Qari tal-Ġimgħa tat-Tmintax-il Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa

Qari I

Ħabb lil missirijietek, għażel lil nisilhom warajhom.

Dewt 4, 32-40

Qari mill-Ktieb tad-Dewteronomju

F’dak iż-żmien, Mosè kellem lill-poplu u qalilhom: “Staqsi liż-żminijiet tal-imgħoddi, iż-żminijiet ta’ qabel, sa minn mindu Alla ħalaq il-bniedem fuq l-art, fittex minn tarf għall-ieħor tassema, u ara kienx hemm ġrajja hekk kbira bħal din, jew qattx instemgħet oħra bħalha. Qatt kien hemm poplu li sama’ leħen Alla jitkellem minn ġon-nar – bħalma smajt int – u baqa’ ħaj? Jew qatt xi alla fittex li jagħżel għalih poplu minn fost poplu ieħor b’tiġrib, b’sinjali, b’għeġubijiet, b’taqbid, b’id qawwija u bi driegħ merfugħ, b’għemejjel kbar tal-biża’, bħalma għamel għalik quddiem għajnejk fl-Eġittu l-Mulej, Alla tiegħek? Lilek uriehom biex tagħraf li l-Mulej hu Alla, u m’hemmx ieħor ħliefu.

Mis-sema semmagħlek leħnu biex jgħallmek, u fl-art uriek in-nar tiegħu kbir, u kliemu semmgħek minn ġon-nar. U għaliex ħabb lil missirijietek, għażel lil nisilhom warajhom; u hu stess ħarġek mill-Eġittu bil-qawwa tiegħu kbira, biex ikeċċi minn quddiemek ġnus ikbar u aqwa minnek, u jmexxik u jagħtik arthom b’wirt, bħalma hi llum.

Mela, kun af illum, u żommha f’moħħok, li l-Mulej hu tassew Alla, kemm fl-għoli tas-sema kemm hawn isfel fuq l-art, u li ma hawnx ieħor għajru. Ħares, għalhekk, l-ordnijiet u l-kmandamenti tiegħu li se nagħtik illum biex ikollok riżq, int u wliedek warajk, ħalli tgħix żmien twil fuq l-art li l-Mulej, Alla tiegħek, se jagħtik għal dejjem”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 76 (77), 12-13.14-15.16.21

R/. (12a): Niftakar f’għemilek, Mulej

Niftakar f’għemilek, Mulej;

naħseb fl-għeġubijiet li għamilt fl-imgħoddi.

Naħseb f’kulma int għamilt;

nixtarr l-għemejjel kbar tiegħek. R/.

Qaddisa triqtek, o Alla!

Liema alla hu kbir bħal Alla tagħna?

Int Alla li tagħmel ħwejjeġ tal-għaġeb,

li turi qawwietek fost il-popli. R/.

Bi driegħek fdejt il-poplu tiegħek,

l-ulied ta’ Ġakobb u ta’ Ġużeppi.

Mexxejt bħal merħla l-poplu tiegħek,

b’id Mosè u Aron. R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Mt 5, 10

Hallelujah. R/. Hallelujah

Henjin dawk li huma ppersegwitati minħabba s-sewwa,

għax tagħhom hija s-Saltna tas-Smewwiet.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?

Mt 16, 24-28

Qari mill-Evanġelju skont San Mattew

F’dak iż-żmien, Ġesù qal lid-dixxipli tiegħu: “Jekk xi ħadd irid jiġi warajja, għandu jiċħad lilu nnifsu, jerfa’ salibu, u jimxi warajja. Għax min irid isalva ħajtu, jitlifha, imma min jitlef ħajtu għall-imħabba tiegħi, isibha.

Għax xi jkun jiswielu l-bniedem jekk jikseb id-dinja kollha u mbagħad jitlef ħajtu? Jew xi prezz se jagħti l-bniedem biex isalva ħajtu?

Għax Bin il-bniedem għandu jiġi fil-glorja ta’ Missieru flimkien mal-anġli tiegħu, u mbagħad irodd lil kull wieħed skont ma wieħed ikun għamel.

Tassew, ngħidilkom, li hawn xi wħud minn dawk li qegħdin hawn, li ma jġarrbux il-mewt qabel ma jaraw lil Bin il-bniedem ġej fis-Saltna tiegħu”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: