Il-Kardinal Czerny: Jum id-Dinja jitlob azzjoni urġenti

Print Friendly, PDF & Email

Issa aktar minn qatt qabel, irridu nkunu ċittadini responsabbli u nħarsu d-Dar Komuni tagħna. Hekk qal il-Kardinal Michael Czerny, meta tkellem ma’ Vatican News dwar Jum id-Dinja, li jiġi mfakkar madwar id-dinja fit-22 ta’ April. Il-Prefett interim tad-Dikasteru tal-Vatikan għall-Promozzjoni tal-Iżvilupp Integrali tal-Bniedem, irrifletta għaliex il-Knisja tieħu tant ħsieb mill-Jum iddedikat għall-ħarsien tal-pjaneta. Kull Jum id-Dinja, miljuni ta’ nies madwar il-kontinenti jinġabru flimkien biex jiġbdu l-attenzjoni għall-ħtieġa li tiġi salvagwardjata l-pjaneta tagħna.

“Il-Knisja,” jgħid il-Kardinal Kanadiż, “jimpurtaha ħafna mid-Dinja għax id-Dinja ħalaqha Alla, l-istess Alla li ħalaqna lkoll bħal aħwa li msejħin biex ngħixu flimkien fid-Dar Komuni tagħna, u nieħdu ħsiebha”. Jum id-Dinja, “huwa jum biex niftakru l-appartenenza tagħna f’din id-Dar Komuni għal familja waħda komuni,” u biex niftakru “fir-responsabbiltà serja ħafna tagħna, li nieħdu ħsieb sew din id-Dar Komuni waħda li aħna għandna”.

“Din is-sena, aħna qed niċċelebraw Jum id-Dinja, fid-dell ta’ diversi fallimenti serji, gravi u ta’ theddid min-naħa tal-familja umana, biex tieħu din ir-realtà bis-serjetà”. Għal din ir-raġuni, jinsisti l-Kardinal Czerny, huwa “jum urġenti” biex jitfakkar.

Il-Prefett tal-Vatikan rrifletta wkoll għaliex huwa daqshekk importanti għall-Papa Franġisku li jġib għall-attenzjoni l-ħarsien tal-ambjent. “Il-Papa Franġisku”, jisserva l-Kardinal Czerny, “sejħilna biex noqgħodu attenti għall-ambjent, prattikament mill-bidu tal-pontifikat tiegħu, b’mod speċjali fl-‘Laudato si’”, l-ewwel enċiklika li qatt saret minn Papa ddedikata għall-ambjent. “Jekk naqraw l-enċiklika ‘Fratelli tutti’, nirrealizzaw l-importanza profonda li hija vokazzjoni waħda li nkunu aħwa ma’ xulxin, u li nieħdu ħseib id-Dar Komuni tagħna.”

“Ma tistax ikollok waħda mingħajr l-oħra”. “Mela, dan jagħmel is-sejħa ta’ Jum id-Dinja, li nkunu ċittadini responsabbli fuq din id-Dinja,” enfasizza l-Kardinal. “Jekk le, allura għalxejn nilmentaw”, stqar il-Kardinal Czerny, “dik hi sfortunatament, d-direzzjoni li sejrin fiha”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-04/cardinal-czerny-earth-day-environment-pope-francis.html

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: