Ir-riforma li beda l-Konċilju, kif sejra, fostkom?

Print Friendly, PDF & Email

Silta minn diskors tal-Papa Franġisku lill-Isqfijiet u Saċerdoti Sqallin. 9 ta’ Ġunju 2022

Qabel nispiċċa ma nistax ma nkellimkomx fuq ħaġa li tħassibni, tħassibni mhux ħażin. Nistaqsi: ir-riforma li beda l-Konċilju, kif sejra, fostkom? Il-pjetà popolari hija għana kbir u jeħtieġ nieħdu ħsiebu, inseħbuha biex ma tintilifx. Nedukawha wkoll. Dwar dan aqraw in-n. 48 tal-Evangelii nuntiandi li hi kollha attwali, dak li San Pawlu VI qalilna fuq il-pjetà popolari: li għandna neħilsuha minn kull ġest superstizzjuż u nżommu s-sustanza li hemm fiha.

Sittin sena wara l-konċilju għadna bil-bizzilel u bil-berittini.

Imma l-liturġija, kif sejra? U hemm jien ma nafx, għax ma mmurx quddies Sqallija u ma nafx kif jippritkaw il-qassisin Sqallin, jekk jippritkawx kif ġie ssuġġerit fl-Evangelii gaudium jew jippritkawx b’mod li n-nies toħroġ barra tpejjep sigarett u mbagħad tidħol lura… Dawk il-prietki li fihom jitkellmu fuq kollox u fuq xejn. Żommu f’moħħkom li wara tmien minuti l-attenzjoni tintilef, u n-nies sustanza trid. Ħsieb, sentiment u xbieha, u dan iġġorru magħha ġimgħa sħiħa.

Imma kif jiċċelebraw? Jien m’iniex immur il-quddies hemm, imma rajt xi ritratti. Qed nitkellem ċar. Imma għeżież tiegħi, għadna bil-bizzilel, bil-berittini…, imma fejn qegħdin? Sittin sena wara l-Konċilju! Ftit tal-aġġornament anki fl-arti liturġika, fil-“moda” liturġika! Iva, xi darba jmur li tilbes dik il-bizzilla tan-nanna, imma xi darba. U biex tagħmel omaġġ lin-nanna, le? Fhimtu kollox, le? Sabiħ li turi rispett lejn in-nanna, imma aħjar tiċċelebra lill-omm, Ommna l-Knisja mqaddsa, u bil-mod li Ommna l-Knisja trid li tiġi ċċelebrata. U tħallux li l-insularità żżomm lura l-vera riforma liturġika li l-Konċilju mexxa ’l quddiem. Ma nibqgħux naċċettaw li ma jista’ jinbidel xejn.

It-tpaċpiċ, iz-zekzik li jimxi id f’id mal-ambizzjoni, Huma pesta li teqred il-Knisja.

Ħaġa oħra… U dan m’iniex ngħidu għal Sqallija biss, din ħaġa universali: waħda mill-affarijiet li l-aktar jeqirdu l-ħajja ekkleżjali, kemm id-djoċesi u kemm il-parroċċa, hu t-tpaċpiċ, iz-zekzik li jimxi id f’id mal-ambizzjoni. Se jagħtukom kitba tan-Nunzju Appostoliku fuq iz-zekzik, isejjaħlu “kelma abbużata”. Ma jirnexxilniex inwarrbu z-zekzik: imqar wara laqgħa: ‘Ċaw’, insellmu lil xulxin, u nibdew: “Smajtu x’qal dak, u dak l-ieħor, u dak l-ieħor…”. Iz-zekzik huwa pesta li teqred il-Knisja, teqred il-komunità, teqred l-appartenenza, teqred il-personalità. U togħġobni ħafna l-immaġni li poġġa fil-qoxra – imbagħad tarawh għax se jqassmulkom wieħed kull wieħed – hemm is-sinjal tas-subgħa, li hu s-sinjal tal-identità, u wieħed li qed itajru, għax biz-zekzik ineħħilek l-identità, ineħħilek l-appartenenza: dan hu li jagħmel iz-zekzik fostna.

Skużawni jekk qed nipprietka dawn il-ħwejjeġ li jidhru tal-Ewwel Tqarbina, imma huma ħwejjeġ essenzjali: tinsewhomx!

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading