Il-Papa jagħmel appelli għas-Sri Lanka, l-Libja, u l-Ukrajna

Print Friendly, PDF & Email

“Ningħaqad man-niket tal-poplu tas-Sri Lanka, li qed ikompli jbati l-effetti tal-instabilità politika u ekonomika,” hekk qal il-Papa Franġisku, l-Ħadd, wara t-talba tal-Angelus.

Wara ġimgħat ta’ dimostrazzjonijiet popolari, s-Sibt, gruppi ta’ dimostranti fis-Sri Lanka daħlu fil-palazz presidenzjali u bini ieħot tal-gvern, u talbu r-riżenja tal-President Gotabaya Rajapaksa. Aktar tard matul il-ġurnata, kemm il-President, kif ukoll il-Prim Ministru Ranil Wikremesinghe qablu li jirriżenjaw, iżda l-mexxejja tal-protesti qalu li se jkomplu jokkupaw ir-residenzi uffiċjali tagħhom sakemm fil-fatt jitilqu mill-kariga. Intant, il-partiti politiċi tal-oppożizzjoni kellhom jiltaqgħu l-Ħadd biex jiddiskutu l-formazzjoni ta’ gvern ġdid.

Fir-rimarki tiegħu, l-Papa Franġisku, flimkien mal-Isqof tal-pajjiż, ġedded l-appell tiegħu għall-paċi, u “talab” lill-mexxejja tas-Sri Lanka “biex ma jinjorawx l-għajta tal-foqra u n-nies fil-bżonn”.

Il-Papa Franġisku indirizza wkoll “ħsieb speċjali lill-poplu Libjan, b’mod partikolari liż-żgħażagħ u lil dawk kollha li qed ibatu minħabba l-problemi soċjali u ekonomiċi serji fil-pajjiż”. Huwa sejjaħ għal “soluzzjonijiet dejjem ġodda u konvinċenti” għal dawn il-problemi, “bl-għajnuna tal-komunità internazzjonali, permezz ta’ djalogu kostruttiv u rikonċiljazzjoni nazzjonali”.

Dwar il-kunflitt li għaddej fl-Ukrajna, l-Papa Franġisku għal darb’oħra talab li Alla li jista’ kollox, “juri t-triq biex tintemm din il-gwerra bla sens”. Waqt li esprima l-qrubija tiegħu mal-poplu Ukren, “li kuljum huwa tturmentat minn attakki brutali li l-poplu ċivili qed iħallas għalihom.” Il-Papa assigurahom t-talb tiegħu “għall-familji kollha, speċjalment għall-vittmi, l-midruba, l-morda, għall-anzjani u għat-tfal”.

Fl-aħħar aħbarijiet mill-Ukrejna, s-Sibt bil-lejl inqatlu mill-inqas 15-il persuna, meta rokit Russu laqat bini ta’ appartamenti fil-belt ta’ Chasiv Yar, fil-Lvant tal-Ukrajna, u hemm iktar minn 20 persuna oħra li jistgħu jkunu għadhom maqbuda fit-terrapien.

Fl-aħħarnett, il-ħsibijiet tal-Papadaru lejn jum “Ħadd il-Baħar”, li jiġi oservat kull sena fit-tieni Ħadd ta’ Lulju. “Ejjew niftakru fil-baħħara kollha bi stima u gratitudni għall-ħidma prezzjuża tagħhom, kif ukoll fil-kappillani u l-voluntiera ta’ ‘Stella Maris’,” appostolat li jipprovdi kura pastorali u appoġġ għall-baħħara u l-familji tagħhom. Fl-Angelus tal-Ħadd, il-Qdusija Tiegħu offra talb speċjali għal “dawk il-baħħara li jsibu ruħhom mitluqin f’żoni ta’ gwerra”, u afdahom f’idejn il-Verġni Marija “biex jirritornaw lura d-dar”.

Aktar kmieni din il-ġimgħa, f’messaġġ għal ‘Ħadd il-Baħar’, il-Kardinal Michael Czerny, SJ, enfasizza xi wħud mill-isfidi li qed jiffaċċjaw il-baħħara llum, b’enfasi speċjalment fuq l-importanza tal-leave fuq l-art bħala “kruċjali” għall-ġid tal-baħħara.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-07/at-angelus-pope-makes-appeals-for-sri-lanka-libya-ukraine.html

%d bloggers like this: