Il-Papa Franġisku ħeġġeġ lil kulħadd biex nikkontribwixxu biex “Nibnu l-futur mal-migranti u r-refuġjati”, fakkar fit-tema tal-Jum Dinji tal-Migranti u r-Refuġjati, li tiġi ċċelebrata fil-Knisja fl-aħħar Ħadd ta’ Settembru ta’ kull sena. Huwa kien qed jitkellem fi tmiem il-Quddiesa f’Matera, f’quddiesa ċċelebrata fl-Istadium Muniċipale XXI Settembre.
“Ejja nġeddu l-impenn tagħna biex nibnu l-futur skont il-pjan ta’ Alla: futur li fih kull persuna ssib postha u tiġi rispettata; li fiha l-migranti, r-refuġjati, l-persuni spostati u l-vittmi tat-traffikar tal-bnedmin jistgħu jgħixu fil-paċi u b’dinjità”.
Jalla s-Saltna ta’ Alla titwettaq magħhom, “mingħajr esklużjoni,” qal il-Papa. U nistgħu nirringrazzjaw lil dawn l-“aħwa” għax jistgħu jgħinu lill-komunitajiet tagħna jikbru u jiffjorixxu ekonomikament, kulturalment u spiritwalment. Il-Papa żied jgħid li billi naqsmu u nitgħallmu dwar it-tradizzjonijiet differenti ta’ xulxin, dan “jarrikkixxi lill-Poplu ta’ Alla”.
“Ejjew ilkoll naħdmu flimkien biex nibnu futur aktar inklussiv u fratern!”
Temm il-ħsieb tiegħu b’appell biex nilqgħu, nakkumpanjaw, nappoġġjaw u nintegraw lill-migranti fil-komunitajiet tagħna.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-09/pope-may-we-welcome-accompany-support-and-integrate-migrants.html