Patt Edukattiv Globali

Print Friendly, PDF & Email

Il-Kardinal Parolin jenfasizza l-ħtieġa urġenti għal Patt Edukattiv Globali.

Il-pandemija tal-Covid-19 u l-gwerra fl-Ukrajna, fost ħafna kunflitti oħra li għaddejjin fid-dinja, jagħmlu l-ħtieġa għal patt edukattiv globali saħansitra jagħmluha aktar urġenti, Hekk qal nhar it-Tnejn il-Kardinal Pietro Parolin, f’laqgħa tan-Nazzjonijiet Uniti. “L-edukazzjoni se tgħinna negħlbu l-ħafna qasmiet eżistenti fis-soċjetajiet tagħna, billi nibnu komunitajiet aktar b’saħħithom u aktar reżiljenti, bbażati fuq il-valuri tal-fraternià umana u s-solidarjetà reċiproka”, qal is-Segretarju tal-Istat tal-Vatikan waqt li kien qed jindirizza lil dawk li qed ifasslu l-politika miġbura fi New York għall-“Summit ta’ Transforming Education”, avveniment ta’ tliet ijiem imsejjaħ mis-16 sad-19 ta’ Settembru, mis-Segretarju tan-Nazzjonijiet Uniti, Antonio Guterres, b’reazzjoni għall-kriżi globali attwali tal-edukazzjoni.

Ħafna drabi bil-mod u li ma tidhirx, din il-kriżi qed ikollha mpatt devastanti fuq il-futur tat-tfal u ż-żgħażagħ madwar id-dinja. S-Summit, għalhekk, ipprovda opportunità unika biex tittella’ l-edukazzjoni fil-quċċata tal-aġenda politika globali u biex timmobilizza azzjoni, solidarjetà u soluzzjonijiet biex tirkupra t-telf ta’ tagħlim relatat mal-pandemija u biex tinżera’ ż-żerriegħa biex tittrasforma l-edukazzjoni f’dinja li qed tinbidel malajr.

Fil-kummenti tiegħu, l-Kardinal Parolin enfasizza l-modi li bihom, min-naħa tagħha, l-Knisja Kattolika tkompli tkun impenjata b’mod attiv f’dan il-qasam kruċjali, bi skejjel u universitajiet madwar id-dinja, li jippermettu li aktar minn 70 miljun żagħżugħ u żagħżuha jirċievu edukazzjoni ta’ kwalità.

Is-Segretarju tal-Istat fakkar li fl-aħħar snin il-Papa Franġisku ħeġġeġ lill-komunità tal-Knisja biex iġedded din id-dedikazzjoni għat-tfal u ż-żgħażagħ permezz tal-Patt globali għall-Edukazzjoni tiegħu, proġett li “jfittex li jinvolvi diversi atturi u partijiet interessati biex jerġgħu jibnu l-alleanza edukkativa fraġli billi jintroduċu fil-ġenerazzjonijiet l-ġodda l-valuri tar-rispett, tad-djalogu, u tas-solidarjetà permezz tal-investiment tal-aqwa riżorsi disponibbli f’edukazzjoni ta’ kwalità”. L-idea wara l-inizjattiva hija li l-impenn għal edukazzjoni nklużiva u ntegrali bħala mezz għat-tħabbrik għal dinja aħjar trid tkun mifruxa minn kulħadd.

Biex titwettaq din il-viżjoni sħiħa tal-edukazzjoni, kompla jispjega l-Kardinal Parolin, il-Papa Franġisku jistieden lil dawk kollha li jaħdmu fil-qasam tal-edukazzjoni biex ikunu mmexxija minn erba’ pilastri: l-ewwel prinċipju huwa dak li wieħed ikun jaf lilu nnifsu, segwit mill-qrib li jkun jaf il-proxxmu, li jħeġġiġna li nżommu f’moħħna “l-persuna l-oħra”, speċjalment l-aktar vulnerabbli. It-tielet pilastru huwa “li nkunu nafu l-Ħolqien, li jispirana biex nieħdu ħsieb id-dar komuni tagħna”. U l-aħħar prinċipju u mhux l-inqas, li ninkorporawhom kollha, huwa dak li wieħed ikun jaf it-Traxxendent. Tabilħaqq, “Hija din it-tensjoni lejn id-destin u l-vokazzjoni tal-umanità li tagħti l-edukazzjoni fit-tifsira l-aktar profonda tagħha u tikkonvinċi liż-żgħażagħ bil-valuri tagħna”.

Il-Papa, kompla l-Kardinal Parolin, jistieden ukoll lill-organizzazzjonijiet edukattivi biex jirrevedu l-proġetti u l-kurrikuli tagħhom, billi jagħmlu seba’ mogħdijiet. Dawn jinkludu: li l-persuna umana fil-valur u d-dinjità tagħha “ċ-ċentru ta’ kull sfroz edukattiv”; nisimgħu l-vuċi tat-tfal u ż-żgħażagħ sabiex “flimkien nibnu futur ta’ ġustizzja, paċi u ħajja dinjituża għal kull persuna”; l-inkoraġġiment tal-parteċipazzjoni sħiħa tal-bniet u n-nisa żgħażagħ fl-edukazzjoni; iqis “il-familja bħala l-ewwel u essenzjali psot ta’ edukazzjoni”; edukazzjoni dwar il-ħtieġa ta’ aċċettazzjoni u ftuħ għal dawk l-aktar vulnerabbli; li jinstabu modi ġodda ta’ kif wieħed jifhem l-ekonomija, l-politika, t-tkabbir u l-progress li jkun għas-servizz tal-familja umana, fil-kuntest ta’ ekoloġija ntegrali; u fl-aħħar, nissalvagwardjaw id-dmir komuni tagħna.

Waqt li temm l-indirizz tiegħu, l-Kardinal Pietro Parolin tenna l-importanza li jinqasam l’isforz f’dan il-qasam u l-inkoraġġiment tal-Papa Franġisku biex ħadd ma jibża mill-bidliet, imma “nħarsu lejn il-futur b’tama”.

“Il-Papa stieden lil kulħadd, (żgħażagħ, għalliema, mexxejja politiċi, u s-soċjetà ċivili) biex ikunu protagonisti ta’ din l-alleanza, billi jieħdu impenn personali u fis-soċjetà biex nikkultivaw flimkien il-ħolma ta’ umaniżmu b’solidarjetà, li nwieġbu għall-aspettativi umana u tal-pjan ta’ Alla”.     

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/vatican-city/news/2022-09/cardinal-parolin-urgent-need-for-global-educational-pact.html

%d bloggers like this: