Qari tal-Erbgħa tas-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa

Qari I

Jekk is-sultan jidhirlu li hi ħaġa sewwa, nixtieq li jibgħatni f’art missirijieti, ħalli nerġa’ nibniha.

Neħ 2, 1-8

Qari mill-Ktieb ta’ Neħemija

Fix-xahar ta’ Nisan tas-sena għoxrin tas-saltna ta’ Artasersi, is-sultan kellu l-inbid quddiemu, u jien ħadt l-inbid u newwilthulu. Qatt ma kont wiċċi mqarras quddiemu. U hu qalli: “Għaliex int wiċċek imqarras? Marid m’intix: għalhekk dan tiegħek mhuwiex ħlief swied il-qalb”. Imbagħad jien bżajt ħafna; imma weġibt lis-sultan: “Sultan, jalla tgħix għal dejjem! Għax m’għandix inqarras wiċċi meta l-belt fejn hemm l-oqbra ta’ missirijieti hi ħerba waħda u l-bibien tagħha maħruqa bin-nar?”.

Qalli mbagħad is-sultan: “X’inhu li qiegħed titlobni?”. Jien tlabt lil Alla tas-smewwiet, u weġibt lis-sultan: “Jekk is-sultan jidhirlu li hi ħaġa sewwa u jekk il-qaddej tiegħek jogħġob lis-sultan, nixtieq li tibgħatni f’art Ġuda, fil-belt fejn hemm l-oqbra ta’ missirijieti, ħalli nerġa’ nibniha”.

Imbagħad, bis-sultana bilqiegħda maġenbu, is-sultan staqsieni: “Kemm iddum il-mawra tiegħek? Kemm iddum ma terġa’ lura?”. U meta jien tajtu ż-żmien, is-sultan għoġbu jibgħatni.

Jien għalhekk għedt lis-sultan: “Jekk is-sultan jogħġbu, ħa jagħtini ittri għall-gvernaturi tan-naħa l-oħra tal-Ewfrat, biex iħalluni ngħaddi min naħa għall-oħra sa ma nasal f’art Ġuda. Ħa jagħtini wkoll ittra għal Asaf, li jieħu ħsieb il-foresti tas-sultan, biex jagħtini injam għat-travi fid-daħliet tal-fortizza li tħares it-tempju, tas-swar tal-belt, u tad-dar fejn se noqgħod”. U s-sultan tani dan kollu, għax id Alla tiegħi kienet ħanina miegħi.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Irroddu ħajr lil Alla

Salm Responsorjali

Salm 136 (137), 1-2.3.4-5.6

R/. (6a): Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,

jekk ma niftakarx fik Ġerusalemm

F’xatt ix-xmajjar ta’ Babilonja,

hemm qgħadna bilqiegħda

u bkejna, aħna u niftakru f’Sijon.

Mas-siġar tal-luq tagħha,

dendilna ċ-ċetri tagħna. R/.

Għax hemm, dawk li jassruna,

talbuna ngħannulhom xi għanja;

dawk li hemm għakksuna stennew minna għana ta’ ferħ:

“Għannulna mill-għana ta’ Sijon!” R/.

Kif nistgħu ngħannu l-għana tal-Mulej

f’art barranija?

Tibbiesli idi l-leminija,

jekk qatt ninsa lilek, Ġerusalemm! R/.

Jeħilli lsieni mas-saqaf ta’ ħalqi,

jekk ma niftakarx fik,

jekk ma nżommx ’il Ġerusalemm

’il fuq minn kull ferħ tiegħi! R/.

Akklamazzjoni qabel l-Evanġelju

Fil 3, 8-9

Hallelujah. R/. Hallelujah

Minħabba fi Kristu ridt li nitlef kollox, u ngħodd kollox bħala knis,

biex nirbaħ lilu, u nkun ninsab fih.

R/. Hallelujah

Evanġelju

Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk.

Lq 9, 57-62

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, huma u miexja fit-triq kien hemm wieħed li qal lil Ġesù: “Tmur fejn tmur, jiena niġi warajk”. U qallu Ġesù: “Il-volpijiet għandhom l-għerien tagħhom u l-għasafar tal-ajru l-bejtiet, iżda Bin il-bniedem ma għandux fejn imidd rasu”. Lil wieħed ieħor qallu: “Imxi warajja”. Iżda dak wieġbu: “Ħallini l-ewwel immur nidfen lil missieri”. Iżda hu wieġbu: “Ħalli l-mejtin jidfnu l-mejtin tagħhom; iżda int mur u xandar is-Saltna ta’ Alla”. U ieħor ukoll qallu: “Jien niġi, Mulej, warajk, imma l-ewwel ħallini nsellem lil tad-dar”. Qallu Ġesù: “Min iqiegħed idu fuq il-moħriet u jħares lura mhuwiex tajjeb għas-Saltna ta’ Alla”.

Il-Kelma tal-Mulej

R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: