Aħna li mmorru quddies il-Ħadd żgur li smajna kemm Insara ħutna qed jibqgħu ‘il bogħod mill-Knisja. Żgur ukoll li, bħali, staqsejna lilna nfusna: “Imma jien x’nista’ nagħmel?” Wara ftit talb u riflessjoni, nixtieq naqsam magħkom dawn il-ħsibijiet:
L-ewwel, nitolbu għalihom u għalina nfusna ħalli nidħlu fil-ħsieb u l-qalb tal-Missier Etern u b’hekk inkunu nistgħu naraw xi triq irridu nieħdu. It-tieni: nifhmu sew x’inhi l-Quddiesa u l-iskop li għalih Kristu waqqaf dan is-Sagrament tal-għaġeb. Fil-qosor, il-Quddiesa hija ikla u festa ta’ tieġ: “Hienja dawk li kienu mistiedna għall-mejda tat-tieġ tal-Ħaruf” (Apok. 19, 9). L-Għarus hu Kristu, l-Għarusa hi l-miġemgħa (aħna miġburin flimkien). Kristu, li Hu wieħed, jiġi fina li aħna ħafna. U aħna li aħna ħafna insiru ħaġa waħda permezz ta’ Kristu. Mela l-iskop tal-Quddiesa hija din l-għaqda bejnietna. Din irridu nuruha l-ewwel waqt il-Quddiesa billi nitolbu flimkien, inkantaw, inqumu u noqogħdu bilqiegħda flimkien, u nwieġbu flimkien il-partijiet li jmissu lilna. Fuq kollox, jiħtieġ li nagħmlu ħilitna kollha biex nitqarbnu, għax din hi l-qofol tal-għaqda. In fatti, waqt din l-ikla, inmantnu ‘l-moħħna u ‘l-qalbna bil-Kelma t’Alla, u mbagħad nieklu tabilħaqq il-Ħobż tal-Ħajja – Sidna Ġesu Kristu bil-Ġisem, id-Demm ir-Ruħ u d-Divinita’ Tiegħu. Kif noħorġu mill-knisja, aħna mistenni minna li nagħtu xhieda tal-għaqda li nkunu wettaqna. Dan irridu nagħmluh minn Quddiesa għall-oħra bil-ħajja tagħna ta’ kuljum, kull fejn inkunu u ma’ kull min niltaqgħu, hu min hu. Mela, waqt il-Quddiesa jien m’hiniex spettatur imma protagonist. Jiħtieġ nagħmel sforz biex ma nitlifx kelma waħda mill-qari u t-talb sabiħ li jgħid il-qassis, u nieħu sehem, inwieġeb u nkanta mill-aħjar li nista’. Hawn ta’ min jgħid li kull daqq u kant li jeskludi n-nies milli jkantaw ma jgħinx biex naslu għall-għaqda li semmmejt hawn fuq.
Xi proposti li Ġesu jagħmilli fil-Vanġelu huma diffiċli biex ma ngħidx impossibbi, e.g. biex naħfer l-għedewwa tiegħi. Dawn isiru possibbli jekk ikolli fija l-qawwa tal-Ewkaristija.
Bit-Tqarbin ta’ spiss, jien nirċievi fija il-Qaddis tal-qaddisin. Jekk waqt il-Quddiesa nagħmel sforz biex nikkonċentra u nirrifletti fuq dan il-misteru, għandu jkabbar fija l-qdusija li ġġib ferħ kbir. Aħna l-poplu l-ġdid t’Alla, il-poplu tal-Għid il-Kbir. Jekk inkunu xhieda ta’ dan il-ferħ ġenwin, żgur li ħutna se jsaqsuna minn fejn u kif qed inġibu dan il-ferħ.
Minn Edward Tagliaferro