Qari tal-Ġimgħa tas-Sitta u Għoxrin Ġimgħa taż-Żmien ta’ Matul is-Sena

Print Friendly, PDF & Email

Il-Ġimgħa

QARI I
Aħna dnibna quddiem il-Mulej, ma smajniex minnu.

Bar 1, 15-22

Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk

Il-ġustizzja hi min-naħa tal-Mulej, Alla tagħna; iżda min-naħa tagħna, kif aħna llum, aħna għandna l-għajb ma’ wiċċna, ma’ wiċċ kull bniedem ta’ Ġuda, u ma’ wiċċ kull min joqgħod Ġerusalemm, ma’ wiċċ is-slaten u l-prinċpijiet, u ma’ wiċċ il-qassisin u l-profeti tagħna, u ma’ wiċċ missirijietna. Għax aħna dnibna quddiem il-Mulej, ma tajniex widen għall-Mulej Alla tagħna, meta sejħilna biex inġibu ruħna skont il-kmandamenti li tana l-Mulej, ma smajniex minnu. Sa minn meta l-Mulej ħareġ lil missirijietna mill-art tal-Eġittu sal-lum, aħna qomna kontra l-Mulej Alla tagħna, ġibna ruħna bla ħsieb u ma smajniex il-leħen tiegħu.

Għalhekk qabdu magħna l-hemm u s-saħta, li l-Mulej kien ħabbrilna permezz tal-qaddej tiegħu Mosè, meta ħareġ lil missirijietna mill-art tal-Eġittu, biex jagħtina art tnixxi ħalib u għasel; u hekk għadna sal-lum.

Ma smajniex leħen il-Mulej, Alla tagħna, f’kulma qalilna permezz tal-profeti li bagħtilna, iżda kull wieħed minna mexa skont il-qalb ħażina tiegħu billi qdejna allat oħra u għamilna dak li hu ħażin quddiem il-Mulej, Alla tagħna.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla

SALM RESPONSORJALI
Salm 78 (79), 1-2.3-5.8.9

R/. (9b): Eħlisna Mulej, f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek

O Alla, daħlu l-ġnus f’wirtek,
niġġsu t-tempju mqaddes tiegħek,
għamlu ’l Ġerusalemm ħerba waħda.
Taw l-iġsma tal-qaddejja tiegħek b’ikel lit-tjur tal-ajru;
taw laħam ħbiebek lill-bhejjem tal-art. R/.

Xerrdulhom demmhom bħal ilma
madwar Ġerusalemm;
u ma kienx hemm min jidfinhom.
Waqajna għaċ-ċajt mal-ġirien tagħna,
għad-daħk u ż-żebliħ għal ta’ madwarna.
Mulej, għal dejjem se tibqa’ inkurlat magħna?
Se tibqa’ mkebbsa bħan-nar il-ħeġġa tiegħek? R/.

Tiftakrilniex il-ħtijiet tal-imgħoddi;
fittex ejja u lqagħna bi ħnientek,
għax ninsabu mifnija għall-aħħar.
Għinna, o Alla, Salvatur tagħna,
f’ġieħ is-sebħ tal-isem tiegħek;
eħlisna u aħfrilna dnubietna,
minħabba l-isem tiegħek. R/.

AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Salm 94 (95), 8ab

Hallelujah. R/. Hallelujah
Illum la twebbsux qalbkom,
iżda isimgħu leħen il-Mulej.
R/. Hallelujah

EVANĠELJU
Min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni.
Lq 10, 13-16

Qari mill-Evanġelju skont San Luqa

F’dak iż-żmien, Ġesù qal: “Ħażin għalik, Korożajn! Ħażin għalik, Betsajda! Għax kieku l-mirakli li saru fikom saru f’Tir u Sidon, kieku ilhom li nidmu u libsu l-ixkejjer u qagħdu fuq ir-rmied. Imma l-ġudizzju għad ikun eħfef għal Tir u Sidon milli għalikom. U int, Kafarnahum, taħseb li se togħla sas-sema? Sa ġol-qiegħ għad tinxteħet! Min jisma’ lilkom ikun jisma’ lili, u min iwarrab lilkom ikun iwarrab lili; imma min iwarrab lili jkun iwarrab lil dak li bagħatni”.

Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu

%d bloggers like this: