Ġwanni Pawlu II fil-Parroċċa ta’ Ġesù Divino Operatore

Print Friendly, PDF & Email

VISTA PASTORALI FIL-PARROĊĊA TA’ GESÙ DIVINO LAVORATORE
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Ruma, 25 ta’ Ottubtru 1981

1. “Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi / Mulej, blata tiegħi, fortizza tiegħi,. / ħellies tiegħi)”.

Nippronunzja flimkien magħkom dan il-kliem żelanti tas-salm responsorjali, illum li ngħatali li nwettaq iż-żjara pastorali lill-parroċċa tagħkom, li kienet diġa pprogrammata għall-jum tal-24 ta’ Mejju. Huwa magħruf liema ċirkustanzi għamlu mpossibbli l-laqgħa tagħna dakinhar. Imma propju l-istess ċirkustanzi llum jimbuttawni biex intenni b’mod l-iktar personali l-kliem tas-salmista: “Mulej, qawwa tiegħi, ħellies tiegħi, Inħobbok!” U bl-istess kliem insellem fl-istess ħin lilkom ilkoll, li nġbartu hawn, lill-parroċċa kollha ddedikata lill-Ġesù Divin Ħaddiem, waqt li niżżikom ħajr għall-ħsieb u għat-talb li b’mod partikolari ħassejt tul il-ġimgħat u x-xhur li għaddew.

2. Iż-żjara lill-parroċċa li ġġib l-isem ta’ Ġesù Divin Ħaddiem kienet b’mod partikolari mqanqla f’Mejju ta’ din is-sena, ladarba l-Knisja kollha tiftakar l-ewwel enċiklika kbira ta’ Ljun XIII, iddedikata għall-“kwistjoni soċjali” u speċjalment għall-“kawża tal-ħaddiema”. Infatti l-enċiklika ħarġet nhar il-15 ta’ Mejju 1891. Biex nuri l-kontinwità tat-tagħlim u tal-azzjoni tal-Knisja fil-qasam ta’ dawn il-problemi mportanti, ippubblikajt enċiklika soċjali ġdida Laborem Exercens, iddedikat b’mod dirett u totali għax-xogħol uman fil-kuntest tar-realtà kontemporanja tagħna, tant differenti f’dan il-qasam.

Propju b’tali “patrimonju” niġi llum fil-komunità tagħkom, fil-parroċċa ta’ Ġesù Divin Ħaddiem, biex noffrilu qima, mhux biss it-tifkira ta’ dak id-Dokument storiku ta’ disgħin sena ilu, imma wkoll l-espressjoni tal-ħsieb u tal-assistenza tal-Knisja tallum.

Waqt li niltaqà magħkom għall-ewwel darba, nixtieq qabel xejn noffri t-tislima tiegħi rikonoxxenti lill-Kardinal Vigarju tiegħi, lill-Monsinjur Remigio Ragonesi, l-Isqof responsabbli ta’ din iż-żona, u lill-kappillan, Mons. Francesco Rauti, li mill-erbgħin sena saċerdozju tiegħu iddedika sitta u għoxrin lil din il-parroċċa, billi segwiha b’mod instankabbli sa mit-twaqqif tagħha: lilu b’mod speċjali nawgura bil-qalb saħħa, sabiex ikun jistà jkompli iktar fit-tul ix-xogħol pastorali ġeneruż tiegħu. Insellem imbagħad lit-tliet viċijiet żelanti, lis-saċerdoti u lir-reliġjużi li joffru l-opra spiritwali tagħhom, lir-reliġjużi nisa u lil-lajċi mpenjati fid-diversi attivitajiet katekistiċi, formattivi, karitattivi u sportivi. Imma b’mod speċjali feħsiebni nsellem lilkom b’imħabba kbira, għeżież fidili ta’ Ġesù Divin Ħaddiem, tfal u żgħażagħ, adulti u anzjani, u permezz tagħkom nixtieq nilħaq bl-imħabba tiegħi ta’ missier u ta’ ħabib lill-familji kollha li jiffurmaw din il-komunità ġganteska Rumana: wasslu t-tislima tiegħi u mħabbti lil kulħadd, u b’mod speċjali lill-morda, lill-batuti u lil dawk li għal diversi raġunijiet jħossuhom weħedhom u mbegħda.

3. Illum fl-ewwel Qari mill-ktieb tal-Esodu, nisimgħu l-appelli li l-awtur tat-test jindirizza min-naħa ta’ Alla lill-bnedmin tal-Patt il-Qadim, u li ma jitilfu l-attwalità tagħhom fl-ebda epoka: “la ddejjaqx…”, “ la  taħqarx”, “la timmaltrattax l-armla u l-iltim”, “la ġġibx ruħek…sellief qarrieq”, “jekk tieħu b’self…roddu lura”.

L-awtur tal-ktieb tal-Esodu b’dawn l-ordnijiet hekk qawwija u mandatorji irid iġegħlna nirriflettu fuq ir-realtà fundamentali tal-eżistenza ta’ “liġi morali naturali”, imdeffsa fl-istess struttura tal-bniedem, esseri intelliġenti u ta’ rieda. Alla ma ħalaqx il-bniedem b’kumbinazzjoni, imma skont proġett ta’ mħabba u ta’ salvazzjoni. Minħabba l-fatt stess li persuna hija ħajja u koxjenti, ma tistax tħalli lilha nfisha titmexxa u tkun iddominata mill-att arbitrarju., mill-awtonomija, mill-impuls tal-istinti u tal-passjonijiet.

Sfortunatament illum qed jiġi mgħallem u dissaminat mill-mezzi tal-komunikazzjoni, b’mod speċjali mill-awdjoviżivi, “umaneżmu istintiv”, li jeżalta l-valur arbitrarju tal-ispontanjetà istintiva, tal-edoniżmu, tal-aggressjoni. Imma mhuwiex hekk: hemm liġi morali miktuba fil-kuxjenza stess tal-bniedem, li timponi li jkunu rispettati d-drittijiet tal-Ħallieq u tal-proxxmu u d-dinjità tal-persuna propja; liġi li b’mod prattiku tesprimi ruħha bl-“Għaxar Kmandamenti”.

Il-ksur tal-liġi morali naturali huwa sors ta’ konsegwenzi terribbli u dan diġa  nnutah San Pawl fl-Ittra lir-Rumani: “Tbatija u dwejjaq għal kull ruħ ta’ bniedem li jagħmel il-ħażen…glorja u ġieħ u sliem għal kull min jagħmel it-tajjeb” (Rm 2,9-10). Dan li San Pawl kien irrifera għall-popli pagani, li ma kinux aġixxew skont l-għarfien razzjonali ta’ Alla, Uniku Ħallieq u Mulej, u li kienu ddisprezzaw il-liġi morali naturali, għandu konferma mpressjonanti fiż-żminijiet kollha, u allura fl-epoka tagħna wkoll: “Billi l-bnedmin m’għoġobhomx jagħarfu sewwa lil Alla, Alla ħallihom fil-fehmiet ħżiena tagħhom, biex għamlu dak li ma jixraqx, intlew b’kull xorta ta’ inġustizzji u ħażen, regħba, dnewwa, qerq u malizzja…” (Rm 1,28-29).

Ir-riduzzjoni tal-morali, kemm fil-kamp soċjali kif ukoll fl-isfera personali, ikkawżata mid-diżubbidjenza tal-liġi ta’ Alla miktuba fil-qalb tal-bniedem, hija l-ikbar theddida terribbli għall-persuna ndividwali u għall-umanità kollha.

Din is-sitwazzjoni drammatika kienet diġa hemm fiż-żminijiet tal-enċiklika Rerum Novarum; u sfortunatament, wara disgħin sena għadna xhieda bil-waqgħa tal-morali u t-theddida kbira sussegwenti għall-bniedem.

4. Fil-Vanġelu tallum duttur tal-liġi jistaqsi lil Ġesù: “Mgħallem liema hu l-ikbar kmandament tal-liġi?” (Mt 22,36). Kristu jwieġeb: “Ħobb lilll-Mulej Alla tiegħek b’qalbek kollha, b’ruħek kollha u b’moħħok kollu. Dan huwa l-ikbar u l-ewwel kmandament. U t-tieni wieħed jixbaħ lill-ewwel: Ħobb il-proxxmu tiegħek bħalek innifsek”.

“Minn dawn iż-żewġ kmandamenti tiddependi l-liġi kollha u l-Profeti” (Mt 22,37-40).

B’dan il-kliem, Kristu ddefinixxa liema huwa s-sies tal-morali umana kollha, u jiġifieri dak li fuqu jistrieħ il-bini kollu ta’ din il-morali. Kristu jsostni li dan jistrieħ fl-aħħar minn l-aħħar fuq dawn iż-żewġ kmandamenti. Jekk tħobb lil Alla fuq kollox, u lill-proxxmu tiegħek bħalek innifsek, jekk tħobb tassew u rejalment, allura bla dubju “la ddejjaq”, “la tgħakkes”, “ma timmaltratta” lil ħadd, b’mod partikolari “lill-armla jew l-iltim”,  “ma ġġibx ruħek ta’ sellief qarrieq” u “jekk tissellef…trod lura” (Es 22,20-25).

Il-liturġija tal-kelma tallum tgħallimna b’liema mod jinbena l-bini tal-morali umana mis-sisien stess u fl-istess ħin tistedinna nibnu dan il-bini propju b’dan il-mod. Bl-istess mod f’kull wieħed kif ukoll f’kulħadd: fil-bniedem li huwa suġġett koxjenti tal-atti tiegħu, fil-familja u fis-soċjetà kollha kemm hi.  

Minbarra li jmissna onestament napprofittaw mis-sehem fil-liturġija tallum, hemm bżonn naħsbu jekk dan hux kif aħna qegħdin nibnu l-bini tal-morali tagħna. U jekk il-kuxjenza tibda ċċanfar l-opri tagħna, nirriflettu jekk jonqosx is-sies tal-imħabba għal din il-morali.

Waqt li f’dan il-punt nagħtu daqqa t’għajn partikolari għall-parroċċa tagħkom, qabelxejn imissni nifirħilkom ilkoll għax-xogħol organiżattiv u formattiv qawwi imwettaq f’dawn is-sitta u għoxrin sena, b’mod speċjali fil-perijodu attwali. Il-parroċċa tagħkom dejjem kienet meqjusa bħala ċentru ta’ ospitalità u ta’propulsjoni: post ta’ xhieda u ta’ servizz, komunità ta’ fratellanza u ta’ ħbiberija. Infatti, fil-parroċċa, Ġesù  Redentur u Mgħallem huwa preżenti fil-liturġija, fl-Ewkaristija, fl-amministrazzjoni tas-Sagramenti tal-ħajja nisranija, fil-kelma tal-Maġisteru li jgħallem , idawwal u jsalva. Ġesù, li ried jinserixxi ruħu fil-familja ta’ ħaddiem u, nistgħu naħsbu, tul ħajtu privata għal tant snin ħadem ma’ Ġużeppi u Marija, huwa hawn preżenti fil-parroċċa biex  jagħti sinifikat lil kull xogħol, biex jibdlu f’att ta’ mħabba, li ddum għal dejjem. Komplu għalhekk tkunu “parruċċani” żelanti u regolari, u agħmlu mod li l-ikbar numru ta’ fidili jiffrekwentaw il-Quddiesa festiva, sabiex il-perċentwal ikun konsulenti u inkuraġġanti.

Jien tassew kuntent li naf li l-parroċċa tagħkom tat lill-Knisja tliet saċerdoti, waqt li xi żgħażagħ qegħdin iħejju ruħhom għas-saċerdozju u xi tfajliet jinsabu fin-novizzjat. Il-vokazzjonijiet huma bla dubju grazzja kbira tal-Mulej għal parroċċa, u huma wkoll indikazzjoni ta’ ħajja nisranija konvinta u profonda. Huwa meħtieġ li s-Seminarju Ruman jilqà ħafna vokazzjonijiet qaddisa: l-immensità tal- belt ta’ Ruma għandha bżonn estrem! Komplu għalhekk b’attenzjoni kkuraw lill-“abbatini” żgħar u żgħażagħ, il-gruppi tal-adoloxxenti u tal-pastorali familjari, il-laqgħat ta’ formazzjoni speċjalizzata, bi qbil mal-Opra Dijoċeżana tal-vokazzjonijiet ekkleżjastiċi.

Nieħu pjaċir inkun naf li kull sena fil-perijodu tar-Randan u tal-Għid, il-familji ndividwali jkunu invistati mis-saċerdoti għar-rit tat-tberik. Din hija żjara qasira u ta’ malajr, imma dejjem laqgħa umana u spiritwali att ta’ ħbiberija u ta’ responsabiltà pastorali, rapport reċiproku ta’ stima u ta’ mħabba.

Il-parir tiegħi huwa li tkomplu b’kuraġġ tibnu l-bini tal-parroċċa tagħkom fuq l-imħabba ta’ Alla u tal-aħwa, fuq ir-rispett tal-Liġi morali u fuq il-ħajja tal-grazzja. U dan huwa possibbli biss permezz ta’ formazzjoni għaqlija u wiesgħa tal-kuxjenzi permezz tal-katekiżmi, il-lezzjonijiet tar-reliġjon għall-kategoriji ndividwali, l-istudju tal-Vanġelu fid-diversi gruppi, id-direzzjoni spiritwali, il-Qrar magħmul sewwa u frekwenti, l-attenzjoni speċjali tal-familji żgħażagħ. Is-soċjetà moderna, hekk kulturizzata u problematika, għandha tant bżonn ta’ nsara mdawlin, li jkunu jafu jgħixu u jixhdu b’mod konkret u dejjem imħabbithom lejn Kristu u ħuthom.

5. “Alla tiegħi, blata tiegħi, li fik insib kenn; tarka u  sur tiegħi, salvazzjoni qawwija tiegħi” (Sal 18,3).

Il-bniedem, f’siwazzjonijiet differenti tal-ħajja, idur lejn Alla biex Fih isib għajnuna – per eżempju bil-kliem tas-Salm responsorjali tallum. Idur Lejh fid-diffikultajiet u fil-perikoli.

Il-perikoli l-iktar ta’ theddida huma dawk ta’ natura morali – kemm għal dak li jirrigwarda l-individwi, kif ukoll għall-familji u għas-soċjetajiet kollha kemm huma.

U allura hemm bżonn sforz ikbar u koperazzjoni żelanti ma’ Alla biex nibnu fuq il-blata solida, fuq is-sies tal-kmandamenti tiegħu u fuq il-qawwa tal-grazzja tiegħu. Dan is-sies jippersisti bla ma jaqtà. U Alla ma jiċħadx il-grazzja lil dawk li b’mod sinċier jaspiraw

Lilkom ilkoll, psarruċċani tal-pasrroċċa ta’ Ġesù Divin Ħaddiem,nawgura bil-qalb kollha li tibnu fuq dan is-sies, li taspiraw għall-grazzja ta’ Kristu.

Jalla jitwettaq fikom dan il-kliem li bih sellimt fil-bidu lill-komunità tagħkom: “Inħobbok, Mulej, qawwa tiegħi, / Mulej, blata tiegħi, fortizza tiegħi, / ħellies tiegħi” (Sal 18,2).

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: