Pass pass f’Lourdes u fil-madwar

Ktieb li juri li Lourdes mhux biss hu ġenna għall-Kattoliċi, iżda ukoll għal dawk li jħobbu l-istorja, il-kultura u n-natura.

Minn Micahel Caruana

Għadu kemm ġie ppubblikat il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar – ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi. Il-ktieb inkiteb u ġie ppubblikat minn Michael Caruana li f’dawn l-aħħar 34 sena mexxa diversi gruppi ta’ Maltin u Għawdxin f’din il-belt Marjana. Fil-għaxar snin bejn l-2010 u l-2019 żaru Lourdes medja ta’ 6,412-il Malti u Għawdxi kull sena.

Dan il-ktieb għandu l-iskop li jqajjem mill-ġdid il-memorji sbieħ ta’ dawk li diġà żaru dan il-post fil-qalba tal-muntanji Pirinej; biex dawk li se jmorru Lourdes ikollhom f’idejhom it-tagħrif li tant ikollhom bżonn; u biex iħajjar oħrajn iżuru din il-belt Marjana mhux biss għall-kurżità jew biex jitolbu xi grazzja, inkella biex jirringrazzjaw lill-Madonna, iżda għax hemmhekk ukoll hu l-post tat-tluq għal ħafna attrazzjonijiet oħra fil-lbiċ ta’ Franza.

Il-ktieb hu ta’ daqs żgħir (A6) biex wieħed ikun jista’ jġorru miegħu, fih 332 paġna u hu maqsum f’sitt taqsimiet. Fihom l-awtur jagħti tagħrif dettaljat dwar Lourdes u s-Santwarju kif ukoll dwar il-postijiet ta’ interess fihom; tagħrif dwar l-eskursjonijiet li wieħed jista’ imur ’il barra minn din il-belt Marjana u ġabra ta’ esperjenzi ta’ wħud li marru Lourdes l-ewwel darba kif ukoll ta’ oħrajn li għadda minnhom Michael Caruana fl-34 sena li ilu jtella’ Maltin u Għawdxin Lourdes. Fih ukoll tagħrif dwar Santa Bernadette, id-dehriet tal-Madonna lilha u għalfejn id-dehriet, kif ukoll iċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa, it-talba tar-Rużarju u l-Via Sagra li ssir fuq l-Għolja tal-Kalvarju bħala att penitenzjali.

Fid-daħla tiegħu għal dan il-ktieb, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea Curmi jirringrazzja lil Michael Caruana ta’ dan il-ktieb li “jgħinna nimxu b’mod tassew sabiħ l-esperjenza unika ta’ Lourdes bħala storja ta’ mħabba b’mod li nistgħu naraw f’Marija preżenza sabiħa, mezz ta’ fejqan u sostenn fit-tbatija”. Min-naħa l-oħra, Anna Frendo, il-Branch Manager tal-EuroTours, tappella lil dawk li għadhom ma żarux Lourdes biex jieħdu l-opportunità u jmorru. Dan l-ktieb jiftħilhom il-bieb u tassigurahom li bħala jispiċċaw sorpriżi kemm Lourdes hu differenti minn dak li wieħed jimmaġina meta jkun għadu ma marx.

Numru limitat ta’ dan il-ktieb qed jitqassam mill-libreriji ta’ kotba reliġjużi Emmaus f’Birkirkara u Victoria Għawdex u Preca fi Blata l-Bajda għal donazzjoni ta’ għaxar euro (€10) inkella mingħand Michael Caruana stess billi tibgħatlu donazzjoni ta’ €12.25 (€10 għall-ktieb u €2.25 għall-posta) u tirċevih id-dar. Dan il-pagament għandu jsir permezz ta’ REVOLUT (Michael 79233264). F’każ ta’ diffikultà ċempel lil Michael Caruana fuq 7923 3264.

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading