Għamiltuh miegħi

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 7 ta’ Marzu 2022: Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi tat-Tnejn tal-ewwel ġimgħa tar-Randan. Kappella tal-Kurja, Floriana.

Omelija mill-Isqof Awżiljarju Mons. Joe Galea Curmi

Fil-ktieb tal-Levitiku, kif qrajna fl-Ewwel Qari llum, il-Mulej ikellem lil Mosè u jgħidlu diversi liġijiet. Ħafna minnhom, kif rajna hawnhekk illum, jgħidu x’ma għandekx tagħmel – la tisraqx, tgħidx kliem b’ieħor, tqarraqx b’ħaddieħor, la taħlifx b’ismu bil-gideb, la żżeblahx l-isem ta’ Alla tiegħek, taħqarx lil għajrek, la tisħetx lil ħaddieħor, la tgħawwiġx fil-ħaqq li tagħmel, la tħarisx lejn l-uċuh, tmurx ixxerred qlajja’ fuq niesek, tbejjetx lil ħuk f’qalbek, iżżommx f’qalbek għall-oħrajn.

Tindunaw li din hi lista sħiħa, imma kemm hi realistika! Din tmiss il-ħajja tagħna reali. Innutaw li hawnhekk il-Mulej qed jgħid lil Mosè dak li wieħed m’għandux jagħmel.  Nafu li kieku veru nsegwu dan, ġa nkunu qed nagħmlu ħafna biex il-ħajja tagħna tkun aħjar, biex il-ħajja tal-oħrajn tkun isbaħ, u biex is-soċjetà tkun aħjar – jekk aħna noqogħdu attenti li ma nagħmlux ħsara lill-oħrajn b’xi mod jew ieħor. Hawn ġa għandna ħafna, ġa hu l-ewwel pass. 

Imma mbagħad Ġesù fl-Evanġelju jgħid xi ħaġa oħra. Hu proprju dak li hemm fis-Salm: “Il-kliem tiegħek, Mulej, huwa spirtu u ħajja”. Li jgħid Ġesù mhuwiex biss dak li ma għandekx tagħmel – dak hu importanti u jibqa’ validu – imma dak li għandek tagħmel. Hawnhekk isemmi Ġesù kemm hu importanti li aħna naħsbu f’dawk li huma fil-bżonn – min hu bil-ġuħ, bil-għatx, barrani, għeri, marid, fil-ħabs. Nindunaw li anke l-kliem ta’ Ġesù hawnhekk hu verament realistiku, għax qed jgħid li aħna għandna nagħmlu hekk bħala dixxipli tiegħu. U dan mhux suġġeriment qisu qed jissuġġerilna x’nagħmlu; le, qed jgħid li għandna nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn.

Ġesù jgħid hawnhekk xi ħaġa li tmur aktar ’il bogħod. Hawn ma jgħidx biss: għixu hekk biex il-ħajja tagħkom flimkien tkun sabiħa, kif nafu li tkun meta aħna naħsbu fl-oħrajn. Imma qed jgħid: fuq dawn se nkunu ġġudikati. Aħna se nkunu ġġudikati fuq il-ġid li nagħmlu ma’ dawk li huma fil-bżonn, fuq kemm nieqfu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Hawn Ġesù jsemmi diversi, imma ovvjament hemm oħrajn. Nixtieq ngħid li aħna ma għandna ebda dritt niċċensuraw lil Ġesù. Jekk hu qal, waħda minnhom, “kont barrani u lqajtuni”, jew “ma lqajtunix”, ma nistgħux ngħidu li qisu ma qalhiex. Qalha. Imbagħad ma’ dawn li qal Ġesù, hemm anke oħrajn; per eżempju, “kont imdejjaq u ġejt tismagħni”, “kont waħdi u ġejt tara kif jien”. U hemm tant opri oħra ta’ ħniena, ta’ mħabba, li nistgħu nagħmlu, li nistgħu naħsbu fihom. Qed jgħid Ġesù: dawn għandhom valur għall-ħajja ta’ dejjem. Meta jsemmi l-ġudizzju, jiġifieri għandhom valur għall-ħajja ta’ dejjem. Dak li nagħmel, anke jekk qed nagħmlu u ħadd ma jaf bih ħlief il-persuna li ngħin, jew hu moħbi, il-ġid li nagħmel lil ħaddieħor għandu valur għall-ħajja ta’ dejjem. Fuq dan aħna se nkunu ġġudikati: fuq kemm ħabbejna u wrejna din l-imħabba b’mod konkret.

Biex joħroġ dan aktar ċar, Ġesù jidentifika ruħu ma’ dawk li huma fil-bżonn. Innutaw x’qed jagħmel Ġesù. Ma jgħidx “rajtek iżżur lil xi ħadd marid u ħadt gost għax ħaġa sabiħa”. Ġesù jgħid: “Kulma għamiltu mal-iżgħar fost dawn ħuti, għamiltuh miegħi”. Mela, jekk jiena mort nara lil xi ħadd marid, jekk jien tajt lil xi ħadd jiekol għax għandu bżonn jiekol, jekk jien waqaft ma’ dawk li huma fil-bżonn, dan qed nagħmlu ma’ Ġesù. Hemm tara kemm hi sabiħa, għax dak kollu li nagħmlu mal-oħrajn fil-bżonnijiet tagħhom qed nagħmluh ma’ Ġesù. 

Nitolbu lill-Mulej biex ikompli jimlielna qalbna b’din l-imħabba, li nuruha tassew b’mod konkret fil-ħajja billi nieqfu ma’ min hu fil-bżonn; imħabba li turi kompassjoni, viċinanza u tenerezza; u nkunu dejjem konvinti li dak li nagħmlu mal-oħrajn fil-bżonnijiet tagħhom qed nagħmluh ma’ Ġesù stess.  

Joseph Galea Curmi

Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: