Meta kont tifel fis-snin ħamsin, kien ikollna quddiesa tat-tfal. Wara t-tqarbin, soċju tal-Museum kien imexxina f’din it-talba. Ta’ min nerġgħu nibdew ngħiduha għax fiha elementi varji u sempliċi.
Att ta’ Twemmin
Ġesu’, jiena nemmen li lqajt fija l-Ġisem u d-Demm tiegħek, għaliex għidtu inti nnifsek, u l-kelma tiegħek ma tqarraqx.
Att ta’ Qima
Ġesu’ tiegħi, għalkemm m’hinix ħlief ftit trab, inti ġejt għandi u l-imsejkna qalb tiegħi tista’ titkellem miegħek.
Att ta’ Mħabba
Ħanin Ġesu’, jiena nħobbok, iva nħobbok b’qalbi kollha. Inti taf li jiena nħobbok, u nixtieq inħobbok dejjem iżjed.
Att ta’ Radd il-Ħajr
Twajjeb Ġesu’, niżżik ħajr b’qalbi kollha. Ġesu’ kemm inti twajjeb u ħanin miegħi. Ikun imbierek Ġesu’ fl-Imqaddes Sagrament ta’ l-altar.
Att ta’ Offerta
Ġesu’, ilqa’ l-offerta fqajra tiegħi. Ġesu’, inti tajtni lilek innifsek; agħmel issa li jiena nagħti ruħi kollni kemm jien lilek. Nagħtik ġismi, biex jibqa’ nadif u safi. Nagħtik ruħi, biex tista’ teħles mid-dnub. Nagħtik qalbi biex tista’ tħobbok. Nagħtik kull nifs li nieħu, u l-aktar l-aħħar wieħed. Nagħtik lili nnifsi fil-ħajja u fil-mewt, biex nista’ nkun tiegħek għal dejjem ta’ dejjem.
Minn Edward Tagliaferro