Il-Papa lill-Isqfijiet Ukreni: “Ibqgħu qrib il-merħla tagħkom”

Print Friendly, PDF & Email

Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-Isqfijiet Griegi Kattoliċi Ukreni biex ikunu rgħajja tal-merħla tagħhom u jkunu qrib il-fidili fdati f’idejhom, u jagħtuhom kuraġġ u tama. Bħalissa, l-Isqfijiet Ukreni qed jagħmlu s-Sinodu annwali tagħhom biex jiddiskutu t-tema tas-sinodalità fil-Knisja. Il-Laqgħat qed isiru fil-Polonja, minħabba l-gwerra li għaddejja fl-Ukrajna.

F’ittra indirizzata lill-Arċisqof Maġġuri ta’ Kyiv-Halych, Sviatoslav Shevchuk, kap tal-Knisja Griega-Kattolika, l-Papa l-ewwelnett tenna t-talb u l-qrubija tiegħu lejn il-poplu Ukren li qed isofri l-gwerra li r-Russja qed tagħmel kontra pajjiżu. Filwaqt li fakkar il-Jum tat-Tifkira tal-Martri ta’ Lviv, li ġew kanonizati fl-2001 mill-Papa San Ġwanni Pawlu II, waqt il-Vjaġġ Appostoliku tiegħu lejn l-Ukrajna, l-Papa Franġisku rrimarka li l-kunflitt attwali jagħmel iċ-ċirkostanzi li fihom dawk is-saċerdoti, patrijiet, sorijiet u lajċi, li għexu u mietu taħt ir-reġim Sovjetiku, llum jidher aktar ċar. “Illum mis-Smewwiet qed jipproteġu lin-nieshom li qed ibatu,” qal il-Papa, waqr li feda lill-membri kollha tas-Sinodu f’idejn dawn il-martri maqtula mir-reġim komunista fl-era Sovjetika.

Filwaqt li rrifletta fuq it-tema tal-laqgħa – “Sinodalità u universalità: esperjenza tal-Knisja Griega-Kattolika Ukrena”, l-Papa Franġisku saħaq li l-għan primarju tas-sinodu għandu jkun “il-ġid tal-Knisja u ta’ kull fidil”. “Barra minn hekk, irid ikun post ta’ laqgħa u ta’ għajnuna reċiproka fit-triq komuni tal-ħajja, fit-tfittxija ta’ mezzi ġodda ta’ akkumpanjament tal-fidili”.

F’dan ir-rigward, il-Qdusija Tiegħu tenna lir-rgħajja, bħala rgħajja tal-merħla tagħhom, għandhom ikunu qrib il-fidili fdati f’idejhom u jġibulhom l-“ilma ħaj tat-tama”. L-Papa kkwota kliemu stess lill-Isqfijiet Griegi-Kattoliċi, waqt iż-żjara tagħhom f’Ruma fl-2019, in-nies “ma jifhmux” lir-rgħajja tagħhom jekk ikellmuhom “biss dwar Alla”; imma jifhmu jekk ir-rgħajja “jagħmlu dak kollu li jistgħu biex iwasslu lil Alla għandhom”.

“Jalla l-Knisja tkun il-post fejn tinkiseb it-tama, fejn jinstab dejjem il-bieb miftuħ, fejn jintlaqgħu l-faraġ u l-inkoraġġiment”.

Għalhekk il-Papa Franġisku esprima li l-laqgħa tista’ tispira lill-Isqfijiet Griegi-Kattoliċi f’ “kontinwazzjoni kreattiva” tat-“tradizzjoni straordinarja tal-fidi tal-Missirijiet, imsejsa, u sostnuta għall-ġenerazzjoni fil-Poplu ta’ Alla” tal-Ukrajna.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-07/pope-francis-to-ukrainian-bishops-stay-close-to-your-flock.html

%d bloggers like this: