Mill-inqas 153 ruħ huma rappurtati mejta u 82 oħra huma feruti wara li sfaw mgħaffġa u mrembla waqt festa fit-triq ta’ Halloween f’Seoul, li l-biċċa kbira tagħhom kienu żgħażagħ li mietu fgati. Nhar il-Ħadd fit-talb tal-Angelus, il-Papa Franġisku dawwar ħsibijietu għat-traġedja fil-kapitali tal-Korea t’Isfel.
“Ejja nitolbu lill-Mulej Rxoxt għal dawk kollha – l-aktar żgħażagħ – li mietu dal-lejl f’Seoul, minħabba l-konsegwenzi traġiċi ta’ rassa mhux mistennija fil-folla”.
Filmat imtella’ fuq il-midja soċjali mit-traġedja tas-Sibt filgħaxija wera n-nies jgħajtu minn ġol-folla. Ftit nies dehru jaħtfu mal-ħitan, jippruvaw jerfgħu lilhom infushom milli jitgħaffġu. Xi wħud waqgħu fl-art u oħrajn minħabba r-rassa mxew fuqhom. Id-diżastru ma kienx evidenti għall-ewwel. Mużika qawwija kompliet tindaqq waqt li l-iġsma bla ħajja kienu fit-triq. Dan ġara fid-distrett ta’ nightclub ta Itaewon f’Seoul. Il-vittmi kienu l-aktar żgħażagħ.
Il-kap tad-dipartiment tal-protezzjoni ċivili lokali qal li l-vittmi kienu qed jattendu attività ta’ Halloween. Mhux ċar għaliex seħħ it-tgħaffiġ, iżda xhieda qalu li kien hemm ftit jew xejn kontroll tal-folla. Diversi nies baqgħu jaslu u jimbuttaw fi toroq li kienu diġa’ mimlija. L-President tal-Korea t’Isfel Yoon Suk Yeol sejħilha “traġedja li qatt ma kellha sseħħ”. Qal li l-Korea t’Isfel se jimmarkaw ġimgħa ta’ luttu.
Fi stqarrija bil-miktub, il-Konferenza tal-Isqfijiet Kattoliċi tal-Korea qalet li l-Korea t’Isfel iridu “jkissru ċ-ċiklu ta’ inġustizzja u l-irresponsabiltà li saret prattika komuni f’din is-soċjetà”. “Biex nagħmlu dan, l-ewwel irridu nkunu fidili għar-rwoli rispettivi tagħna”, qalu l-Isqfijiet. “L-awtoritajiet għandhom jeżaminaw bir-reqqa l-kawża u l-proċess ta’ din it-traġedja, u jiżguraw li l-irresponsabilità u t-telqa ma jiġux ripetuti”. L-Isqfijiet żiedu jgħidu li huwa mportanti li jiġi żgurat li ma jkunx hemm “aktar sagrifiċċji” min-nies, speċjalment iż-żgħażagħ.
“Il-ħajja u d-dinjità tal-bniedem huma l-aktar valuri prezzjużi, u xejn fis-soċjetà tagħna ma jista’ jieħu preċedenza fuqhom.”
In-numru ta’ mwiet huwa l-agħar fil-Korea t’Isfel minn meta kien għereq vapur mgħobbi żżejjed tmien snin ilu. F’dak id-diżastru, kienu mietu 304 ruħ, ħafna minnhom tfal tal-iskola. Li dan wassal għal issikkar tar-regolamenti tat-trasport marittimu.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-10/pope-francis-south-korea-stampede-halloween-party.html