Fejn l-imħabba tkun

Martin Avdeich kien skarpan f’raħal żgħir tar-Russja. Kien jgħix f’kantina li kellha tieqa in-naħa ta’ fuq tal-ħajt li kien jagħti għal barra.  Minnha kien jista’ jara biss is-saqajn ta’ dawk li jkunu għaddejjin minn fuq il-bankina.  Ta’ spiss kien jagħraf xi żarbun li kien ikun għadda minn taħt idejh.  Dan kien ifakkru f’sidu. Kien bieżel ħafna għax kien jaħdem tajjeb u ma tantx kien jitlob ħlas.  Martu u wliedu kienu mietu, u Martin kien iddispra u waħħal f’Alla.

Darba waħda, ġie ħabib tiegħu li kien bniedem tar-ruħ, u Martin fetaħ qalbu miegħu. “Jien qed ngħix bla tama.  Kull tant nixtieq li ma ngħix iktar.” Il-ħabib wieġbu: “Int iddisprat għax trid tgħix biex tkun kuntent int.  Aqra l-Vanġelu u ssir taf kif Alla jixtieqek tgħix.”

Martin iddobba Bibbja u beda jaqra silta minn hemm u silta minn hawn. Aktar ma jaqra aktar beda jħoss it-toqol li kellu jiħfief. Darba qara l-fatt ta’ meta Ġesu mar għall-ikel għand wieħed Fariżew, u dan la laqgħu b’tgħannieqa, la tah bewsa tal-paċi u l-anqas ħasillu riġlejh.  Martin beda jhewden: “Kieku kellu jiġi jżurni Ġesu, jien hekk se nilqgħu?”

Baqa’ jhewden fuq dan sa ma daħal fis-sodda u beda jogħnos.  F’ħin minnu qam b’ħasda u sema’ leħen ġej mir-rokna l-aktar mudlama tal-kamra: “Kun af li għada se niġi nżurek.”   Ma kienx ċert jekk ħolomx jew kienx tassew sema’ dal-leħen.

L-għada qam u beda jsewwi żarbun tas-suldati.  Sema’ ħoss mal-bieb u mar jara min kien. Kien hemm raġel li, waqt li kien qed jimpala l-borra mill-bankina għal fuq karettun, laqatlu ftit il-bieb.  Martin induna li kien qed iterter bil-bard.  Qallu: “Ieqaf naqra u idħol ftit għall-kenn.” “Ma ngħidlekx  le.” Daħlu, u Martin għamillu kikkra te sħuna. “Niżżik ħajr. Kien għoddni se jħossni ħażin bil-bard. Imn’Alla kont int.  Jekk tagħmilli kikkra oħra inkun nista’ nkompli l-ġurnata.  Jisimni Stepanic,” u komplew jitkellmu ftit fuq xogħlhom. Wara li telaq,  Martin qeda tlett klijenti.

Xi s-sagħtejn, it-tieqa ddalmet b’figura ta’ mara li kienet qed tipprova tistkenn mir-riħ qawwi li kien qed jonfoħ. Martin ħass xi ħadd jimbuttah biex imur jara min hi.  Tela’ jiġri t-taraġ u fetaħ il-bieb. Induna li l-mara f’dirgħajha kellha tarbija u, mill-ilbies imkittef  li kellha, qatagħha li kienet fqira. Stedinha tidħol tistkenn u tistrieħ ftit.  Daħlet u resqet qrib in-nar li Martin kellu mkebbes fir-rokna tal-kamra.  Malajr saħħan ftit minestra u, waqt li bdiet tiekol u titma’ t-tarbija, bdiet tgħidlu x’kien ġralha. “Ir-raġel qabduh bil-lieva u bagħtuh ‘il bogħod. Ilni sena ma nisma’ b’aħbaru. Spiċċawli l-flus għax bit-tarbija ma nistax immur naħdem. Bdejt nirhan kull ma kelli, saħansitra l-aħħar xalla li kien għad fadalli.” Martin sab kowt qadim.  “Hawn ħa, qadim imma għadu jsaħħan.  Ħu dawn il-ftit flus ukoll u mur ifdi x-xalla lura.” Irringrazzjatu fil-waqt li qaltu: “Alla jbierkek.” Hawn qallha x’kien ħolom. “Min jaf?” qaltlu.  “Kollox hu possibbli.”

Martin kompla b’xogħlu. Ftit wara sema’ xi ħadd iwerżaq.  Ħareġ barra u waħda mara anzjana qaltlu li ġie tifel jiġri u serqilha tuffieħa minn xkora frott li kienet qed tbiegħ. Laħqet qabditu minn xagħru u kienet se ssejjaħ lill-pulizija.  “Jekk inħallsek jien, tħallih imur?” saqsa Martin.  “Ħaqqu xebgħa frosta.” “U aħfirlu miskin.”  “Kollox sew,” qalet il-mara fil-waqt li telqitlu xagħru minn idha.   Ġiet biex tgħabbi l-ixkora fuq daharha, u t-tifel , biex speċi jpatti għalli kien għamel, qallha, “Ħa ngħinek, nann.”   Tbissmitlu u qaltu: “Bil-qalb kollha.” U telqu.

Martin reġa’ daħal fil-ħanut u kompla jaħdem.  Għal kull dell li kien jaqa’ fuq it-tieqa, kien jgħarrex biex jara hux Ġesu.  Wara xi ħames klijenti oħra, ma setgħax jara aktar biex idaħħal il-ħajta fil-labra.  Għalhekk qam, ta kinsa ħafifa, poġġa l-lanterna fuq il-mejda u fetaħ il-Bibbja.  Xtaq ikompli fejn kien ħalla l-aħħar, imma bla ma jaf kif, infetaħ f’paġna oħra. Sadattant kien qed jaħseb kif Ġesu ma kienx tfaċċa.  F’dak il-ħin sema’ vuċi ssefsiflu f’widnejh: “Martin, qed tagħrafni?”  “Min int?” qal xi ftit imbeżża’.   U mir-rokna tal-kamra feġġ Stepanic, qallu “Jien”, daħaklu u għeb. Vuċi oħra qaltlu “Jien”; dehret il-mara bit-tarbija, daħkitlu u għebet. Reġa’ sema’ “Jien” u dehru l-anzjana u t-tifel bit-tuffieħa, daħkulu u għebu.  Qalb Martin riedet tfur bil-ferħ, għax fehem li Ġesu kien ġie jżuru f’dawn il-persuni fil-bżonn, u hu kien laqgħu mill-aħjar li seta’. Ħares lejn il-paġna tal-Bibbja li kienet infetħet quddiemu u qara: “Dak li tagħmlu mal-iċken fost dawn ħuti, tkunu għamiltuh miegħi.”

(Storja meħuda minn kitba ta’ Leo Tolstoy)

Kitba ta’ Edward Tagliaferro

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading