawn iż-żminijiet qed naqraw minn dan il-ktieb sabiħ tal-Profeta Iżaija, li ħafna drabi l-għorrief tal-Knisja kienu jsejħulu Evanġelju ieħor għax ħafna mill-kitbiet tiegħu seħħu fil-ħajja ta’ Ġesù.

Tgħiduli: allura x’hemm konnessjoni bejn il-profezija li qrajna minn Iżaija u l-Evanġelju tal-lum? Isimgħuha: “Bħal ragħaj li jirgħa l-merħla tiegħu: bi driegħu jiġmagħha, u l-ħrief fi ħdanu jerfagħhom, in-nagħaġ ireddgħu bil-mod imexxihom” (Iż 40:11). Hu ragħaj li jieħu ħsieb il-kundizzjoni ta’ kull nagħġa li għandu fil-merħla, “jiġmagħha bi driegħu, il-ħrief fi ħdanu jerfagħhom u n-nagħaġ ireddgħu” – l-ommijiet li qed ireddgħu, “imexxihom bil-mod”.

Kemm hi ħaġa sabiħa li l-Kelma t’Alla, meta titkellem fuq Alla, tuża din ix-xbieha sabiħa tar-ragħaj. Bħalissa qed narmaw il-presepji tagħna, daqqa npoġġu xi għaġeb jew xi skantat, imma tajjeb li npoġġu wkoll ir-ragħaj. Meta npoġġu r-ragħajja man-nagħaġ, niftakru li dik xbieha sabiħa wkoll tal-Mulej: ir-ragħaj li anke tintiliflu nagħġa waħda – nista’ nkun jien, inti – ifittixna bħalma għamel San Ambroġ.

San Ambroġ dam ħafna snin isqof ta’ Milan. Kien magħruf għall-kelma tiegħu, għat-tagħlim tiegħu, tħabat. Fi żmienu kien hemm din it-taqtigħa bejn min jgħid li Ġesù sar Alla meta tgħammed, ma kienx Alla magħmul bniedem, imma Alla għamlu Messija meta tgħammed fil-Ġordan. Imma l-fidi tal-Knisja minn dejjem kienet: l-Iben t’Alla sar bniedem u Ambroġ tħabat ħafna għal din il-fidi li għadna nżommu sal-lum. U mhux għax kien ħelu San Ambroġ, jiġifieri kultant kien iebes ukoll, imma dejjem kellu l-qalb tar-ragħaj li l-merħla jafha u jagħti ħajtu għaliha.

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: