Qari tat-Tlieta tas-Sbatax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta

Qari I
Il-Mulej kien ikellem lil Mosè wiċċ imb wiċċ.
Eżodu 33, 7-11; 34, 5b-9.28

Qari mill-Ktieb tal-Eżodu
F’dak iż-żmien, Mosè kien jieħu tinda u jwaqqafha barra l-kamp, u ’l bogħod mill-kamp, u semmieha: “It-tinda tal-laqgħa”. Kull min kien ifittex il-Mulej, kien joħroġ lejn it-tinda tal-laqgħa, li kienet barra l-kamp.

Kull meta Mosè kien joħroġ lejn it-tinda kien iqum il-poplu kollu u kull wieħed kien joqgħod wieqaf quddiem it-tinda, u jħarsu lejn Mosè sa ma jidħol fit-tinda. Kull meta Mosè kien jidħol fit-tinda kienet tinżel kolonna ta’ sħab, u tieqaf fil-bieb, u titkellem ma’ Mosè. Il-poplu kollu kien jara din il-kolonna ta’ sħab wieqfa fil-bieb tat-tinda, u kien iqum il-poplu kollu, u jmilu u jinżlu wiċċhom fl-art, kulħadd quddiem il-bieb tat-tinda tiegħu.

Il-Mulej kien ikellem lil Mosè wiċċ imb wiċċ, bħalma bniedem ikellem lil ħabibu; imbagħad Mosè kien jerġa’ lura lejn il-kamp; imma Ġożwè bin Nun, żagħżugħ, ma kienx joħroġ mit-tinda. Imbagħad il-Mulej niżel fi sħaba u waqaf hemm maġenbu; u xandar l-isem tal-Mulej. U l-Mulej għadda minn quddiemu u għajjat: “Jahweh! Jahweh! Alla li jagħder u jħenn; tqil biex jagħdab u kbir fit-tjieba u l-fedeltà. Iħares it-tieba għal elf ġenerazzjoni u jaħfer il-ħażen, id-dnub u l-ħtija; imma ma jħalli xejn għaddej; jikkastiga l-ħażen tal-missirijiet f’uliedhom u f’ulied uliedhom sat-tielet u r-raba’ ġenerazzjoni”.

Mosè minnufih inxteħet għal wiċċu fl-art, ta qima u qal: “Jekk jien tassew sibt ħniena quddiemek, Sidi, ħa jiġi Sidi ġo nofsna, nitolbok; għax dan hu poplu rasu iebsa. Aħfrilna ħżunietna u ħtijietna, u ħudna b’wirt għalik”. Mosè baqa’ mal-Mulej erbgħin jum u erbgħin lejl, mingħajr ma kiel ħobż jew xorob ilma. U kiteb fuq it-twavel il-kliem tal-patt, l-għaxar kelmiet.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali
Salm 102 (103), 6-7.8-9.10-11.12-13

R/. (8a): Ħanin u twajjeb il-Mulej

Il-Mulej jagħmel is-sewwa,
u l-ħaqq mal-maħqurin kollha.
Hu għarraf lil Mosè l-ħsieb tiegħu,
l-għemejjel tiegħu lil ulied Iżrael. R/.

Ħanin u twajjeb il-Mulej,
idum ma jagħdab u kollu mogħdrija.
Ma joqgħodx jitlewwem magħna,
u anqas jinkorla għal dejjem. R/.

Ma mexiex magħna skont ma ħaqqhom ħtijietna;
ma ħallasniex skont ma ħaqqha ħżunitna.
Daqskemm huma s-smewwiet ’il fuq mill-art,
hekk hi kbira tjubitu ma’ min jibża’ minnu. R/.

Daqs kemm hu mbiegħed il-Lvant mill-Punent,
hekk hu jbiegħed minna ħtijietna.
Bħalma jħenn il-missier għal uliedu,
hekk iħenn il-Mulej għal min għandu l-biża’ tiegħu. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju
Hallelujah. R/. Hallelujah

Iż-żerriegħa hi l-kelma ta’ Alla,
dak li jiżra’ ż-żerriegħa huwa Kristu:
kull min isibu, għandu l-ħajja ta’ dejjem.

R/. Hallelujah

Evanġelju
Bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja.
Mt 13, 36-43

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew
F’dak iż-żmien, Ġesù ħalla n-nies u mar id-dar. Resqu lejh id-dixxipli tiegħu u qalulu: “Fissirhielna l-parabbola tas-sikrana fl-għalqa”. U weġibhom: “Dak li jiżra’ ż-żerriegħa t-tajba huwa Bin il-bniedem. L-għalqa hija d-dinja; iż-żerriegħa t-tajba huma wlied is-Saltna; is-sikrana huma wlied il-Ħażin, u l-għadu li żeragħha huwa x-Xitan. Il-ħsad ifisser tmiem id-dinja, u l-ħassada l-anġli. Mela bħalma s-sikrana jiġbruha u jaħarquha fin-nar, hekk isir fi tmiem id-dinja. Bin il-bniedem jibgħat l-anġli tiegħu, u huma jiġbru barra mis-Saltna tiegħu kulma jġib it-tfixkil u kull min jagħmel il-ħażen, u jixħtuhom fil-ħuġġieġa tan-nar; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien. Imbagħad il-ġusti jsiru jiddu bħax-xemx fis-Saltna ta’ Missierhom. Min għandu widnejn, ħa jisma’!”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d