Ktieb ġdid dwar iż-żwieġ u l-familja

Print Friendly, PDF & Email

Għajnuna ċkejkna lill-għarajjes u lill-miżżewġin fit-taqlib tal-ħajja tal-lum

“Żwieġ u familja” hu t-titlu ta’ ktieb ġdid ta’ Ronnie Gauci, ippubblikat mid-Dar ta’ Pubblikazzjonijiet tal-Franġiskani Konventwali Reliġjon u Ħajja.

Fid-daħla tiegħu għall-ktieb, l-awtur jammetti mill-ewwel li hu mhux xi espert taż-żwieġ u tal-familja, biss l-esperjenza li għandu ġabha minn kważi 50 sena miżżewweġ. Hu missier ta’ żewġt itfal u nannu ta’ tlieta.

Wara li jirrakkonta minn xiex għadda, Ronnie Gauci jsemmi li dan mhux ktieb ta’ tagħlim profond dwar iż-żwieġ. Hu għajnuna ċkejkna lill-għarajjes u lill-miżżewġin ta’ “rieda tajba” fit-taqlib tal-ħajja tal-lum. Dan il-ktieb għandu jservi għalhekk ta’ kuraġġ u dawl żgħir għal dawn.

Hu qal li kiteb “rieda ta’ tajba” għax biex żwieġ jirnexxi l-koppja trid tabilħaqq temmen fi żwieġ li verament jirnexxi akkost ta’ kollox. Il-ħajja miżżewġa mimlija sfidi ta’ kull tip, iżda meta fiż-żwieġ ikun hemm l-Ispirtu ta’ Alla, l-imħabba vera tal-koppja flimkien mas-sagrifiċċju u l-għotja totali tal-persuna,  iż-żwieġ hu esperjenza tal-ġenn. “Iż-żwieġ”, isostni Ronnie Gauci fid-daħla tal-ktieb, “hu vokazzjoni kbira għax fiż-żwieġ jitnisslu u jitrabbew it-tfal. Din hi missjoni ta’ responsabbiltà kbira li wieħed għandu jwettaq bis-serjetà. It-tfal mhumiex tagħna, iżda huma talenti mislufin lilna”.

L-awtur ikompli li l-koppja bla tfal ukoll għandha missjoni kbira quddiemha għax iż-żwieġ hu xbieha tal-għaqda ta’ Kristu mal-Knisja tiegħu. Huma jridu jkunu xhieda tal-imħabba vera u sagramentali. Xhieda li l-imħabba sinċiera hi possibbli avolja fost diżappunti u diffikultajiet. Imħabbithom ma tiddipendix biss fuq il-fatt li jkollhom it-tfal akkost ta’ kollox. Iva, il-koppja bla tfal għandha missjoni x’taqdin daqs il-koppji bit-tfal.

Il-ktieb hu maqsum f’żewġ taqsimiet: fl-ewwel taqsima Ronnie Gauci jitratta ż-żwieġ bħala avventura ma’ Alla fejn, fost oħrajn, jikteb għaliex iż-żwieġ mhux għar-raġel jew għall-mara u mhux gaġġa imma hu għotja, filwaqt li fit-tieni taqsima jitratta ż-żwieġ bħala avventura bejn ir-raġel u l-mara fejn, fost oħrajn, jikteb dwar imħabba vera.

Il-ktieb “Żwieġ u familja” qed jinbiegħ mill-ħwienet Emmaus Birkirkara u Victoria Għawdex għall-prezz ta’ €4.50 jew online fuq www.ruhmalta.com.

Minn Michael Caruana

%d bloggers like this: