Posposta l-laqgħa bejn il-Papa Franġisku u l-Patrijarka Kirill ta’ Moska

Print Friendly, PDF & Email

“L-avvenimenti tal-aħħar xahrejn għamluha meħtieġa li jsiru aġġustamenti fil-pjanijiet u li l-laqgħa ser tiġi posposta”. Hekk qal illum, il-Metropolita Hilarion, li hu l-kap tad-Dipartiment għar-Relazzjonijiet Ekkleżjastiċi Esterni tal-Patrijarkat ta’ Moska, waqt li kkumenta mal-ġurnalisti dwar id-deċiżjoni – imħabbra llum mill-Papa Franġisku nnifsu f’intervista ppubblikata mill-gazzetta Arġentina La Nación – li ser tiġi posposta l-laqgħa bejn il-Patrijarka Kirill ta’ Moska u tar-Russja kollha u l-Papa Franġisku, li preżumibbilment setgħet seħħet fis-sajf li ġej.

Il-posponiment huwa dovut għal problemi kkawżati minn avvenimenti internazzjonali li seħħew f’dawn l-aħħar xhur, qal il-Metropolitan Hilarion. Skont rapport mill-aġenzija Russa interfax-religion bil-lingwa ingliża, Hilarion qal li “waqt li qed issiru l-preparamenti, qamu wisq problemi”, u żied li “se nistennew żmien aħjar għal dan l-avveniment”.

“Il-ftehim li ssir il-laqgħa fl-2022, intlaħħaq fil-ħarifa tal-2021”, qal Hilarion. “Wieħed mill-postijiet possobbli għal-laqgħa kien il-Lvant Nofsani, biex inkunu aktar preċiżi, Ġerusalemm, u din kienet ser issir f’Ġunju”. “Madankollu, d-data u l-post qatt ma tħabbru. Barra minn hekk, lanqas biss bdejna nikkunsidraw il-loġistika tal-laqgħa u l-kontenut tagħha”, qal.

Il-Metropolita Hilarion fakkar fil-konverżazzjoni riċenti bejn il-Papa u l-Patrijarka, li saret permezz ta’ video-conference. Huwa kien – “kordjali ħafna u ta’ qalb tajba”. “Għenhom jiddiskutu l-aktar kwistjonijiet kritiċi u l-bqija se nħallu għall-futur,” qal il-Metropolitana.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.agensir.it/quotidiano/2022/4/22/ortodossi-metropolita-hilarion-su-rinvio-incontro-papa-francesco-e-patriarca-kirill-eventi-degli-ultimi-due-mesi-hanno-reso-necessari-adeguamenti-ai-piani/

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: