Ġwanni Pawlu II mal-Ħaddiema f’Lagos

Print Friendly, PDF & Email

PELLEGRINAĠĠ APOSTOLIKU FIN-
NIGERIA, BENIN, GABON U GUINEA EQUATORJALI
QUDDIESA GĦALL-ĦADDIEMA
OMELIJA TA’ ĠWANNI PAWLU II
Lagos (Nigeria), 16 ta’ Frar 1982


1. “Jiena magħkom il-jiem kollha” (Mt 28,20).

Dan il-kliem tas-Salvatur tagħna Rxuxtat Ġesù Kristu, meħuda mill-Vanġelu tallum, għandhom sinifikat partikolari għalina hawn miġburin dalgħodu biex infaħħru lil ismu u niċċelebraw l-Ewkaristija. Kristu li huwa magħna, permezz tal-fidi u l-ilma tal-Magħmudija sab għamara fi qlubna. Jiġi għandna permezz ta’ kelmtu u taħt id-dehra tal-ħobż u tal-imbid. Bil-grazzja ta’ Alla, sirna tempji ħajjin tal-Ispirtu Santu (cf. 1Kor 3,16-17), koċittadini tal-qaddisin u familjari ta’ Alla (cf. Ef 2,19).

2. Fl-ewwel qari tal-liturġija tallum, il-Profeta Żakkarija jkellimna dwar supplika li titlà min-nazzjonijiet: “Irridu niġu magħkom, għaliex fhimna li Alla huwa magħkom” (Zk 8,23).

Din l-istess supplika jewwilla ma tinħassx ukoll illum? Mhemmx bodsta popli, f’kull pajjiż tad-dinja, li fil-profond ta’ qlubhom jixtiequ b’mod imħeġġeġ li jagħrfu lil Alla u jkunu qribu? Ma nistgħux nibqgħu torox għall-petizzjoni tagħhom. Għaliex huwa għalikom u għalija, għal kull wieħed u waħda minna, li din hija ndirizzata. Aħna għarafna lill-Mulej u konna msejħin biex ngħammru fid-dar tiegħu.

Issa jmiss lilna li naqsmu l-fidi tagħna mal-oħrajn, sabiex huma wkoll jemmnu li Ġesù Kristu huwa l-Iben ta’ Alla l-ħaj, li hu huwa l-Mulej u li huwa dejjem magħna. Il-Mulej irid jifrex s-salvazzjoni tiegħu permezz tagħna: “Jiena qgħedtek bħala dawl tal-ġnus, sabiex int twassal s-salvazzjoni sa truf l-art” (At 13,47).

3. Issa nixtieq nindirizza kliemi lill-membri tal-Knisja fin-Niġerja li huma ndustrijali u ħaddiema, dawk li jipprovdu x-xogħol u impjegati. Intom issostnu rwol important fil-ħajja tan-nazzjon tagħkom, u n-nies jistennew ferm mingħandkom. Il-Knisja wkoll tħares lejkom b’tama kbira, jekk intom kapaċi tagħtu xhieda qawwija tal-Vanġelu fil-postijiet fejn taħdmu u fost dawk in-nies assoċjati magħkom fis-servizz tal-umanità.

4. In-nies li jaħdmu jgawdu minn dinjità mogħtija minn Alla. Alla setà ħalaq kull ħaġa fid-dinja fil-forma definittiva, imma ddeċieda mod ieħor. Għaliex Alla jridna assoċjati miegħu fil-progress tal-affarijiet li huwa għamel. Bix-xogħol tagħna aħna nieħdu sehem fl-operożità krejattiva ta’ Alla nnifsu. L-istess ħaġa kienet għal Kristu nnifsu fin-natura umana tiegħu. Bħalma kkwotajt fl-aħħar enċiklika tiegħi: “L-elokwenza tal-ħajja ta’ Kristu ma tħalli ebda dubju: huwa jappartieni lid-“dinja tax-xogħol”, għandu għarfien u rispett għax-xogħol uman; wieħed jistà jgħid iktar: huwa jħares b’imħabba lejn dan ix-xogħol, lejn il-manifestazzjonijiet differenti tiegħu, waqt li jara f’kull waħda linja partikolari tax-xebħ tal-bniedem ma’ Alla, Ħallieq u Missier” (Ġwanni Pawlu II, Laborem Exercens, 26).

Ix-xogħol huwa wkoll mod li bih il-bniedem jistà jgħin lill-proxxmu tiegħu. Ix-xogħol ta’ persuna jinfluwenza fuq persuna oħra u l-ħaddiema magħqudin jgħinu fil-kostruzzjoni tas-soċjetà. Dawk li jaħdmu jistgħu jgħidu: meta naħdmu b’mod kuxjenti, nagħtu kontribut tassew għal dinja aħjar. Xogħolna huwa fatt ta’ solidarjetà ma’ ħutna rġiel u nisa.

5. Dawk li jaħdmu, sew jekk huma ċelibi jew miżżewġin, esperti jew mhumiex, għandhom drittijiet important u responsabiltajiet kbar. Per eżempju, kulħadd għandu dritt għal ħlas ġust, għal orarju konvenjenti ta’ xogħol, kif ukoll għal żmien ta’ vaganzi. Ix-xogħol m’għandu qatt ifixkel l-prattika libera tar-reliġjon ta’ xiħadd. Ix-xogħol huwa magħmul għall-bniedem, mhux il-bniedem għax-xogħol. Ix-xogħol għalhekk m’għandu qatt jiddiżumanizza l-persuna li twettqu.

Bejn dwk li jipprovdu x-xogħol u l-impjegati jistgħu jqumu kultant nuqqasijiet ta’ ftehim. Dawn m’għandhomx isolvu ruħhom bil-vjolenza, bi kliem iebes jew ta’ antagoniżmu, imma b’rispett reċiproku, rieda tajba ta’ smigħ u djalogu paċenzjuż.

Il-ħaddiema għandhom id-dritt li jiffurmaw assoċjazzjonijiet li jitolbu kondizzjonijiet tax-xogħol konvenjenti.

Imma għandhom ukoll id-dmir li jirrendu servizz lejali, u dawk li jipprovdu x-xogħol għandhom id-dritt li jirċievu s-servizzi li għalihom jagħtu l-ħlas. Il-ħaddiema m’għandhomx jirrikorru b’mod hekk faċli għall-istrajks, li ġeneralment jikkawżaw tant tbatija; l-istrajks għandhom jibqgħu miżuri straordinarji għad-difiża tad-drittijiet tal-bniedem.

6. Bħala dawk li jipprovdu x-xogħol jew impjegati, bħala ndustrijali u ħaddiema, intom tistgħu u għandkom taqdu lil pajjiżkom bi sforzi enerġetiċi għall-iżvilupp ekonomiku. Il-pajjiż tagħkom huwa ddotat b’mod għani minn Alla b’riżorsi agrikoli u minerali. Użawhom għall-ġid ta’ kulħadd, b’mod partikolari għall-foqra, l-orfni, il-morda l-handikappati, l-anzjani u dawk li huma mgħaddsa fil-ġlieda għal miljorament ekonomiku. La tagħmlu xejn biex tissaboteġġjaw l-ekonomija ta’ pajjiżkom. Ebda ħaġa ma tistà tissostitwixxi x-xogħol tagħkom għaqli, effiċjenti, onest u iebes.

7. Xi persuni huma bla xogħol għaliex jerħulha lejn il-bliet il-kbar u ma jridux jaħdmu l-art. Hemm mela bżonn ta’ għajnuna biex jiġu modernizzati l-metodi agrikoli u li jiġu mwaqqfa servizzi mportanti, bħall-ilma u d-dawl u t-telefon fl-oqsma rurali biex jipperswadu liż-żgħażagħ biex jibqgħu u jikkultivaw l-art.

Xi persuni oħra huma bla xogħol għaliex mhumiex imħejjija b’mod adegwat jew għaliex l-aspettattivi tagħhom mhumiex sodisfatti mit-tip ta’ xogħol li jwettqu. Jinħtieġu ekonomisti kompetenti u dedikati, kif ukoll xi soċjologi u proġettisti tal-gvern biex jgħinu biex jiġu solvuti dawn il-problemi.

8. Kliemi llum huwa b’mod partikolari għalikom industrijali u ħaddiema, dawk li jipprovdu x-xogħol u impjegati, ilkoll aħwa ta’ Sidna Ġesù Kristu. Kull wieħed u waħda minnkom għandkom dmir importantissmu xi twettqu fil-missjoni tal-Knisja, dmir li intom twettqu fit-tbatija u fil-piena ta’ ħajjitkom ordinarja ta’ ħaddiema. Maġemb sħabkom tax-xogħol, ħudu sehem fl-attività krejattiva ta’ Alla, oħolqu rbit ta’ fratellanza u ħbiberija u, bħall-ħmira tal-Vanġelu, ftit ftit, imma b’mod effiċjenti, ippromwovu s-Saltna ta’ Alla.

Permezz ta’ xogħolkom u permezz tal-qdusija tal-ħajja li toħroġ mit-twettiq tar-rieda ta’ Alla, ikollkom l-possibiltà li tikkontribwixxu gradatament fil-missjoni tal-Knisja li xxandar il-Bxara t-Tajba fid-dinja kollha.

Fejn se ssibu l-qawwa għal din il-missjoni?

Liema huwa s-sors tal-ispirazzjoni tagħkom? Huwa dejjem Kristu. Ftakru fil-kliem tal-Vanġelu: “Jiena dejjem magħkom” (Mt 28,20). Iva, Kristu huwa magħna, b’mod speċjali fl-Ewkaristija. U dalgħodu, fis-Sagrifiċċju tiegħu, Kristu joffri lilna u x-xogħol tagħna lil Missieru li huwa fis-smewwiet. B’dan il-mod huwa jagħti valur dejjem iktar profond lil kull tip ta’ xogħol. Jagħti sens kompletament imġedded lil ħajjitna, F’Ġesù Kristu Sidna u Salvatur tagħna, u fl-Ewkaristija, aħna nsibu s-sors tal-qawwa tagħna u l-kawża tal-ferħ tagħna.

Miġjub mit-Taljan għall-Malti minn Emanuel Zarb

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading