Il-Papa Franġisku bagħat telegramma ta’ kondoljanzi lill-Ordni Sovran ta’ Malta fejn esprima l-qrubija tiegħu mal-membri tal-Ordni, hekk kif tħabbret il-mewt tal-Logotenent Gran Mastru, Fra Marco Luzzago.
F’telegramma indirizzata lill-Kardinal Silvano Maria Tomasi, d-delegat tal-Papa għall-Ordni, l-Qdusija Tiegħu jgħid li “qed nieħu sehem spiritwalment fin-niket għall-mewt mhux mistennija tal-Eċċellenza Tiegħu, Fra Marco Luzzago, Logutenent tal-Gran Mastru”.
Il-Papa Franġisku kiteb: “Nixtieq inwassal lill-familja tiegħu u lill-membri kollha tal-Ordni, l-kondoljanzi tiegħi. Billi nfakkar fl-impenn li ta b’mod ġeneruż fit-twettiq tal-kariga għolja tiegħu fis-servizz ta’ din l-istituzzjoni, kif ukoll l-imħabba tiegħu lejn il-Knisja u xhieda sabiħa Nisranija li hu ta, ninvoka fuqu l-Paċi eterna, u minn qalbi nagħti l-barka tiegħi lilek, Kardinal (Tomasi), lill-Aġent Logutenent, Fra Ruy Gonçalo do Valle Peixoto, lill-Gran Maġisteru, u lil membri tal-Ordni Sovran ta’ Malta”.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-06/pope-sends-condolences-death-of-fra-marco-luzza-order-of-malta.html