Ġwanni Pawlu II f’Lagos, in-Niġerja

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APPOSTOLIKU
FIN-NIGERIA, IL-BENIN, IL-GABON U L-GUINEA EKWATORJALI
QUDDIESA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Lagos (Niġerja), 12 ta’ Frar 1982

Ikun imfaħħar Ġersù Kristu.

1. Huwa ferħ kbir li ninsab f’Lagos magħkom ilklll. Niżżi ħajr lil Alla għal dan il-jum u għall-possibiltà li niċċelebraw l-Ewkaristija magħkom fil-maħbub pajjiżkom. Stennejt dan il-waqt b’emozzjoni kbira. Stennejt b’ansjeta li niltaqà mal-membri tal-Knisja tan-Niġerja. U issa jiena kuntent li għandi din il-possibiltà li nafkom aħjar, li nkellimkom, li nwettaqkom fil-fidi, li nitlob magħkom. Aħna ngħaqqdu leħinna biex infaħħru u niżżu ħajr lit-Trinità Qaddisa.

2. Fil-bidu ta’ dan il-jum tal-pellegrinaġġ pastorali tiegħi f’pajjiżkom, jiġini minnufih f’moħħi ix-xogħol kbir ta’ evanġelizzazzjoni li twettaq fostkom u li għaddej b’mod feliċi. Alla jrid li l-persuni kollha jkunu salvati, li lkoll jistgħu jgawdu flimkien mid-doni tagħhom ta’ għaqda u ġustizzja, integrità u paċi. L-oriġni u l-fondazzjoni tal-evanġelizzazzjoni huma l-azzjoni ta’ salvazzjoni ta’ Alla stess, l-imħabba feddejja tal-Missier, tal-Iben u tal-Is[pirtu Santu msawba fuq l-umanità kollha. Sidna u Salvatur Ġesù Kristu intbagħat mill-Missier. Kristu, min-naħa tiegħu, sawwab l-Ispirtu tiegħu fuq l-Appostli u bagħathom u s-suċċessuri tagħhom biex iwasslu l-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni lill-bnedmin ta’ kull età u kultura, ta’ kull nazzjon u razza. Kien l-Ispirtu Santu li spira l-opri kollha tal-Appostli u wassalhom għat-twettiq. Fil-Vanġelu tallum, Ġesù jitkellem dwar dan meta jgħid: “Imma l-Konsulatur, l-Ispirtu Santu li l-Missier se jibgħat f’ismi, huwa jgħallimkom kull ħaġa u jfakkarkom dak kollu li jien għidtilkom” (Ġw 14,26).

3. U b’dan il-mod, tul il-korsa taż-żmien u f’armonija mal-misteru profond tal-pjan ta’ Alla, il-Bxara t-Tajba tas-salvazzjoni finalment waslet fin-Niġerja, billi l-ewwel laħqet is-Saltna tal-Benin, madwar ħames sekli ilu. Dan l-ewwel tentattiv ta’ evanġerlizzazzjoni finalment intefa. Ix-xogħol permanenti ta’ tixrid tal-fidi kellu jistenna sal-1863, meta l-missjunarji tas-Soċjetà għall-Missjonijiet Afrikani laħqu Lagos. Imbagħad fl-1885, il-Patrijiet tal-Ispirtu Santu daħlu sa Onitsha u, ftit wara, is-Soċjetà għall-Missjonijiet Afrikani waslet f’Lokoja u Shendam.

Il-kuraġġ u l-opra erojka ta’ dawn l-ewwel missjunarji huma magħrufin biżżejjed. Biċċa minnhom mietu wara ġimagħtejn mill-wasla tagħhom. L-oħrajn komplew jippridkaw lil Kristu b’fidi nstankabbli, imħabba paċenzjuża u determinazzjoni apostolika, għaliex kienu kontinwament imġedda u mdawla mill-Ispirtu Santu. Ir-riżultat tax-xogħol tagħhom huwa l-ħsad abbundanti li aħna qegħdin naraw illum. Huma żergħu fid-dmugħ, u ġejjin lura ferħana jġorru l-imniezel tagħhom  (cf. Sal 125 [126],5). Huma minħabba l-isforzi żelanti tagħhom u tat-tweġiba ġeneruża tal-predeċessuri tagħkom, li aħna ninsabu hawn miġbura llum madwar l-altar tal-Mulej, biex nipprofessaw l-unika fidi tagħna f’Alla u biex nigglorifikaw l-isem imqaddes tiegħu.

L-aċċettazzjoni tal-fidi nisranija hawn fin-Niġerja kienet tassew notevoli. Bi qlub mimlijin xewqa, irċivejtu ġenerazzjonijiet ta’ missjunarji żelanti f’pajjiżkom. Tgħallimtu, minn għandhom tagħrfu sewwa lil Ġesù iu lqajtuh f’ħajjitkom bil-fidi u bis-sagrament tal-Magħmudija. Mitmugħa mill-Ewksaristija u mill-Kelma ta’ Alla, tgħallimtu tgħixu bħalma Kristu għallimkom. Ipprattikajtu l-fidi tagħkom fil-ħajja pubblika u privata, fil-familji u fid-djar, fix-xogħol u fil-postijiet tar-rikrerjazzjoni. Offrejtu wkoll iż-żgħożija tagħkom lil Kristu u lill-Knisja biex tkunu edukati ħalli ssiru saċerdoti, “lay sisters”, sorijiet u lajċi mpennjati. Il-katekisti tagħkom, b’suċċess kbir, animaw komunitajiet kattoliċi lokali, għallmu talb innijiet u duttrina liż-żgħażagħ u lix-xjuħ, u saru għajnuna ndispensabbli għas-saċerdoti. L-għalliema kattoliċi jixirqilhom għarfien partikulari. Fl-ewwel żmimnijiet ssagrifikaw ruħhom bil-kbir u ħadmu b’żelu enormi, u dejjem baqgħu fidili lejn Kristu fis-servizz lill-Knisja. Dan in-nazzjon huwa obbligat bil-kbir lejn l-Għallierma fidili tiegħu. Jalla jkunu dejjem preżenti f’pajjiżkom, Isimhom huwa miktub fil-ktieb tal-ħajja.

Il-Knisja f’pajjiżkom hija issa mmexxija fil-biċċa ll-kbira minn Isqfijiet u saċerdoti Niġerjani, ukoll jekk għadkom tkomplu taċċettaw b’qalb ġeneruża l-kontribut importat tal-missjunarji. Il-preżenza tiegħi hawn illum hija tribut lill-missjunarji tagħkom, dawk tal-bieraħ u dawk tallum, u lilkom li aċċettajtu l-fidi u għamiltuha tagħkom. Imma aħna hawn speċjalment miġburin biex nigglorifikaw l-Ispirtu Santu, sors tal-ħajja u tal-verità.

4. Ix-xogħol tal-evanġelizzazzjoni jkopri bosta attivitajiet. Ikopri l-predikazzjoni tal-Vanġelu, jgħin lill-persuni biex jemmnu li Kristu huwa l-Iben ta’ Alla, u jamministra l-Magħmudija u s-sagramenti l-oħra. Element ieħor indispensabbbli huwa dak tax-xhieda siekta ta’ Kristu fil-ġrajjiet komuni tal-ħajja u fl-azzjoni għall-paċi u l-ġustizzja.

Il-bxara siekta tal-Vanġelu permezz tax-xhieda nisranija fil-ħajja ta’ kuljum hija mezz qawwi u effikaċi li nxandru lil Kristu. San Pawl ġegħlna ninnutaw dan meta ħeġġeġ lill-Kolossin: “Ilbsu mela, bħala magħżula ta’ Alla, qaddisin u maħbubin, b’sentimenti ta’ ħniena, ta’ tjubija, ta’ umiltà, ta’ manswetudni, ta’ sabar, billi tissaportu lil xulxin u taħfru b’mod reċiproku, jekk xiħadd għandu dwar xiex igerger fir-rigward tal-oħrajn. Kif il-Mulej ħafrilkom, hekk agħmlu wkoll intom. U fuq kollox imbagħad hemm l-imħabba, li hija r-rabta tal-perfezzjoni” (Kol 3,12-14). Kulħadd jistà b’dan il-mod jikkontribwixxi għall-missjoni tal-Knisja.

Ladarba x-xhieda titlob sempliċement li aħna ngħixu b’mod awtentiku l-fidi li rċivjena. Dan ifisser li aħna nagħtu każ tal-kliem ta’ Ġesù: “Jekk wieħed iħobbni, irid josserva kelmti” (Ġw 14,23).

L-azzjoni ta; paċi u ta’ ġustizzja hija fil-fatt parti mportanti mix-xhieda tal-Vanġelu. Bħala segwaċi ta’ Ġesù aħna nipprattikaw il-fidi tagħna mhux biss bil-kliem, imma għandna nxandruha lill-oħrajn bil-mod li bih inqegħduha fil-prattika. Aħna nfittxu bl-għajnuna tal-Ispirtu Santu, li nippromwovu s-Saltna ta’ Alla u li nwaqqfu soċjetà ikkaratterizzata mill-integrità, mill-għaqda, mill-ġustizzja u mill-paċi. Dak li għalih naħdmu u li nixtiequ b’mod imħeġġeġ huwa espress fil-profezija ta’ Iżaija, bħalma smajna fl-ewwel qari: “Il-poplu tiegħi se jgħammar f’għamara ta’ paċi, f’abitazzjonijiet trankwilli, f’postijiet sikuri” (Iż 32,18).

5. Jiena kuntent li nifhem li intom hawn fin-Niġerja., fittixtu li tippromwovu l-Vanġelu permezz ta’ xhieda awtentika u azzjoni għall-paċi u l-ġustizzja. Intom, kattolċi Niġerjani, ma għextux maqtugħa barra mis-soċjetà. Intom b’mod effettiv intom parti ntegranti ta’ dan il-pajjiż, li tħobbu. Intom tajtu kontribut kbir biex tagħmlu min-Niġerja in-Nazzjon kbir li hi. Per eżempju, il-Knisja sponsorjat l-istruzzjoni, li, min-naħa tagħha, iffavoriet l-iżvilupp fil-kollettiv tiegħu: soċjali, kjulturali, politiku u ekonomiku. Barra minn dan assistejtu lil ħutkom irġiel u nisa bi programmi ta’ assistenza sanitarja, kliniċi mobbli fiż-żoni rurali, konsulenti għal dawk in-nisa tqal u fl-isptarijiet. U ma nsejtux is-servizzi soċjali għall-orfni, għall-anzjani, l-handikappati u l-foqra. Huma wkoll ta’ min isemmihom l-isforzi tagħkom biex tgħinu lil dawk li ħallew l-iskola biex jitgħallmu snajja mportanti, bħala mastrudaxxi, ħajjata, ix-xogħol tad-drapp, il-mekkanika tal-magni, ix-xogħol tal-iskrapan, il-kura tat-trabi u l-ekonomija domestika. B’dan il-mod intom tagħtu l-possibiltà lil bosta żgħażagħ biex jiffaċċjaw il-futur b’motivi ta’ tama. Grazzi għal dawn l-isforzi intom tagħtu xhieda lil Kristu li “ma ġiex biex ikun moqdi, imma biex jaqdi” (Mt 20,28).

6. Ukoll l-impenn tagħkom fl-ekumeniżmu jixraqlu min isemmih b’mod partikolari. Ladarba meta intom timpenjaw ruħkom fi djalogu ma Nsara oħra, intom toperaw biex twettqu x-xewqa tal-Konċilju Vatikan II biex jistabilixxi mill-ġdid l-għaqda fost il-Insara kollha. Din ix-xewqa tal-Konċilju hija l-espressjoni tal-istess xewqa mħeġġa ta’ Kristu “sabiex ilkoll ikunu ħaġa waħda” (Ġw 17,21). Imma kontribut ferm ikbar għall-kawża tal-għaqda tal-insara huwa offrut mit-talb u mill-penitenza. Il-konverżjoni tal-qlub hija rejalment mezz soprannaturali effikaċi. Il-Konċilju kien xtaq li aħna nifhmu il-poter tal-“ekumeniżmu spiritwali” u r-rapport tiegħu mal-għaqda, don ta’ Alla: “Jiftakru l-fidili kollha li ferm aħjar jippromwovu, anzi jgħixu fil-prattika l-unjoni tal-insara, daqs kemm jistudjaw li jgħixu ħajja iktar konformi mal-Vanġelu” (Unitatis Redintegratio, 7). Nifraħ magħkom ukoll għall-inizjattivi li jarawkom taħdmu flimkien mal-membri ta’ reliġjonijiet oħra, b’mod speċjali mal-Musulmani, għall-promozzjoni tal-paċi, tal-għaqda u tad-drittijiet tal-bniedem.

7. Iferraħni profondament il-fatt li bdejtu tibagħtu missjunarji f’pajjiżi oħra, qabel ukoll ma kellkom ħaddiema biżżejjed għall-għalqa tad-dwieli tagħkom. Kuntent li sirt naf li hemm saċerdoti Niġerjani fi Sierra Leone, fil-Liberia, fir- Repubblika Popolari tal-Congo, fiż- Żambia u, ferm iktar ‘il bogħod, fi Ġranada. Hemm fratell Niġerjan fil-Kenya. U hemm sorijiet fil-Ghana, fi Sierra Leone, fil- Liberia, fil-Gabon, fl-Angola, fil-Kenya u fiż-Żambia; hemm sorijiet li qegħdin jaħdmu wkoll f’Torin. Sinjal ieħor tangibbli tax-xewqa tagħkom li tippromwovu l-fidi huwa l-fondazzjoni, fl-1977, tas-Seminarju Missjunarju Nazzjonali. Jalla Alla jagħmel li jiffjorixxu dawn l-inizjattivi kollha.

8. Ħuti fi Kristu, il-fidi tagħna hija verament teżor inestimabbli; hija perla ta’ valur kbir (cf. Mt 13,46). Hija don tal-Mulej li, min-naħa tiegħu, għandha tkun trażmessa lill-oħrajn: trażmessa minn xhieda awtentika permezz tax-xogħol tagħna għall-ġustizzja u l-paċi, trażmessa minn proklamazzjoni ċara u permezz tat-tagħlim tal-katekiżmu, tal-innijiet u tat-talb, trażmessa mill-membri kollha tal-Knisja meta huma jwieġbu għall-vokazzjonijiet personali tagħhom b’sentiment profond ta’ ferħ, Bil-qalb mimlija bi gratitudni għal dan id-don tal-fidi tagħna., ejjew infittxu dejjem li naqdu lill-Mulej fi spirtu ta’ mħabba, ta’ qdusija u ta’ paċi. U bil-fedeltà ta’ ħajjitna ta’ nsara inxandru li Ġesù huwa il-Mulej!

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Manuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: