Il-Papa Franġisku jawgura lir-Reġina Eliżabetta f’għeluq il-Ġublew tal-Platinum.
Illum il-Ħamis 2 ta’ Ġunju, jimmarka l-bidu taċ-ċelebrazzjoniet madwar ir-Renju Unit fl-okkażjoni tas-70 sena tar-Reġina Eliżabetta II fit-tmexxija tagħha bħala Reġina. Waqt li jimmarka dan it-tragward, il-Papa Franġisku bagħat telegramma lir-Reġina fejn offra t-talb u l-awgurju tiegħu.
Fit-telegramma jgħid: “F’din l-okkażjoni ferrieħa ta’ għeluq is-snin il-Maestà tiegħek, u waqt li tiċċelebra din is-sena l-Gublew tal-Platinum, nibgħat tislijiet kordjali u xewqat tajba, flimkien mal-assigurazzjoni mġedda tat-talb tiegħi lil Alla li Jista’ Kollox biex jagħti lilek u lill-membri tal-Familja Rjali u n-nies kollha tan-nazzjoni barkiet ta’ għaqda, prosperità u paċi”.
Il-Qdusija Tiegħu qal ukoll li jingħaqad ma’ dawk li esprimew l-apprezzament għas-servizz perseveranti u sod tagħha għall-ġid tan-nazzjoni, “għall-avvanz tal-poplu, u l-preservazzjoni tal-wirt spiritwali, kulturali u politiku illustri tiegħek”.
Bħala rikonoxximent għall-impenn tar-Reġina għall-ħarsien tal-ħolqien ta’ Alla, l-Papa Franġisku qed jagħti Ċedru tal-Libanu, għall-inizjattiva Queen’s Green Canopy. Hu esprima t-tama li din is-siġra, li fil-Bibbja tissimbolizza l-qawwa li tiffjorixxi, l-ġustizzja u l-prosperità, tkun wegħda ta’ barkiet divini abbundanti fuq l-isfera tagħha. Dan il-proġett qed jistieden lin-nies minn madwar ir-Renju Unit biex jiżirgħu pjanta għall-Ġublew.
Minbarra li qed tistieden it-tħawwil ta’ siġar ġodda, din l-inizjattiva qed tiddedika netwerk ta’ 70 siġra antika biex tiċċelebra s-70 sena ta’ servizz tal-Maestà Tagħha.
Ir-Reġina Eliżabetta II u l-mibki żewġha, l-Prinċep Filippu, id-Duka ta’ Edinburgħ, iltaqgħu mal-Papa Franġisku fil-Vatikan fl-2014. Il-laqgħa mmarkat il-100 anniversarju mit-twaqqif mill-ġdid tar-relazzjonijiet diplomatiċi bejn ir-Renju Unit u s-Santa Sede.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-francis-sends-greetings-on-queen-elisabeth-s-platinum-jubil.html