L-għerf tal-anzjani tagħna

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ħamis, 30 ta’ Diċembru 2021: Omelija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fis-sitt jum fl-ottava tal-Milied. Kappella tal-Kurja, Floriana.

L-omelija tal-Arċisqof Charles Jude Scicluna

Ilbieraħ smajna r-rakkont tal-preżentazzjoni tal-Mulej ta’ Ġesù fit-tempju. Iltqajna ma’ raġel xwejjaħ jismu Xmun. Illum niltaqgħu ma’ mara xwejħa li hi wkoll parti minn dan ir-rakkont, minn din l-esperjenza ta’ Marija u Ġużeppi, li jieħdu lit-tarbija Ġesù ta’ 40 jum fit-tempju biex jiġi ppreżentat. Aħna fit-2 ta’ Frar nerġgħu nfakkru dan l-avveniment għax fit-2 ta’ Frar ikunu għaddew 40 jum mill-Milied u allura nfakkru l-40 ġurnata tal-Bambin Ġesù.

Imma f’din l-Ottava, f’dawn it-tmint ijiem, nisimgħu r-rakkonti mill-Evanġelji dwar Ġesù tarbija, dwar it-twelid tiegħu u anke t-tfulija ta’ Ġesù. Il-Ħadd li għadda pereżempju smajna x’għamel u x’ġara meta kellu 12-il sena u ntilef fit-tempju. F’dan ir-rakkont il-protogonisti huma l-anzjani; l-anzjani li mqanqlin mill-Ispirtu tal-Mulej, bl-esperjenza li għandhom, jagħrfu fit-tarbija Ġesù, l-Iben ta’ Alla magħmul bniedem. Donnu fil-misteru tal-preżentazzjoni tal-Mulej jiltaqgħu ż-żgħożija u l-anzjanità, biex ma ngħidux ukoll ix-xjuħija. Donnu l-familja ta’ Nazaret, magħmula minn żewġ żgħażagħ, Marija u Ġużeppi, u Ġesù tarbija, jiġu ppreżentati lill-Mulej imma żewġ anzjani jagħrfuhom ta’ min huma tassew.

Mid-dehra dawn l-anzjani kienu nies foqra għax ma kellhomx biex jixtru ħaruf; għaliex il-liġi kienet tgħid li jekk tista’ biex tifdi lit-tifel fil-preżentazzjoni, offri ħaruf. Imma jekk m’intix daqshekk komdu tista’ toffri par bċieċen jew par gamiem. Din hija l-offerta li tissemma’ fil-preżentazzjoni tal-Mulej, l-offerta tal-foqra. X’aktarx fit-tempju Ġużeppi ġab f’gaġġa mhux ħaruf imma par ħamiem. Fil-fatt fil-pitturi sbieħ ta’ San Ġużepp u anke fl-istatwi fl-irħula tagħna, naraw lil San Ġużepp b’gaġġa b’żewġ ħamimiet jew gamimiet għax dik kienet l-offerta li seta’ joffri l-mastrudaxxa ta’ Nazaret. Min seta’ jara minn barra jgħid li dawn nies fqar u ġejjin mill-Galilija imma dawn l-anzjani, Xmun u Anna, jagħrfu min hu t-tifel. “Dak il-ħin stess Anna waslet, u bdiet trodd ħajr lil Alla u titkellem fuq it-tarbija ma’ dawk kollha li kienu jistennew il-fidwa ta’ Ġerusalemm” (Lq 2:38).

Nixtieq infakkar dak li jgħid il-Papa Franġisku dwar l-anzjani tagħna: li għandhom il-memorja u għandhom konnessjoni qawwija mal-għeruq tagħna. Hi ħaġa sabiħa li aħna nkunu nistgħu nisimgħu r-rakkonti, l-esperjenzi u l-għerf tal-anzjani tagħna. Fuq kollox, fil-preżentazzjoni tiegħu, kienu żewġ anzjani, Xmun u Anna, li kienet ukoll armla, li għarfuh u li ppreżentawh lid-dinja ta’ li hu. 

✠ Charles Jude Scicluna
    Arċisqof ta’ Malta


Qari tal-quddiesa
Qari I: 1 Ġw 2:12-17
Salm: 5 (96), 7-8a.8b-9.10
L-Evanġelju: Lq 2:36-40

Sors: www.knisja.mt

Leave a Reply

%d bloggers like this: