Kotba dwar Lourdes

Print Friendly, PDF & Email

Ippreżentati kotba dwar Lourdes lill-Isqfijiet u lill-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda

Michael Caruana, l-awtur tal-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi, ippreżenta kopja tal-ktieb tiegħu lill-Arċisqof Charles J. Scicluna li mit-Tnejn li ġej se jmexxi l-pellegrinaġġ tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes.

L-awtur qal lill-Arċisqof li l-ħsieb tiegħu kien li dan il-ktieb, li kellu jiġi sponsorjat minn tliet kumpanniji, jitqassam b’xejn lil dawk li jkunu sejrin pellegrinaġġ f’din il-belt Marjana. Dan ma setax isir billi dawn il-kumpanniji, u oħrajn li ġew avviċinati wara, irtiraw il-wiegħda tagħhom minħabba, fost oħrajn, is-sitwazzjoni preżenti. Iżda, grazzi għall-għajnuna li sab minn persuni li marru miegħu Lourdes mill-2009 ’il hawn u minn oħrajn, l-ewwel edizzjoni tqassmet fi tlett ijiem u imbagħad, grazzi għall-għajnuna li sab mill-Assoċjazzjoni Maltija tal-Ordni ta’ San Ġwann u mill-Arċidjoċesi ta’ Malta setgħet tiġi emendata u stampata t-tieni edizzjoni waslet ukoll biex titqassam kollha.

Michael Caruana imbagħad semma lill-Arċisqof Scicluna l-intervent li għamel biex titqiegħed tappizzerija ta’ San Ġorġ Preca fil-Bażilka San Piju X fis-Santwarju. L-Arċisqof Scicluna esprima l-istess xewqa u semma li l-Arċidjoċesi kienet irregalat inkwadru u relikwija ta’ San Ġorġ Preca lis-Santwarju biex dawn jitqiegħdu għall-qima ta’ dawk li jżuru l-post. Fil-fatt, dawn qegħdin fil-kappella San Cosmos u San Damian li qiegħda fil-binja San Ġwanni Pawlu II.

Aktar qabell-Isqof t’Għawdex Anton Teuma ġie ppreżentat ukoll b’kopja tal-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrifu esperjenzi mill-awtur stess Michael Caruana.

Il-preżentazzjoni saret fl-Uffiċċju tal-Isqof fil-Kurja t’Għawdex u kienu preżenti għaliha mart l-awtur Joan u l-persuna responabbli mill-Uffiċċju Komunikazzjoni tad-Djoċesi Francesco Pio Attard.

L-Isqof Teuma faħħar l-inizjattiva u x-xogħol li daħal għalih Michael Caruana permezz ta’ din il-pubblikazzjoni u awguralu kull suċċess. Min-naħa tiegħu l-awtur fisser l-iskop ta’ din il-pubblikazzjoni u l-kontenut tal-ktieb u qasam mal-Isqof Teuma esperjenzi sbieħ li fihom kienu involuti saċerdoti Għawdxin.

Sadattant, is-Sur Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, ippreżenta lil Dun Joseph Mizzi, id-Direttur Spiritwali tal-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes, numru ta’ kotba Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi biex dawn jingħataw lil voluntieri li mit-Tnejn li ġej se jkunu qed jgħinu lil numru ta’ morda li sejrin pellegrinaġġ Lourdes.

Fil-fatt, grupp ta’ 150 persuna mmexxija mill-Arċisqof Charles J. Scicluna, bejn nhar it-Tnejn 18 u l-Ġimgħa 22 ta’ Lulju se jkunu qed jieħdu sehem fid-90-il pellegrinaġġ għal Lourdes organizzata mill-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes. 

Il-preżentazzjoni saret fl-Uffiċċju tas-Sur Pace Ross fil-Kurja l-Furjana u għaliha kien preżenti l-awtur ta’ dan il-ktieb Michael Caruana.

Dawn il-kotba setgħu jingħataw b’xejn lill-Għaqda Maltija għat-Trasport tal-Morda f’Lourdes grazzi għall-għajnuna li l-awtur irċieva mill-Arċidjoċesi ta’ Malta.

Kopji oħra ta’ dan il-ktieb kienu ppreżentati lill-Kardinal Mario Grech u lill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi li kiteb waħda mid-daħliet tal-ktieb.

Il-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi minbarra kitba dwar id-dehriet tal-Madonna u għalfejn id-dehriet, jagħti t-tagħrif li wieħed ikollu bżonn dwar Lourdes, is-Santwarju, il-postijiet ta’ interess f’din il-belt Marjana u fil-madwar u jaqsam mal-qarrejja esperjenzi ta’ wħud li żaru Lourdes l-ewwel darba u oħrajn li ltaqa’ magħhom Michael Caruana fl-34 sena li ilu jmexxi pellegrinaġġi f’dan il-post.

Kopji tal-ktieb Pass, Pass f’Lourdes u fil-madwar: Ġabra ta’ tagħrif u esperjenzi jinkisbu minn Librerija Preca, Blata l-Bajda u mill-bookshops Emmaus Birkirkara u Victoria Għawdex għal donazzjoni ta’ €10.

Ritratti: L-Arċidjoċesi ta’ Malta u Francesco Pio Attard

%d bloggers like this: