Ridt noqtol lill-mara tiegħi, imma …

Print Friendly, PDF & Email

Mort nara ‘l-ħabib tiegħi Rafel,  u kif dħalt ħdejh mall-ewwel induna li kien ġrali xi ħaġa.  “Xi ġralek, Lipp?  Għandek wiċċek skarnat?”  “Ħallini trid? Wasalt f’punt fejn ma niflaħhiex aktar lill-mara.  Kull ma ngħid, tmerini.  Ħlief tgerger ma tagħmilx.  Ma joġogħbha xejn.  L-anqas jekk tagħmillha l-ilma jiżfen.  U issa bdiet moda oħra.  L-ikel jew nej, jew maħruq, jew mielaħ tosku,  jew ħelu manna.  Noqtolha għandi aptit.  Imma….”

“Imma x’hiex?” saqsieni Rafel.  “Tajba din!  Imma… imma nibża’ li ninqabad.  Ma rridx immur għal għomri l-ħabs.”   Rafel waqaf minn dak li kien qed jagħmel u beda jaħseb, fil-waqt li beda jmelles il-leħja ta’ jumejn li kellu.  “Oqgħod.  Naħseb nista’ ngħinek.  Stennieni ftit hawn, Lipp, ħa nidħol sa ġewwa.”  Telaq u wara ftit minuti reġa’ ġie.   “Hawn ħa!” qalli, fil-waqt li newwilli flixkun żgħir tal-ħġieġ mimli b’xi trab abjad.  “Dan velenu.  Ibda għamlilha ftit kuljum fl-ikel, u tara kif erba’ xhur oħra teħles minnha.”  “Imma kif se nagħmel biex ma ninqabadx?”   “Eh,  minn issa ‘l quddiem, trid turi kemm tħobbha u tirrispettaha.  Tgħid x’tgħid u tagħmel x’tagħmel, int ħu naqra paċenzja u igdem ilsienek, u ħlief kumplimenti u tifħir m’għandux joħroġ minn fommok.  U tinshiex, meta tmur lura d-dar wara x-xogħol, ixtrilha xi bukkett fjuri jew xi kaxxa ċikkulatini.   Dawn l-affarijiet żgur li se jsiru jafu bihom il-ġirien u l-qraba kollha.  B’hekk, meta hi tmut, int l-aħħar wieħed li se tkun issuspettat.  Meta l-pulizija jibdew isaqsu l-ġirien fuqek, żgur se jgħidu kemm kont tħobbha – kuljum bil-kumplimenti sbieħ, bil-fjuri u ċ-ċikkulata.”

“Prosit ħej.  Veru ħabib tal-qalb int, Rafel.”

Għaddew tliet xhur, u erġajt mort s’għand Rafel.  Kif rani qalli kemm kont nidher ħosbien. “Kif inti sejjer bit-trab li tajtek?”   “Ħallini, trid, Rafel.  Ninsab inkwetat ħafna.  Għax għandek tkun taf li mindu bdejt nagħmlilha l-kumplimenti, infaħħarha u nixtrilha l-fjuri u ċ-ċikkulata, il-mara tiegħi inbidlet.  Waqfet tgerger u ħafna drabi taqbel miegħi fuq xi argument.  Anki t-tisjir irranġa, għax qed issajjarli kull ikla dehen tal-aqwa chef.   Erġajna skoprejna kemm konna ninħabbu fl-għerusija, u ddeċidejna li nerġgħu mmorru nżuru dawk il-postijiet li tant kienu jogħġbuna dak iż-żmien.  Issa li erġajt sirt inħobb il-mara tiegħi, ma rridiex tmut.  Issa x’se nagħmel, Rafel, għax sa ġimgħatejn ilu kont għadni qed intiha l-velenu?”

“Tikkonfondi xejn, Lipp.  Dak it-trab li tajtek mhu xejn ħlief trab tal-ħalib.  Il-velenu mhux hemm kien qiegħed imma f’qalbek.  Hekk kif int żvojtjajt qalbek mill-velenu, din reġgħet imtliet bl-imħabba.  Nawguralek!”

Min jgħaddi ħafna mħabba lill-oħrajn, din l-imħabba terġa’ tirritorna għandu u jkun maħbub ħafna              (Qawl Ċiniż)

Minn Edward Tagliaferro

%d bloggers like this: