Kull investigazzjoni f’rapporti ta’ abbuż trid tkun indipendenti

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kap tas-Safeguarding Commission Andrew Azzopardi qal li kull investigazzjoni f’rapporti ta’ abbuż minn persuni reliġjużi trid tkun indipendenti minn kull tip ta’ indħil.

F’intervista ma’ Newsbook.com.mt, Azzopardi tkellem dwar konferenza li saret f’Ruma għal persuni li jaħdmu fil-qasam tal-ħarsien tat-tfal u tal-adulti vulnerabbli fil-Knisja. Għal din il-konferenza attendew 80 persuna li sitta minnhom kienu qed jirrappreżentaw lill-Arċidjoċesi ta’ Malta u lill-Kunsill tas-Superjuri Maġġuri Reliġjużi, jiġifieri l-ordnijiet reliġjużi f’Malta.

Matul it-tlett ijiem tal-konferenza, ġie diskuss kif wieħed għandu jirrapporta allegat każ ta’ abbuż mal-awtoritajiet tal-Knisja u l-awtoritajiet tal-pajjiż, u l-proċess ta’ dan ir-rappurtaġġ.

Azzopardi spjega li nies mill-kontinenti kollha attendew għal din il-konferenza u b’hekk seta’ jara kif l-istess problema tiġi indirizzata b’metodi differenti f’kuntesti differenti.

“Jeħtieġ li nagħtu appoġġ ġenwin u sinċier lill-vittmi u l-familji tagħhom. Iċ-ċentru tal-ħidma pastorali tal-Knisja mhijiex il-Knisja stess jew min jaħdem magħha imma huwa l-poplu t’Alla,” sostna Azzopardi.

Għaldaqstant, qal li l-Knisja trid tirrispondi għall-iżbalji li saru fil-passat jew li għadhom isiru illum. Żied li s-safeguarding mhuwiex biss il-prijorità tal-Knisja f’Malta, li ilha taħdem b’dan il-mod mill-1999, imma hi prijorità għall-Knisja globali li tagħti importanza lil dan il-proċess.

Dan il-proċess ta’ rappurtaġġ, spjega Azzopardi, hu wieħed kompletament indipendenti u li jsir minn professjonisti lajċi li jaħdmu mingħajr l-indħil tal-isqfijiet jew provinċjali oħra.

“Il-professjonisti jagħmlu l-investigazzjonijiet tagħhom u jippreżentaw biss il-konklużjonijiet tagħhom lill-Isqof jew l-ogħla awtorità fil-Knisja li tkun disponibbli”.

Dan biex il-vittma tal-abbuż tkun konxja li l-proċess kollu sar b’mod indipendenti u mingħajr indħil minn persuni li jistgħu jaffettwaw ir-riżultat tal-investigazzjoni. Azzopardi saħaq fuq l-importanza li l-kura tkun offruta kemm lill-vittma u kemm lil familthom u mhux “insabbtulhom il-bieb f’wiċċhom għax nibżgħu minn dak li jgħidu”.

Dawk kollha li jixtiequ jirrappurtaw xi allegazzjoni jistgħu jagħmlu dan fuq 22470950 jew info@safeguarding.mt, u wkoll lill-Pulizija u lid-Direttorat tal-Protezzjoni tat-Tfal.

Agħfas hawn biex tisma’ l-intervista sħiħa.

Sors: www.knisja.mt

Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: