Nancy Pelosi f’laqgħa mal-Papa Franġisku

Print Friendly, PDF & Email

Imma l-Papa Franġisku, bħall-Papiet ta’ qablu kien ċar dwar id-dinjità tal-ħajja umana fil-ġuf. B’mod konsistenti sejjaħ l-abort bħala ħaġa ħażina u qtil.

Fost l-argumenti li għaddejjin dwar l-abort, hemm mistoqsijiet li jinteressaw lil min hu parti mill-Knisja Kattolika. Min mhux Kattoliku, jew mhuwiex prattikanti, iħares biss lejn aspetti oħra tal-abort. Mistoqsija ewlenija hi jekk l-abort imurx kontra t-tagħlim tal-Knisja.

It-tagħlim uffiċjali l-aktar qrib lejna dwar l-abort insibuh fid-Digriet tal-Konċilju Vatikan II, Gaudium et spes (para. nru 51), li jikkonferma t-tagħlim konsistenti tal-Knisja li “mill-ewwel mument tat-tnissil, il-ħajja trid tiġi mħarsa bl-ikbar kura, filwaqt li l-abort u l-infantiċidju huma att kriminali”.

Il-Papa San Ġwanni Pawlu II, kien iddikjara li “dawk li huma involuti fit-tfassil ta’ liġijiet għandhom obbligu gravi u ċar biex joħduha kontra kull liġi li tattakka l-ħajja umana. Għalihom, bħal kull Kattoliku ieħor, huwa ħażin li jippromwovu liġijiet bħal dawn u jivvutaw għalihom.” Il-kanoni tal-Knisja, jiġifieri l-ġabra tar-regoli tal-Knisja Kattolika, jipprovdi li dawn il-persuni “m’għandhomx jirċievu l-Ewkaristija.” (para. nru 915)

Aħna m’għandniex nieqfu s’hawn. Fid-dawl ta’ Knisja ħanina, Knisja li skont il-Papa Franġisku hi “sptar fil-kamp tal-battalja”, (Amoris Laetitia para. 291) ikun hemm żviluppi fil-pastorali tal-Knisja f’xi regoli li sa ftit snin ilu konna nqisuhom bħala assoluti.

Il-Knisja tħares lejn il-ġid ħolistiku tal-bniedem u għalhekk wieħed jistaqsi jekk għadux iż-żmien li Kattoliċi li jixtiequ jieħdu sehem fis-Sagramenti jiġu mċaħħda milli jagħmlu dan minħabba xi dixxiplina tal-Knisja. Però dan ma jfissirx li l-Knisja qed tiġġustifika prattiċi li huma kontra t-tagħlim tagħha, bħalma hu l-abort

L-Arċisqof li semmejna iktar ’il fuq, Salvatore J. Cordileone, ta’ San Francisco, fehem li għandu jieħu miżura diretta. F’ittra li nhar il-Ġimgħa 20 ta’ April 2022 bagħat lil Nancy Pelosi, l-Ispeaker tal-Kungress Amerikan, qalilha li għandha tieqaf milli tirċievi l-Ewkaristija. Ir-raġuni hi li Nancy Pelosi kienet qed timbotta biex l-abort ikun legalizzat fl-Istati Uniti kollha. Dan kien se jsir b’liġi li kellha twaqqa’ liġi ta’ 50 sena ilu li: “in-nisa għandhom dritt għall-abort mingħajr restrizzjonijiet eċċessivi mill-gvern”. Eventwalment il-liġi m’għaddietx b’vot ta’ 5 imħallfin kontra 4. Ironikament m’għaddietx fi żmien l-iktar amministrazzjoni pro-abort li qatt kien hemm fl-Istati Uniti.

Nancy Pelosi, kif għamel ukoll il-President Joseph Biden ma laqgħetx tajjeb id-deċiżjoni tal-qorti. Nafu kemm dan il-vot kontra l-abort qajjem protesti ħorox minn dawk li huma favur l-abort filwaqt li ġie muri sodisfazzjon minn dawk li huma kontra l-abort..

L-Arċisqof Cordileone spjega d-deċiżjoni tiegħu lil Pelosi billi qal: “billi hi pubblikament uriet il-pożizzjoni tagħha dwar l-abort u baqgħet tiġġustifika dan billi tirreferi għall-fidi Kattolika, issa wasal iż-żmien li titwaqqaf milli tirċievi l-Ewkaristija.” Qalilha wkoll li dan sakemm ma tibqax taħdem favur liġijiet tal-abort u tirċievi l-maħfra bil-Qrar għal “dan id-dnub gravi”.Top of FormBottom of Form

L-istorja ma tiqafx hawn. Nhar l-Erbgħa 29 ta’ Ġunju, festa ta’ San Pietru u San Pawl, Nancy Pelosi kellha laqgħa privata mal-Papa Franġisku fil-Vatikan u rċeviet l-Ewkaristija mingħand saċerdot waqt il-Quddiesa tal-Papa fil-Bażilka ta’ San Pietru. Tajjeb ngħidu li l-projbizzjoni għat-Tqarbin mill-Arċisqof Cordileone lill-Ispeaker Pelosi tapplika biss għat-Tqarbin fid-djoċesi tiegħu.

Allura x’inhi l-pożizzjoni tal-Knisja? Il-Papa Franġisku, bħall-Papiet ta’ qablu kien ċar dwar id-dinjità tal-ħajja umana fil-ġuf. B’mod konsistenti sejjaħ l-abort bħala ħaġa ħażina u qtil, u żamm mal-oppożizzjoni assoluta tal-Knisja kontra l-abort. Waqt il-Quddiesa ta’ nhar l-Erbgħa, il-Papa b’mod vigoruż qal li l-mexxejja tal-Knisja  jridu “jkomplu jagħtu kura lill-ħajja umana.”

Imma l-Papa Franġisku hu kontra li s-Sagramenti tal-Knisja jkunu politiċizzati. Ukoll nhar l-Erbgħa, lill-Isqfijiet li għadhom kif ġew konsagrati u tahom il-pallju ta’ Isqfijiet, qalilhom biex ikunu inklussivi u mhux jibqgħu “imwaħħlin ma xi dibattiti tagħna li ma jħallux frott.” Il-Papa żied jgħid: “Ħafna drabi aħna nsiru Knisja b’bibien miftuħa, imma biss biex nibagħtu n-nies ‘il-barra, biex nikkundannawhom.”

Iktar kmieni fl-istess ġurnata, il-Papa Franġisku ppubblika ittra appostolika ġdida dwar il-liturġija tal-Knisja, li fiha għamel emfasi li ċ-ċelebrazzjoni tal-Quddiesa hi “tat-totalità tal-fidili kollha magħqudin fi Kristu.” Il-Papa qal li: “Il-liturġija mhiex ‘jiena’ imma ‘aħna’. Darba l-Papa kien qal: “Jien qatt ma rrifjutajt l-Ewkaristija lil ħadd”, u għallem li t-Tqarbin mhux ir-rigal tal-qaddisin, imma l-ħobż tal-midinbin.” 

Joe Galea

%d bloggers like this: