L-istedina mqanqla “Kabbar il-post tal-għarix tiegħek” (Iżaija 54, 2) kienet indirizzata lill-poplu ta’ Iżrael li kien sab ruħu fl-iskjavitù. F’qagħda tal-biki, il-poplu ħassu mitluf u mitluq għal rieħu minn Alla. Imma Alla jagħmillu wegħda li dalwaqt mhux se jibqa’ bħal mara li ma jistax ikollha tfal u hi mgħerrqa fin-niket tagħha, imma se jkun bħal mara li n-nisel kotran tagħha hu mfawwar bil-ferħ. Alla jwiegħed lil Iżrael li se jkun poplu kbir, miftuħ għal kulħadd, u wkoll għall-popli tal-qrib.
Qalb miftuħa għall-oħrajn
Illum imiss lill-Knisja Nisranija, li ċkienet fin-numri, speċjalment fl-Ewropa, biex twessa’ l-għarix tagħha. Trid tinfetaħ għal dawk li qed ifittxu lil Alla imma mhux qed jagħrfuh fiha. Jeħtieġ li dawk li qed ifittxu lil Alla u qed jduru lejn il-Knisja ma jħossuhomx imweġġgħa bi spirtu ta’ għeluq, imma għall-kuntrarju jkunu milqugħin mill-membri tal-Knisja b’qalb kbira u miftuħa beraħ. Meta l-Knisja tisma’ u tagħraf ix-xewqa għal Alla li hemm f’kull bniedem, ma tingħalaqx fiha nnifisha imma tmiss kemm tiflaħ il-qlub biex tkun tista’ twasslilhom it-weġiba ġusta li qed jistennew.
Il-profeta Iżaija …
L-istedina għal għarix ikbar u iktar akkoljenti hi indirizzata lil kull membru tal-Knisja u b’mod partikulari lil dawk li ddedikaw ħajjithom għall-ġid spiritwali tal-oħrajn. Id-distanzi, il-kulur, il-klassi, il-lingwa, il-fehmiet personali u differenzi oħra m’għandhomx ikunu fruntiera għall-apostolat. Il-qlub magħluqin fihom infishom għandhom it-tendenza li jżommu l-pożizzjoni tagħhom hekk li jibqgħu fl-għarix komdu tagħhom. Iżaija, minflok, jistedinna nwessgħu l-ispazju interjuri tagħna, jiġifieri li nibqgħu miftuħin għall-persuni li Alla jqiegħed fit-triq tagħna u nagħtuhom post adegwat fil-qalb tagħna. Dan jitlob li nħallu warajna n-nuqqas ta’ fiduċja u nemmnu bis-sħiħ li ħajjitna hija dar li tista’ tospita l-persuni li jeħtiġuha.
Xi drabi, meta aħna naħsbu li ħajjitna laħqet l-istabilità u li qed tiffunzjona tajjeb, tiġri xi ħaġa li minħabba fiha nkunu neħtieġu pjan ġdid kif ngħixu l-ħajja interjuri tagħna, bħalma hu t-twessiegħ tal-ispazju tagħna. F’dawn il-waqtiet nistgħu wkoll niġu konxji li fina teżisti dinja wisq ikbar minn dik li digà nafu.
Kwalitajiet ta’ qalb miftuħa
Skont San Benedittu, it-triq spiritwali tista’ tkun dejqa fil-bidu. Imma, daqskemm weħed jimxi ‘l quddiem fil-ħajja tal-virtà u fil-fidi, il-qalb tinħall, u bi ħlewwa ta’ mħabba li ma titfissirx, wieħed isaħħaħ il-pass fir-relazzjoni tiegħu ma’ Alla. Min qiegħed f’komunità, it-talb u l-ħajja flimkien twessa’ l-qalb tiegħu. Għax Alla ma jgħixx għajr f’qalb kbira, li hi miftuħa għalih u għall-oħrajn. Min qalbu hi dejqa u magħluqa, jiddejjaq meta l-oħrajn ma jġibux ruħhom kif irid hu. Xi mġieba, jew agħar minn hekk nuqqasijiet serji, attidudni li ddarrasna, mod ta’ ħajja kif wieħed jieħu ħsieb il-persuna tiegħu, manjieri xejn edukati jistgħu ibegħduna mill-oħrajn. Min għandu qalb kbira jħares b’serenità lejn l-oħrajn u lejn l-imġibu tagħhom. Jibqa’ miftuħ għal dawk li ma jikkorrispondux ma’ ma dak li jippretendi minnhom.
Imma qalb miftuħa jrid ikollha l-kwalitajiet tagħha. Il-profeta jgħidilna: “Tawwal il-ħbula tiegħek u waħħal tajjeb il-kunjardi” (Iżaija 54,2). Għax qalb kbira teħtieġ fermezza u kjarezza fl-istess ħin. Trid tkun imħawla fi Kristu b’mod li ma titlifx l-identità u l-forma tagħha meta tikber.
Qalb li tbati hi qalb li tagħder
Il-mudell tagħna jrid ikun il-qalb minfuda ta’ Ġesù: “… wieħed mis-suldati nifidlu ġenbu b’lanza, u minnufih ħareġ demm u ilma (Ġw 19, 34). Għall-missirijiet tal-Knisja, it-tnixxija tal-ilma u tad-demm wara d-daqqa tal-lanza jfissru li qalbu nfetħet biex l-imħabba u l-Ispirtu tiegħu jiġu fuqna u jibqa’ fina. Espressjoni antika tgħid: “Cor pater quia patiens”, “Qalb li tbati hi qalb li tagħder”, għax bit-tbatija tiegħu, li laqa’ u aċċetta t-tbatija, li l-qalb ta’ Kristu hi miftuħa għalina. L-istess għalina, il-qalb tagħna tinħall meta aħna nsiru vulnerabbli. Min jiżola ruħu, jirrifjuta t-tbatija u jirrifjuta l-ġrieħi tiegħu, m’għandux ħila jħobb.
B’konsegwenza, l-istedina profetika biex inkabbru l-ispazju tal-għarix tagħna jfisser ukoll li rridu nkunu lesti li nħallu lilna nfusna li niġu milquta bix-xorti tal-oħrajn, meta nafu, li spiss huwa Alla li jwessa’ l-qalb tagħna b’sofferenza li hu jippermettilna. Tkisser l-ilqugħ tal-ħadid li jipproteġi lil qalbna. F’idejna li nħallu lilna nfusna nkunu miftuħin għall-oħrajn.
Mudelli oħra jistgħu jgħinuna. Insemmu biss lill-Fundatur tas-Soċjetà tagħna li ma kienx jagħmel distinzjoni bejn dawk li daħlu fil-ħajja tiegħu. Għalih, is-sinjur li se jħajru jagħti karità u t-tifel li mhux ħabib tal-ilma u s-sapun huma xbieha t’Alla u jixirqilhom rispett. Kien jaqbillu jibqa’ fuq il-mejda meta darba ftit wara nofsinhar, għajjien, kien se jaqbad jiekol meta ħabbat il-bieb. Nifhem li f’qalbu ħaseb: “Min seta’ nqala’ dal-ħin?” u, “X’nagħmel, ninżel?” Kienet mara li xtaqet tkellmu. Niżel u ħalla l-ikel fuq il-mejda. Il-Fundatur baqa’ jgħid: “Mur tiftħilhiex!” Kienet omm min-Naxxar li kien għadu kif mitilha binha, żagħżugħ, u ġiet għand Dun Ġorġ biex isabbarha.
Il-Ħobż li jinqasam għall-kotra
Min-naħa, irridu wkoll inkabbru qalbna biex Alla jkun jista’ jgħammar fiha u biex in-nies li nilqgħu f’qalbna jħossuhom komdi magħna. Min-naħa l-oħra rridu nkunu lesti biex inħallu lilna nfusna nikbru għal Alla. Filwaqt li naqsmu l-ħobż qabel it-Tqarbin, infakkru lilna nfusna li qalbna, bħall-Ostja rqiqa, trid tinfetaħ biex tilqa’ fiha lil Kristu. Aħna naqsmu l-ġisem ta’ Kristu, miġrugħ għalina fuq is-Salib, biex ninfetħu għal min tassew aħna, li ninfetħu għall-imħabba infinita ta’ Alla, li ma jgħammarx għajr f’qalb miftuħa beraħ.
Joe Galea