San Ġużepp u l-Milied

Print Friendly, PDF & Email

Meta jiġi l-Milied ma nistgħux ma niftakrux f’San Ġużepp. Tant huwa hekk li presepju jkollu xi ħaġa nieqsa mingħajr il-figura tieghu.

1 • Sidna Ġesù Kristu jidħol fid-dinja fost il-problemi tal-ħajja

F’dawn il-festi hija ħaġa xierqa li naraw ir-rabta ta’ dan il-qaddis mal-misteru tal-Inkarnazzjoni jiġifieri li Kristu sar bniedem bħalna barra mid-dnub. Huwa ta’ ferħ kbir għalina l-bnedmin. Iżda fit-twettiq tiegħu kien hemm mumenti ta’ tbatija għall-Verġni Marija u San Ġużepp.

Dan il-qaddis tnikket meta sar jaf li Marija ħarġet tqila u kien ser ikollha tarbija li mhix minn tiegħu. Għalhekk għax kien ġust ried jibgħatha bil-moħbi. Iżda Alla l-imbierek li dejjem jagħti d-dawl tiegħu lil kulħadd kellmu fil-ħolm permezz ta’ anġlu li qallu: “Ġużepp bin David, la tibżax tieħu għandek lil Marija, l-għarusa tiegħek, għax dak li tnissel fiha hu mill-Ispirtu s-Santu” (Mt 1,20).

It-tieni niket ta’ San Ġużepp kien il-vjaġġ lejn Betlem billi kienet ħarġet ordni mill-imperatur ta’ Ruma biex isir ċensiment. U kellu jobdi din l-ordni u jagħmel dan il-vjaġġ fost inċertezza kbira billi Marija kienet tistenna li jkollha tarbija.

Nistgħu nimmaġinaw kemm ħass qalbu tingħafas meta ma sabx lukanda fejn joqgħod. Kellu jikkuntenta li jsib rifuġju f’għar li kien post ta’ faqar. Iżda kif kien jgħid l-qaddej ta’ Alla Dun Mikiel Alla għandna nieħdu dak kollu li jiġri b’viżjoni ta’ fidi. U San Ġużepp għamel dan u dlonk in-niket tiegħu nbidel f’hena meta ra l-wiċċ ta’ Ġesù tarbija li fis-sema huwa l-għaxqa tal-anġli u tal-qaddisin.

San Luqa jgħidna li ta’ tmint ijiem għamlu lil Ġesù ċ-ċirkonċiżjoni u “ semmewh Ġesù kif kien imsemmi mill-anġlu, qabel ma tnissel fil-ġuf” (Lq 2,21). U wara erbgħin jum mit-twelid San Ġużepp u l-Verġni Marija ppreżentawh fit-tempju jiġifieri offrewh lil Mulej. Hemmhekk offrew offerta tal-fqar jiġifieri żewġ gamimiet jew żewġ ifrieħ tal-ħamiem. Hemmhekk iltaqgħu fit-tempju ma’ Xmun il-profeta u l-profetessa Anna li qalu ħafna ħwejjeġ dwar Ġesù fosthom dak li qal Xmuni lil Marija: “Ara, dan ikun tiġrif u qawwa għal ħafna f’Iżrael, u sinjal li jmeruh,u int ukoll is-sejf jinfidlek qalbek, biex jinkixfu l-ħsibjiet ta’ ħafna qlub” (Lq 2, 34-35).

L-esperjenza fit-tempju ta’ San Ġużepp u Marija jiddiskrivhielna San Luqa b’dan il-mod: “u kienu missieru u ommu mgħaġġbin b’dak li ntqal fuqu” (Lq 2,33).

1• San Ġużepp kellu mumenti ta’ ferħ

Inkunu niżbaljaw meta naħsbu li r-rieda ta’ Alla hija li dejjem inbatu. Huwa jagħti okkazjonijiet ta’ paċi u ferħ lill-qaddejja tiegħu biex ma jaqtgħux qalbhom fost is-slaleb tal-ħajja. U proprju hekk għamel ma’ San Ġużepp meta l-Maġi ġew għandu mil-Lvant biex jaduraw lil Ġesù u joffrulu deheb, inċens u mirra.

Iżda niket ieħor kien qiegħed iħabbat fuq il-bieb. Wara li l-Maġi telqu deherlu l-anġlu tal-Mulej u ordnalu: “Qum, hu t-tarbija u lil ommu u aħrab lejn l-Eġittu u oqgħod hemm sa ma ngħidlek, għaliex Erodi sa jfittex it-tarbija biex joqtolha”(Mt 2, 13). Nistgħu ngħidu li sejf ta’ dulur nifidlu qalbu meta kellu din l-isfida quddiemu filwaqt li sema’ li Erodi għamel straġi mit-trabi ta’ Betlem minn sentejn ʾl isfel.

Fl-Eġittu San Ġużepp u l-Verġni Marija sabu ambjent differenti minn dak li kien jgħixu fih fl-Art Imqaddsa. Il-familja ta’ Nażaret daqet l-esperjenza ta’ immigrazzjoni mhux biex ikollhom ħajja aħjar iżda biex ikollhom post sigur għal Ġesù.  Meta wasal il-waqt reġa’ deherlu l-anġlu tal-Mulej f’ħolma biex jerġa lura lejn il-Galilija u mar joqgħod f’Nażaret

Inkunu niżbaljaw jekk naraw f’dawn il-ġrajjiet lil San Ġużepp qisu xi attur. Huwa kien qiegħed jieħu sehem fil-miġja ta’ Ġesù fostna.  Ir-re ta’ rejiet ma għamilx il-miġja tiegħu b’mod trijonfalista iżda fil-faqar u fl-umiltà. U San Ġużepp li rċieva mingħand Alla l-Missier il-missjoni biex jieħu ħsieb Ġesù fid-dinja kellu jimmudella ħajtu fuq il-misteru tal-Inkarnazzjoni. U dan il-qaddis aċċetta din il-missjoni fuq din l-art fis-silenzju tant li fl-Evanġelji ma nsibu l-ebda kelma li qal. It-tbatija ta’ Ġużeppi ma kinitx waħda ta’ frustrazzjoni iżda ta’ għotja ġeneruża u bil-qalb lil Alla li ġġib il-paċi u l-ferħ.

3• Niċċelebraw il-Milied fuq il-passi ta’ dan il-qaddis

Għalina l-insara l-Milied huwa festa ta’ ferħ u ta’ ċelebrazzjonijiet anki soċjali. Iżda jekk naraw l-esperjenza ta’ San Ġużepp fl-ewwel Milied f’dan iż-żmien tas-sena ma għandniex ninsew dawk il-familji li għaddejjin minn problemi ta’ diversi xortiet, lil dawk li jkollhom jaħarbu pajjiżhom biex isalvaw ħajjithom, u lil dawk li huma mċaħħdin minn ħwejjeġ bażiċi anki jekk inhuwa tort tagħhom.

San Ġużepp jgħallimna li l-Milied ma jiġix biex nieħdu gost biss iżda billi ninfethu għal xulxin speċjalment għal dawk li huma anqas ixxurtjati minna u billi ndaħħlu aktar lil Ġesù f’ħajjitna. Il-Milied jagħmel aktar sens jekk nimxu fuq il-passi ta’ San Ġużepp, inħobbu aktar lil Ġesù filwaqt li ninfetħu għal dawk li huma fil-bżonn.

Kirba ta’ Angelo Xuereb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: