Kabbar l-għarix tiegħek

Print Friendly, PDF & Email

Preżentazzjoni ta’ dokument bi tħejjija għas-Sinodu dwar is-Sinodalità

Nhar il-Ħamis 27 ta’ Ottubru 2022 l-Vatikan ippreżenta dokument għas-Sinodu dwar is-Sodalità li jiġbor dak li ħareġ s’issa mill-fażi ta’ konsultazzjoni li kienet kemm lokali kif ukoll nazzjonali, qabel ma tibda t-tieni fazi tas-Sinodu li se tkun fuq livell kontinentali.

Dan id-dokument ta’ tħejjija, li hu ta’ 45 paġna, għandu bħala tema “Kabbar l-Għarix Tiegħek”, mill-ktieb ta’ Iżaija, ikopri suġġetti li tqajmu minn membri tal-Knisja minn madwar id-dinja u li ġew imressqa minn 112-il Isqof tal-konferenza dinjija li hi magħmula minn 114-il Isqof. Is-suġġetti fid-dokument ivarjaw minn l-ordinazzjoni tan-nisa, it-trattament ta’ Kattoliċi LGBTQ u atti sesswali minn membri tal-kleru u suġġetti oħra. Fis-sintesi tal-proposti ewlenin kien hemm sejħa konsistenti biex jiżdied is-sehem ta-nisa fil-ħajja tal-Knisja u fl-istrutturi istituzzjonali tagħha.”

Is-Segretarju Ġenerali tas-Sinodu, il-Kardinal Mario Grech, sostna li d-dokument ma jressaq l-ebda bidla fit-tagħlim tal-Knisja, imma jfittex li jisma’ l-ilħna tal-knejjes lokali u jgħaddihom lill-Vatikan. Il-Kardinal Grech stqarr li: “M’aħna nimbuttaw għal ebda aġenda. Kienet ir-responsabbiltà tagħna li nippreżentaw u nagħtu lura lill-poplu ta’ Alla dak li ġie afdat lilna. Ix-xogħol tagħna hu li nakkumpajaw lill-Knisja tul dan is-Sinodu tal-Isqfijiet, imbagħad inħallu f’idejhom.”

Il-Kardinal Grech qal li: “Għalija, ix-xewqa li l-poplu kollu ta’ Alla jipparteċipa fil-ħajja tal-Knisja hu ta’ valur. Naturalment, issa, kif se tiġi artikolata, nistenna għall-kontribuzzjoni tas-Sinodu.”

Skont Dr Anna Rowlands, konsulenta tas-Segretarjat Ġenerali tas-Sinodu, “Il-kwestjoni tan-nisa, ir-rwol tan-nisa fis-soċjeta u wkoll ir-rwol tan-nisa fil-Knisja ssemmiet ħafna fir-rapporti. Hija tema komuni u hi waħda minn tal-ewwel fost l-affarijiet li jolqtu lil min jaqra r-rapporti.”

Id-dokument jagħmel riferenza għall-grppi li huma meqjusa bħala fil-marġini tal-Knisja: persuni b’diżabbiltà, persuni divorzjati li reġgħu iżżewġu biċ-ċivil, ġenituri weħidhom, nies fi żwieġ ta’ poligamija u Kattoliċi LGBTQ. 

Fis-sitt xhur li ġejjin, is-Sinodu se jidħol fil-fażi kontinentali, hekk li jġib flimkien il-konferenzi tal-Isqfijiet f’kull kontinent biex jiddiskutu dak li jkunu studjaw fiż-żewġ assemblej tal-Isqfijiet f’Ruma minn issa sal-2024.

_____

Tista’ tara l-konferenza tal-preżentazzjoni tad-dokument fuq: https://youtu.be/6OJPw8QmrZY

Ara wkoll ħsieb dwar it-tema tad-dokument, “Kabbar l-Għarix Tiegħek”. https://laikosblog.org/2021/01/09/kabbar-l-gharix-tieghek/

%d bloggers like this: