Qari tas-Sibt tad-Disa’ Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt

Qari I

Issa bierku lill-Mulej. Jien tiela’ għand min bagħatni.

Tob 12, 1.5-15.20

Qari mill-Ktieb ta’ Tobit

F’dak iż-żmien, malli għaddiet il-festa tat-tieġ, Tobit sejjaħ lil Tobija ibnu u qallu: “Ibni, qis li tħallas skont ma ħaqqu lil dak ir-raġel li ġie jwasslek, u agħtih xi ħaġa aktar”. Imbagħad sejjaħlu u qallu: “Nofs kulma ġibtilna miegħek hu tiegħek bi ħlas. Ħudu, u tista’ tmur bis-sliem”.

Rafel imbagħad sejħilhom bil-moħbi u qalilhom: “Bierku lil Alla u faħħruh quddiem il-ħajjin kollha għall-ġid kollu li għamel magħkom, biex iberkuh u jgħannu għana ta’ tifħir f’ġieħ ismu. Xandru mal-bnedmin kollha kulma għamel Alla u agħtuh ġieħ u titnikkrux biex tfaħħruh. Tajjeb li wieħed iżomm moħbi s-sigriet tas-sultan, iżda unur li wieħed ifaħħar u jxandar l-opri ta’ Alla. Agħmlu t-tajjeb u ma jilħaqkom ebda deni. Aħjar it-talb bil-qalb, u l-karità bis-sewwa, mill-għana bid-dnewwa. Aħjar tagħti l-karità, milli taħżen id-deheb. Il-karità teħilsek mill-mewt, u tnaddfek minn kull dnub. Dawk li jagħmlu l-karità jimtlew bil-ħajja. Dawk li jagħmlu d-dnub u l-inġustizzja, huma l-għedewwa tagħhom infushom.

Irrid ngħidilkom is-sewwa kollu, u ma naħbilkom xejn. Diġà għarraftkom: Tajjeb li wieħed iżomm moħbi s-sigriet tas-sultan, iżda unur li wieħed ixandar l-opri ta’ Alla. U issa, meta int u Sara kontu titolbu, jien kont inwassal it-talb tagħkom quddiem il-maestà tal-Mulej u nfakkru fih; meta kont tidfen il-mejtin kont nagħmel l-istess. Meta int ma qgħadtx taħsibha darbtejn biex tqum, tħalli l-ikel, u tmur tkeffen il-mejjet, jien kont mibgħut biex inġarrbek. U issa Alla bl-istess mod bagħatni biex infejjaq lilek u lil Sara, mart ibnek.

Jien Rafel, wieħed mis-seba’ anġli, li qegħdin quddiem il-maestà tal-Mulej, u nistgħu nersqu lejh. Issa bierku lill-Mulej fuq l-art; faħħru lil Alla. Jien tiela’ għand min bagħatni. Iktbu kulma ġralkom”.

Kif qal hekk għola ’l fuq.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Tob 13, 2.6.7.8

R/. (2a): Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem

Imbierek Alla, li jgħix għal dejjem,

u mbierka s-saltna tiegħu!

Hu jikkastiga u jħenn;

iwasslek sal-qabar f’qiegħ l-art,

u mbagħad jerfgħek mill-akbar qerda.

M’hemm ħadd li jeħles minn idejh. R/.

Meta b’qalbkom sħiħa u ruħkom kollha,

terġgħu lura għal għandu,

imbagħad hu jdur lejkom,

u ma jaħbix iżjed wiċċu minnkom. R/.

Ara x’għamel magħkom!

Faħħruh b’kemm għandkom ħila,

u bierku l-Mulej il-ġust,

u faħħru s-sultan ta’ dejjem. R/.

Infaħħru jien f’art l-eżilju tiegħi,

u nuri l-qawwa u l-kobor tiegħu lill-ġens midneb.

Erġgħu lura għal għandu, midinbin,

u għamlu l-ġustizzja quddiemu.

Min jaf jilqagħkomx u jħennx għalikom? R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 3

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin il-foqra fl-ispirtu,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor.

Mk 12, 38-44

Qari mill-Evanġelju skont San Mark

F’dak iż-żmien, Ġesù, hu u jgħallem lin-nies fit-tempju qalilhom: “Iftħu għajnejkom mill-kittieba, li jħobbu jduru mat-toroq bi lbiesi twal, jixtiequ min isellmilhom fil-pjazez, u fis-sinagogi joqogħdu fis-siġġijiet ta’ quddiem, u fil-postijiet ewlenin fil-pranzijiet; iberbqu ġid ir-romol, u mbagħad għal wiċċ in-nies idumu ħafna jitolbu. Dawn jieħdu kundanna aktar iebsa”.

Kien qiegħed biswit it-teżor, iħares u jara xi flus jitfgħu n-nies fit-teżor. Bosta għonja bdew jitfgħu ħafna. Resqet waħda armla fqira u tefgħet biċċtejn żgħar, jiġifieri xi ftit ċenteżmi. Hu sejjaħ id-dixxipli tiegħu u qalilhom: “Tassew ngħidilkom, li din l-armla fqira tefgħet iktar minn dawk kollha li tefgħu fit-teżor. Għax dawk kollha tefgħu miż-żejjed tagħhom, imma hi, fil-faqar tagħha, tefgħet kulma kellha, dak kollu li kellha biex tgħix”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: