Id-Dimostrazzjoni tal-Bambin tagħlaq 100 sena

Print Friendly, PDF & Email

L-ikbar żewġ misteri tal-Fidi Nisranija, li jagħmluha differenti minn kull reliġjon oħra, huma l-misteru ta-Trinità (Alla wieħed fi Tliet Persuni, il-Missier, l-Iben u l-Ispirtu s-Santu) u l-misteru tal-Inkarnazzjoni, jiġifieri li Alla li sar bniedem fil-persuna ta’ Ġesù Kristu biex jifdi lill-bniedem. Għalkemm forsi ħafna nsew imma l-Milied mhu xejn għajr il-festa tal-Inkarnazzjoni, it-tifkira ta’ meta Alla sar bniedem. Nistgħu ngħidu li dawn iż-żewġ misteri fundamentali tar-reliġjon Kristjana kienu suġġett speċjali tal-meditazzjoni ta’ San Ġorġ Preca u li fuqhom bena l-qdusija tiegħu.

Il-Kelma saret laħam

Il-Misteru tal-Inkarnazzjoni, kif irrakkuntat fl-Evanġelji ta’ San Luqa u ta’ San Mattew, imsejħa l-Evanġelji tal-Infanzja, hu miġbur bi kliem magħżul fl-ewwel 14-il vers tal-Evanġelju ta’ San Ġwann, u b’mod speċjali fl-aħħar vers: “U l-Kelma saret laħam u għammret fostna” – bil-Latin, Et Verbum caro factum est.

Dan il-prologu ta’ San Ġwann affaxxina ħafna lil Dun Ġorġ qabel ma dan sar saċerdot. Dan li qed ngħidu għandna x-xhieda tal-ewwel Superjur Ġenerali tal-Museum Ewġenju Borg, li kien jirrakkonta lis-soċji tal-bidu li lilu Dun Ġorġ kien jieħdu għalih waħdu, żmien qabel ma ġiet iffurmata formalment is-Soċjetà tal-Museum, taħt siġra tal-ħarrub fil-ġnien ta’ Santa Venera u hemm kien joqgħod jispjegalu l-Bibbja, “u b’mod speċjali l-prologu ta’ San Ġwann”. Is-Superjur Ewġenju lis-soċji kien jgħidilhom li dwar dan il-prologu Dun Ġorġ kien qallu: “Dawn il-versi huma versi tqal u huma l-fundament tar-reliġjon tagħna.”

Dun Ġorġ u l-festa tal-Milied

Il-festa tal-Milied Dun Ġorġ minn kmieni ried jagħtiha importanza fis-Soċjetà tiegħu. Ried li l-membri jagħmlu b’għożża kbira n-Novena li “tagħraf b’awtur tagħha lil San Gejtanu Thiene protettur tagħna.” U jżid jgħid dwarha li “hemm imwiegħed li min jagħmilha bi kwalunkwe mod, Alla l-Missier ikabbarlu lil dan id-don prezzjuż tal-Fidi, li hija l-kawża ta’ kull vittorja fuq l-għedewwa kollha tagħna spiritwali.” Għal matul in-novena riedhom jaqraw ktejjeb miktub minnu L-Iskola ta’ Betlem li mhux ħlief tagħlim miġbud mill-meditazzjoni fuq Ġesù Tarbija.

Presepji u Bambini fil-familji Maltin

L-Inkarnazzjoni seħħet “fil-milja taż-żmien” f’daqsxejn ta’ għar fqir f’Betlem. Għal Dun Ġorġ il-festa tal-Milied li tfakkar din il-ġrajja kellha tifsir speċjali. Kien diġà kellu d-drawwa li fil-jiem tal-Milied jarma f’daru l-presepju, drawwa mibdija minn San Franġisk ta’ Assisi fi Greccio fl-1223. Għal żmien twil matul is-snin fil-festi tal-Milied kien jieħu pjaċir jurih lil min kien imur għandu biex ikellmu. Dan il-presepju għadu jeżisti u jinsab fid-dar li kellu f’Santa Venera fejn kien joqgħod fl-aħħar snin ta’ ħajtu u fejn miet fl-1962.

Bit-tħabrik tal-membri tal-Għaqda tiegħu kien ukoll qed ixerred din id-drawwa fil-familji Maltin permezz tat-tfal li jattendu fid-djar tal-Museum, u dan billi kull tifel u tifla jingħatalhom presepju jew grotta bin-natività jew Bambin fuq blata qrib il-festa tal-Milied. L-istoriku Joseph Muscat jgħid li “Jekk irridu nsibu xi raġuni oħra li għaliha l-presepju llum sab ruħu f’ħafna familji Maltin ma nistgħux inħallu barra s-sehem kbir u kostanti li tat u għadha tagħti s-Soċjetà tal-Museum fl-attivitajiet tagħha f’dawn il-mitt sena li ilha mwaqqfa fil-gżejjer Maltin.”

“Fost l-oħrajn, il-presepju, il-grotta u l-blata bil-Bambin minn dejjem kont issibhom bħala l-premjijiet ewlenin għal żmien il-Milied. Jingħad li madwar l-1950 mal-20,000 tifel u tifla kienu jattendu fl-Oqsma tal-Museum u wieħed jista’ jimmaġina l-influwenza li kellha din l-Għaqda fuq il-familji Maltin.” (Il-Presepju fil-Milied Malti, PIN, 2004)

Id-Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin

Fil-Milied ta’ 100 sena ilu, dak tal-1921, Dun Ġorġ kompla jikkonkretizza din l-imħabba tiegħu lejn il-misteru tal-Inkarnazzjoni permezz ta’ dik li hu ried li tissejjaħ “Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin” fit-toroq tal-ibliet u rħula Maltin. Din id-dimostrazzjoni, li saret biċċa mill-Milied Malti, illum xterdet mhux biss ma’ Malta u Għawdex kollu, imma wkoll barra minn xtutna kull fejn jinsabu l-Oqsma Museumini kif ukoll f’xi parroċċi fil-Brażil permezz ta’ saċerdoti ex-membri tas-Soċjetà MUSEUM.

John Formosa, ex Segretarju Ġenerali tal-Museum, kien qalli li “Ikollna ngħidu li d-data eżatta ta’ meta bdiet id-Dimostrazzjoni tal-Milied ma nafuhiex. Hemm min jaħseb li fl-1920 ħarġet b’mod ristrett mill-Qasam tal-Blata l-Bajda biss, imbagħad fis-sena ta’ wara bdiet toħroġ mill-Oqsma kollha.” (minn korrispondenza miegħi, 17 ta’ Mejju 2018)

Għall-ewwel dimostrazzjoni tal-Bambin, is-soċji ma tantx kienu mħejjijin għaliha, imma Dun Ġorġ ma kienx jaqta’ qalbu malajr. Wara  ftit  tal-ġranet il-membri kollha kienu mimlijin bl-entużjażmu. Marru jixtru Bambin u ma sabu mkien. Fl-aħħar issellfu wieħed jew mingħand patri Franġiskan Konventwali tal-Belt jew mill-Knisja Tas-Samra fil-Ħamrun. Lejlet il-Milied kulħadd beda ġej bil-fanali, min ġab fanali tax-xemgħa, oħrajn fanali tar-roti jixegħlu bl-aċitelena, oħrajn blalen tal-karti, weraq tal-palm u bdew mexjin.

Dakinhar, fil-lejl tal-Milied tal-1921, it-tfal qajmu ’l Ħamrun kollu jkantaw l-“Adeste Fideles” u l-għanja tradizzjonali “Ninni la tibkix iżjed”. U minn sena  għal sena n-nies bdew jistennew id-dimostrazzjoni tal-Milied tal-Mużew sakemm din xterdet ma’ Malta kollha u llum saret waħda mill-aktar tradizzjonijiet ħelwin tal-Milied tal-Gżejjer tagħna.

Ta’ min iżid jgħid li l-awtoritajiet postali ta’ Malta fakkru din id-Dimostrazzjoni tliet darbiet permezz tal-bolli tal-Milied: fl-1970, fl-1981, u fl-1995. Ta’ min josserva li Dun Ġorġ ried li ssir Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin, u li din issir Lejlet il-Milied. Huwa b’hekk antiċipa l-kampanja “Put Christ back into Christmas” tas-snin ’50/’60, li kellha bħala skop li tagħti t-tifsira vera tal-Milied Nisrani li bil-mod il-mod kien sar tant kummerċjalizzat u mneżża’ minn kull tifsira proprja tiegħu. Dun Ġorġ, permezz ta’ din id-drawwa li ħoloq, speċi ried jgħid: Ftakru li l-Milied hu l-miġja ta’ Ġesù fostna bħala bniedem!

Fil-25 ta’ kull xahar!

Użanza ftit u xejn kurjuża fl-ewwel snin tas-Soċjetà hi marbuta ma’ din id-Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin. Kien hemm żmien meta din id-dimostrazzjoni Dun Ġorġ riedha ssir fil-Qasam kull 25 tax-xahar, bil-kant tal-Adeste Fideles. Din id-drawwa tidher oriġinali ħafna. Tgħid Dun Ġorġ ħadha minn xi użanza antika li kienet isseħħ anki f’xi knejjes tagħna aktar minn mitt sena qabel?

L-istoriku John Bezzina jgħid li fil-knisja ta’ San Ġorġ, fir-Rabat, Għawdex, fis-sekli 17 u 18, il-festa tal-Milied fil-knisja ta’ San Ġorġ kienet issir ukoll kull 25 ta’ kull xahar bil-Bambin ta’ De Soldanis. Min-naħa l-oħra din id-drawwa kienet intesiet għal kollox, kif jidher mill-istess kitba ta’ John Sultana, u allura l-probabbiltà hi li Dun Ġorġ ma kienx jaf b’din id-drawwa.

Imma kemm-il darba din il-ħaġa kienet tistona xi ftit, speċjalment meta l-25 tax-xahar kien jaħbat qrib il-Ġimgħa Mqaddsa! Maż-żmien, id-dimostrazzjoni ta’ kull xahar fil-Qasam spiċċat, u flokha Dun Ġorġ daħħal il-“Kult Verbum Dei” biex jieħu post it-talba tas-6.00 p.m. fl-Arloġġ Museumin kull 25 tax-xahar.

Ġesù mwassal lill-Poplu

Iżda rridu ngħidu li meta Dun Ġorġ “ivvinta” d-Dimostrazzjoni ta’ Ġesù Bambin għal lejlet il-Milied, żgur li hu ma fehemx biss sempliċement dawra fit-toroq tal-belt jew raħal bi statwetta tal-Bambin tal-ġibs jew tax-xemgħa, u xejn iżjed. Irridu mmorru aktar ’l hemm minn dak li jidher bl-għajnejn.

Dun Ġorġ ifakkar lis-soċji tal-Museum li xogħolhom hu li jwasslu lil Ġesù lill-poplu, “l-oġġett uniku tal-qalb tagħna.” John Formosa jgħid: “Hawn jiena nilmaħ lil Dun Ġorġ qiegħed jagħmel pass aktar ’l hemm minn dak li kien għamel San Franġisk t’Assisi bil-presepju li ħoloq u li bih intrabat mal-Milied: Dun Ġorġ jaqbad il-Bambin mill-Grotta biex jurih lin-nies (għalhekk jinqeda bil-kelma dimostrazzjoni, mit-taljan dimostrare = turi), u jfakkarhom fil-vers importanti ta’ San Ġwann: ‘Araw kemm Alla ħabb id-dinja, li bagħtilha ’l-Iben waħdieni tiegħu, biex kull min jemmen fih ma jintilifx, iżda jkollu l-ħajja ta’ dejjem!’ (Ġw 3,16).”

Dun Ġorġ kien jifhem li l-Inkarnazzjoni ma kinitx ġrajja li seħħet darba f’mument tal-istorja, u xejn iżjed; iżda hi ġrajja li tikkontinwa tul iż-żminijiet kollha. Dun Ġorġ tul ħajtu kollha pprova “jinkarna” lil Ġesù fil-ħajja tal-bnedmin li ġew f’kuntatt miegħu. Din kienet ix-xewqa ewlenija ta’ qalbu, kif esprimieha sa mill-bidunett tat-twaqqif tas-Soċjetà tal-Museum fl-1907 meta, mill-isem “Mużew” li ż-żgħażagħ tiegħu taw lill-grupp tagħhom fil-bidu tiegħu, Dun Ġorġ ifforma l-akronimu M.U.S.E.U.M., li kienet talba u programm fl-istess ħin: Magister, utinam sequatur universus mundus: Mhux li kien li d-dinja kollha timxi wara l-Evanġelju!

L-Inkarnazzjoni tissokta

Għal San Ġorġ Preca, l-Inkarnazzjoni mhuwiex fatt illi seħħ elfejn sena ilu, u għadda u spiċċa, imma għadu u jibqa’ jseħħ tul iż-żminijiet kollha li ġew u jiġu warajh. Xogħol kull Nisrani veru hu li “jinkarna” lil dan Ġesù fil-bnedmin ħutu. Dun Ġorġ jagħti l-mezzi biex dan iseħħ.

Fil-konklużjoni tal-ktieb Il-“Benedicta”, insibu kapitlu jismu “Marija Santissma titkellem fuq il-Kelma Inkarnata. Intom li tfittxu s-Sinjur, isimgħu.” Dun Ġorġ jistħajjel lil Marija titkellem fuq Ġesù u l-Inkarnazzjoni. Fi tmiem dan il-kapitlu, Dun Ġorġ jistħajjel lil Omm Ġesù tispiċċa b’dan il-kliem:

“Intom li tfittxu lis-Sinjur, fittxu dejjem il-wiċċ tiegħu u tifraħ il-qalb tagħkom jekk intom tfittxuh bl-ispirtu u bil-verità. Ħarsu lejn il-Kelma Inkarnata, lejn Ġesù Kristu, u imitawh fl-ispirtu tiegħu biex issiru xebh tiegħu.”

“Aħsbu, u tkellmu, u opraw bħalma kien jaħseb u jitkellem, u jopra huwa stess. Agħmlu l-ewwel intom il-parti tagħkom, għax hekk jenħtieġ indispensabilment, sabiex huwa magħkom jagħmel il-parti tiegħu.”

“Ippurifikaw dak li hu tagħkom jiġifieri l-intellett, il-volontà, l-fantasija, is-sensi u l-passjonijiet. Bit-tgħakkis, bl-isforzi, bl-ubbidjenza u bl-orazzjoni intom taslu taraw u tippossiedu l-wiċċ tiegħu.” (Il-Benedicta, 1933)

Dal-kliem li Dun Ġorġ jqiegħed fuq il-fomm tal-Madonna huwa l-messaġġ li hu jrid jagħti lil kull min irid jimxi mill-qrib wara l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem biex ikun jista’ jservi ta’ ħmira għall-oħrajn.

Kitba ta’ Robert Aloisio

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: