Meta l-ħeffa hi tajba

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħadd, 29 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tar-4 Ħadd tal-Avvent. Parroċċa tal-Lunzjata, Ħal Balzan.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Il-Papa Franġisku għażel bħala tema għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ tas-sena d-dieħla l-kliem li smajna llum fir-rakkont tal-Evanġelju: “Marija qamet u marret tħaffef…” Hu jenfasizza ħafna l-kelma “tħaffef”, għaliex hawnhekk fl-Evanġelju naraw lil Marija li mhux biss marret iżżur lil Eliżabetta, imma marret “tħaffef” biex tkun magħha.

Għaliex din il-kelma “tħaffef” għandha daqshekk tifsira hawnhekk? Nifhmu xi tfisser meta naraw ir-rakkont ta’ qabel dan, dak ta’ meta l-anġlu Gabriel iħabbar lil Marija li hi se tkun Omm Ġesù, u hi, li għall-bidu ma fehmitx, meta fehmet li minn Alla, qalet “Hawn jien il-qaddejja tal-Mulej, ħa jsir minni skont kelmtek”. F’dak il-mument, Ġesù tnissel fiha, hi laqgħet lil Ġesù fiha.

Marija toħroġ ’il barra

Eżatt wara, naqraw li “Marija qamet u marret tħaffef…” L-anġlu kien qalilha lil Marija li mhux biss hi se tkun omm, imma l-qariba tagħha Eliżabetta wkoll kien se jkollha tarbija. Għalhekk, l-ewwel ħaġa li għamlet Marija kienet li marret tħaffef biex tkun mal-kuġina tagħha Eliżabetta, ħalli magħha tista’ taqsam l-Aħbar sabiħa, l-Aħbar it-tajba li kellha, u tkun magħha wkoll f’dak iż-żmien importanti għall-ħajja ta’ Eliżabetta, meta hi wkoll kienet qed tistenna tarbija. Hemm rabta bejn dawn iż-żewġ ġrajjiet, rabta sabiħa li tfisser li kif Marija mtliet bil-qawwa tal-Ispirtu ta’ Alla u kellha l-preżenza ta’ Ġesù fiha, l-ewwel ħaġa li għamlet kienet li marret biex taqsam din il-preżenza sabiħa ta’ Ġesù fiha mal-kuġina tagħha.

Ġesù jwassalna għand l-oħrajn

Il-Papa jenfasizza dan għax jixtieq li aħna lkoll nifhmu li din għandha tkun ukoll l-esperjenza tagħna, tal-preżenza ta’ Ġesù fina: li aħna nħalluh tassew ikun f’qalbna, u bħal Marija ngħidu “ikun minni skont kelmtek”; u din il-preżenza tiegħu fina m’għandhiex tħallina ningħalqu fina nfusna, jew nehdew bina nfusa, jew induru magħna nfusna, imma tgħinna biex noħorġu lejn l-oħrajn biex magħhom naqsmu l-esperjenza sabiħa tagħna u biex inkunu magħhom fl-esperjenza tal-ħajja tagħhom. Hawnhekk f’din il-ġrajja Marija qasmet l-esperjenza tagħha ma’ Eliżabetta, u fl-istess waqt il-preżenza tagħha kienet ta’ għajnuna għal Eliżabetta fi żmien meta hi kienet qed tistenna tarbija. Għalhekk hemm din ir-rabta sabiħa bejn il-preżenza ta’ Ġesù fina u kif din tgħinna biex aħna naħsbu fl-oħrajn, u nkunu ta’ appoġġ u sostenn għall-oħrajn.

Din il-ġrajja turina diversi affarijiet li huma ta’ valur għall-ħajja tagħna.

Preżenza li tferraħ

Hi ġrajja li tenfasizza l-ferħ li jġib Ġesù fina. Hawnhekk hawn festa ta’ ferħ ta’ dawn iż-żewġ nisa flimkien, anke l-kliem ta’ Marija u Eliżabetta juri dan. Il-preżenza ta’ Marija ġġib ħafna ferħ fid-dar ta’ Eliżabetta. Mhuwiex ferħ li jfisser sempliċiment pjaċir bl-affarijiet li jkollna fil-ħajja, imma hu ferħ li jkun f’qalbna u jgħinna biex il-preżenza tagħna tkun preżenza li tferraħ. Hekk hi l-esperjenza ta’ Marija meta marret għand Eliżabetta: il-ferħ f’qalbha qasmitu ma’ Eliżabetta, u hi kienet preżenza li tferraħ.

Kliem ta’ barka u inkoraġġiment

Din il-ġrajja turik kif dawk li jkollhom lil Ġesù f’qalbhom, il-kliem tagħhom ikun kliem ta’ barka, ta’ inkoraġġiment; kliem li jibni mhux kliem li jħott jew li jinsulta jew li jweġġa’. Il-kliem ta’ Marija u ta’ Eliżabetta huma kliem ta’ tifħir lil Alla u ta’ barka lil xulxin. Eliżabetta tgħid: “Imbierka inti fost in-nisa..hienja dik li emmnet”. Aktar ’il quddiem, naraw lil Marija fil-kantiku ta’ tifħir, tfaħħar lil Alla “għax għamel miegħi ħwejjeġ kbar”.

Dan hu importanti għall-ħajja tagħna. Il-kliem tagħna għandu jkun kliem ta’ inkoraġġiment, kliem li jibni, kliem ta’ barka. Sfortunatament, speċjalment meta taqra kummenti online, hemm ħafna kliem ta’ insulti. Tiġik ħasra l-ewwel nett għal min jiktibhom, għaliex meta int tinsulta lil ħaddieħor, qed tgħid x’għandek fik, qed tgħid li l-qalb tiegħek hi mnawra, imħassra. Hawn, f’dan l-Evanġelju, għandna eżatt il-kontra: kliem ta’ tifħir, ta’ inkoraġġiment, ta’ barka. Hekk għandu jkun. Il-preżenza ta’ Ġesù fina għandha turi ruħha fil-kliem tagħna.

Innu favur il-ħajja

F’din il-ġrajja hawn ukoll innu favur il-ħajja. Meta Marija u Eliżabetta jiltaqgħu flimkien, qed naraw tnejn min-nies imma fil-fatt hemm erbgħa. Marija kellha fil-ġuf tagħha lil Ġesù tarbija, li kien għadu fil-bidu; u Eliżabetta kellha fil-ġuf lil Ġwanni l-Battista, li kien avvanzat aktar. Hawnhekk hawn din il-barka lit-tarbija fil-ġuf: “Imbierek il-frott tal-ġuf tiegħek”, li turina kemm il-ħajja hi għażiża mill-ewwel mument tat-tnissil tagħha u f’kull waqt tagħha.

Hawn għandna din il-festa ta’ tnejn min-nies li qed jistennew tarbija, u jifhmu għalhekk li mhumiex tnejn imma fil-fatt qegħdin erbgħa: tnejn jidhru u tnejn ma jidhrux, tnejn qed tarahom u tnejn qed tistenniehom. Hemm l-għożża tal-ħajja.

Illum, ispirati minn din il-kelma ta’ Alla, nitolbu lill-Mulej jgħinna biex nitgħallmu minn Marija u Eliżabetta tant affarijiet sbieħ għall-ħajja tagħna, u speċjalment l-imħabba li twassalna għand l-oħrajn, l-għożż tal-ħajja, il-ferħ f’qalbna, it-tifħir lil Alla u l-kliem ta’ barka lil xulxin, frott tal-preżenza ta’ Ġesù fina.

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: