San Irinew ta’ Lyons, li ġie mil-Lvant, eżerċita l-ministeru episkopali tiegħu fil-Punent: kien pont spiritwali u teoloġiku bejn l-insara tal-Lvant u dawk tal-Punent. L-isem, Irinew, jfisser il-paċi li tiġi mill-Mulej u li tirrikonċilja, terġa’ ġġib il-għaqda.
Għal dawn ir-raġunijiet, wara li ħa l-opinjoni tal-Kongregazzjoni għall-Kawżi tal-Qaddisin, u bl-Awtorità Appostolika tiegħu, il-Papa Franġisku ddikjara lil San Irinew ta’ Lyons bħala Duttur tal-Knisja bit-titlu ta;’ Doctor unitatis – Duttur tal-Għaqda.
Dan id-digriet tal-Papa Franġisku jikseb sinifikat aktar qawwi minħabba l-fatt ukoll li kien mogħti propju matul din il-ġimgħa ta’ talb għall-Għaqda fost l-Insara.
F’katekeżi li kien ta fl-2007 fuq San Irinew ta’ Lyons, il-Papa Benedittu XVI wkoll kien semma din l-għaqda meta qal libdiġà sa mis-sena 200, mit-tagħlim ta’ Irinew naraw li għax il-fidi hija waħda, toħloq l-għaqda fost il-popli differenti, u dan minkejja l-ħafna ilsna u kulturi differenti.
Ikompli jgħid il-Papa Benedittu XVI li hemm frażi prezzjuża ħafna ta’ San Irinew fl-ewwel ktieb Kontra l-ereżiji: “Il-Knisja, imqar jekk imxerrda mad-dinja kollha, tħares bir-reqqa [il-fidi tal-Appostli], bħallikieku kienet tgħammar f’dar waħda.”
Ara l-katekeżi tal-Papa Benedittu XVI fuq San Irinew ta’ Lyons …