Għalina l-Insara r-rebbiegħa tfakkarna fil-festa tal-festi, l-Għid il-Kbir!
Ir-rebbiegħa! X’kelma sabiħa li timlieni bil-ħajja u bl-imħabba! Kelma li tfewwaħli lil ħajti l-għaliex ixxappapha bil-barka tat-tama! Kelma li tagħmilni tabilħaqq persuna ġdida!
Il-kelma Ingliża għal rebbiegħa spring, tgħinni napprezza l-ġmiel tar-rebbiegħa. L-ewwel użu tagħha jgħid li spring, jiġifierigl-istaġun tar-rebbiegħa, huwa dak li jibda’ mill-21 ta’ Marzu u jintemm fil-21 ta’ Ġunju. Il-kelma spring tirreferi wkoll għall-għajn tal-ilma naturali. Barra minhekk tindika wkoll device mekkaniku li fih jiġbor l-enerġija. U, fit-terminoloġija politika, il-kelma spring hija użata biex tfisser perjodi ta’ ħelsien politiku, bħalma kellna f’dawn l-aħħar tlett snin fil-pajjiżi Arab u li l-istudjużi tal-politika laqqmugħhom the Arab spring.
Fost ir-riflessjonijiet li jfissru dan l-istaġun sabiħ tar-rebbiegħa hemm dik ta’ Sitting Bull, il-bniedem qaddis u mexxej ta’ wieħed mit-tribujiet indiġeni Amerikani li mexxa r-reżiżtenza ta’ ġensu kontra l-policies tal-gvern tal-Istati Uniti fis-seklu dsatax. Sitting Bull kien qal: “Araw, ħbieb, ir-rebbiegħa waslet; l-art laqgħet ferħana t-tgħanniq tax-xemx u dalwaqt se naraw ir-riżultati ta’ mħabbithom!”
L-imħabba tnissel. Tagħti l-ħajja. Tbierek il-ħajja. Hija l-istess ħajja. Għalhekk, fl-istaġun tar-rebbiegħa, nilmħu l-fjuri li jisbieħu, l-għelieqi li jħaddru, u nisimgħu l-għasafar li isaffru! Għaliex l-istaġun tar-rebbiegħa jurina s-simboli ħajjin tal-bidla li sseħħ madwarna. Il-jiem jibdew jitwalu, jiddawlu u jisħnu. U l-emozzjonijiet tiegħek u tiegħi jiġu mtella’ ‘l fuq b’dan id-dawl u t-temperatura tal-ġurnata li, kulma tmur, tibda’ tiela’.
Ir-rebbiegħa hija meqjusa bħala żmien ta’ kobor u tiġdid. Hija ħajja ġdida li titwieled. Ċiklu tal-ħajja li jibda’ mill-ġdid. B’mod ġenerali wieħed jara r-rebbiegħa bħala l-bidu ta’ żminijiet ġodda. F’dan iż-żmien tas-sena nibdew inħossuna inqas tqal u aktar miftuħa biex nilqgħu b’idejna miftuħa kull tibdiliet li jkun hemm bżonn f’ħajjitna, kemm dawk kbar u anki żgħar.
Is-simboliżmu tar-rebbiegħa huwa wieħed li ħafna nies japprezzaw. Fil-fatt fit-tradizzjonijiet kulturali kollha madwar id-dinja r-rebbiegħa huwa żmien ta’ twelid mill-ġdid. Jirrifletti bidu ġdid. Irrispettivament jekk dawn is-simboli għandhomx x’jaqsmu mal-allat fertili ta’ komunitajiet rurali, il-festi f’ġieħ in-natura imnedija mill-kulturi pagani, inkella r-reżurezzjoni Nisranija tal-Għid Nisrani. Hu x’inhi l-festa jew ċelebrazzjoni r-rebbiegħa hija, minnha nnifisha, staġun li wieħed żgur li ma jista’ jinsieħ qatt.
Għalina l-Insara r-rebbiegħa tfakkarna fil-festa tal-festi, l-Għid il-Kbir! Il-Kelma Għid għandha importanza kbira. Ħa naraw ftit l-etimoloġija tal-kelma bil-għan li napprezzawha aktar. Il-kelma Ingliża għall-Għid hija Easter. Hija ġejja minn Eostre. Din kienet l-alla mara Anglo-Sassona tar-rebbiegħa li kienet tiġi meqjuma minn ftit neopagani. Dawn rabtu din l-alla mara ma’ aspetti varji li jfakkruna mat-tiġdid tal-ħajja bħar-rebbiegħa, il-fertilità u l-fenek (x’aktarx minħabba r-riproduzzjoni mgħaġġla u abbundanti tagħha). Nies li jqimuha u kittieba jiddeskrivu lil Eoster bħala “alla taż-Żernieq”. Dan l-għaliex minħabba r-relazzjoni etimoloġika li hemm bejn isimha u l-kelma Anglo-Sassona għaż-‘Żernieq’.
It-tixbiha tal-bajda tal-Għid tista’ tiġi meqjusa bħala simbolu pagan u fl-istess ħin reliġjuż għat-twelid u l-kontinwità tal-ħajja. Dan is-simbolu huwa parti wkoll mir-ritwal tal-Għid. Kien Alla li wiegħed lill-poplu ta’ Iżrael, li kien imjassar fl-Eġittu, li kien se jeħlishom. Huwa wegħdhom solennement: “Għax dak il-lejl jiena ngħaddi mill-art ta’ l-Eġittu u nidrob ‘il kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art ta’ l-Eġittu, bnedmin u bhejjem, u nagħmel ħaqq mill-allat kollha ta’ l-Eġittu: Jien, Jahweh” (Eż:12:12). Madankollu l-Mulej għammar lil Iżraelin biex jagħmlu sinjal, jiġifieri li “jieħdu mid-demm tiegħu, u jroxxuh fuq il-ġnub u l-blata tal-bibien tad-djar fejn ikunu se jikluh” (Eż:12:7). Dak kien is-sinjal għall-Mulej biex jgħaddi mill-art ta’ l-Eġittu u jidrob ‘il kull min hu l-ewwel fost l-imweldin fl-art ta’ l-Eġittu (ara Eż 12 :12). Din hija storja politika ta’ ħelsien u fl-istess ħin ta’ rifjut minn poplu li safa maħqur. Din l-istorja tuża s-simbolu ta’ bajda iebsa biex tfisser it-twelid, it-tiġdid, il-bidu u l-ħxejjex friski biex tfakkar it-tiġdid tal-poplu. Hija tiċċelebra r-rebbiegħa u ċ-ċiklu li jiffriska tal-ħajja.
Interessanti li fl-Exultet, l-Għanja tal-Għid li l-Knisja tkanta ferħana fis-Sahra tal-lejl Qaddis tal-Għid, insibu fih eloġju sħiħ tal-ħajja ġdida li ġabilna Kristu l-għaliex ħelisna mill-qawwa qerrieda tad-dnub bil-passjoni, il-mewt u l-qawmien tiegħu. Din il-ħajja ġdida hija kawża ta’ ferħ. Mhux biss għalina iżda wkoll għall-“qtajja’ ta’ l-Anġli fis-sema,” “għall-qaddejja ta’ Alla,” “għall-art,” u għal “Ommna l-Knisja mqaddsa.” Anki l-istess ħitan tal-knejjes tagħna jifirħu għall-ħelsien miksub! Għandna tassew għaliex nifirħu minħabba li “Kristu qered il-jasar tal-mewt u qam rebbieħ fuq is-setgħat tal-ħażen”. X’rebbiegħa dejjiema din!
Imma din ir-rebbiegħa u ħajja ġdida tkompli tgħix fik u fija meta kliemna jkun mimli tama, ferħ, inkoraġġiment u paċi. L-istess ħajja ġdida tkun tidher fina meta nieqfu naraw lilna nfusna bħala falliment u nieħdu kull ċirkustanza li ngħaddu minnha, inkluż dnubietna, bħala opportunità biex inkomplu nikbru u nimmaturaw fil-Mulej. Din il-ħajja ġdida tkun tidher fik u fija meta niddeċiedu li nitolbu u nagħmlu l-ġid lil min lilna għamlilna d-deni u kisser il-fama tagħna.
Għaliex x’hemm isbaħ meta l-ġmiel tan-natura, li jeżiżti hemm barra, jibda’ jidher fik u fija fil-mod ta’ kif nittrattaw ma’ xulxin? X’hemm isbaħ milli nsebbħu pajjiżna bl-imħabba u l-ġenerożità li nuru bejnietna?
Patri Mario Attard OFM Cap