Is-Sibt
QARI I
Dak li bagħat fuqkom dan l-hemm kollu, għad jimliekom b’ferħ dejjiemi.
Bar 4, 5-12.27-29
Qari mill-Ktieb tal-Profeta Baruk
Agħmel il-qalb, poplu tiegħi, int, it-tifkira ta’ Iżrael!
Kontu mibjugħa lill-ġnus,
iżda mhux biex tiġu fix-xejn;
kontu mogħtija f’idejn l-għedewwa,
għax kebbistu l-korla ta’ Alla.
Xgħeltu l-għadab ta’ min sawwarkom,
għax offrejtu s-sagrifiċċju lill-allat, u mhux lil Alla.
Insejtu lil Alla ta’ dejjem, lil dak li għajjixkom.
Imlejtu bl-imrar lil Ġerusalemm, lil dik li rabbietkom.
Għax hi rat il-korla ta’ Alla nieżla fuqkom,
u qalet: “Isimgħu ġirien Sijon:
Alla bagħat niket kbir fuqi.
Għax ġarrabt jasar uliedi, subien u bniet,
il-jasar li fih bagħathom Alla ta’ dejjem.
Jekk it-trobbija tagħhom ferrħitni,
it-tlugħ tagħhom bikkieni u qasamli qalbi.
Ħadd m’għadu jifraħ bija,
armla li baqgħet weħidha;
kelli ħafna u telquni, għax uliedi dinbu,
u daru lura mil-Liġi ta’ Alla”.
Agħmlu l-qalb, uliedi, sejħu lil Alla;
dak li ġarrabkom għad jiftakar fikom.
Bħalma fittixtu titbiegħdu minn Alla
hekk issa duru lejh u fittxuh b’ħerqa għaxar darbiet aqwa.
Għax dak li bagħat fuqkom dan l-hemm kollu,
hekk għad isalvakom, u jimliekom b’ferħ dejjiemi.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Irroddu ħajr lil Alla
SALM RESPONSORJALI
Salm 68 (69), 33-35.36-37
R/. (34a): Il-Mulej jisma’ l-fqajrin
Hekk jaraw l-imsejkna u jifirħu;
u tagħmlu l-qalb, intom li tfittxu lil Alla.
Għax jisma’ l-fqajrin il-Mulej,
ma jistmellx l-imjassrin tiegħu.
Ifaħħruh is-sema u l-art,
l-ibħra u kulma jitħarrek fihom. R/.
Għax Alla jsalva ’l Sijon,
u jibni l-bliet ta’ Ġuda;
u huma jerġgħu lura u jgħammru fiha.
Jirtuha wlied il-qaddejja tiegħu;
dawk li jħobbu lil ismu joqogħdu fiha. R/.
AKKLAMAZZJONI QABEL L-EVANĠELJU
ara Mt 11, 25
Hallelujah. R/. Hallelujah
Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art,
għax inti dawn il-ħwejjeġ tas-Saltna wrejthom liċ-ċkejknin.
R/. Hallelujah
EVANĠELJU
Ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet.
Lq 10, 17-24
Qari mill-Evanġelju skont San Luqa
F’dak iż-żmien, it-tnejn u sebgħin reġgħu lura ferħana jgħidu: “Mulej, ix-xjaten ukoll joqogħdu għalina minħabba f’ismek”. U hu qalilhom: “Iva, jien kont narah lix-Xitan jaqa’ bħal berqa mis-sema. Araw, tajtkom is-setgħa li tirfsu fuq sriep u skorpjuni u li tegħlbu kull qawwa tal-għadu u ebda ħsara ma jagħmlulkom. Madankollu mhux b’dan ifirħu, li l-ispirti joqogħdu għalikom, imma ifirħu għax għandkom isimkom miktub fis-smewwiet”.
F’dak l-istess ħin Ġesù tqanqal bil-ferħ mill-Ispirtu s-Santu u qal: “Infaħħrek, Missier, Sid is-sema u l-art, għax int dawn il-ħwejjeġ ħbejthom lil min għandu l-għerf u d-dehen u wrejthom liċ-ċkejknin. Iva, Missier, għax lilek hekk għoġbok. Kollox kien mogħti lili minn Missieri, u ħadd ma jagħraf min hu l-Iben ħlief il-Missier, anqas min hu l-Missier ħlief l-Iben u dak li lilu l-Iben irid jgħarrafhulu”.
Imbagħad dar lejn id-dixxipli u qal lilhom weħidhom: “Henjin l-għajnejn li jaraw dak li qegħdin taraw intom. Għax kif ngħidilkom jien, ħafna profeti u slaten riedu jaraw dak li qegħdin taraw intom u ma rawhx, u jisimgħu dak li qegħdin tisimgħu intom u ma semgħuhx”.
Il-Kelma tal-Mulej
R/. Tifħir lilek Kristu