Il-Papa Franġisku jitlob għall-vittmi tat-terremot f’Java, u għall-paċi fid-dinja

Print Friendly, PDF & Email

Fi tmiem l-Udjenza Ġenerali tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku dawwar il-ħsibijiet u t-talb tiegħu lin-nies madwar id-dinja.

L-ewwel esprima l-qrubija tiegħu man-nies tal-gżira Indoneżjana ta’ Java milquta din il-ġimgħa minn terremot qawwi li kkawża ‘l fuq minn mitt ruħ mejta u ħafna aktar midruba. Huwa stmat li 13-il elf ġew avakwati minħabba l-qerda hekk kif il-ħaddiema tas-salvataġġ qed ikomplu bl-isforzi tagħhom ta’ emerġenza. L-Papa qal: “Nesprimi l-qrubija tiegħi lejn dik il-popolazzjoni għażiża u nitlob għall-mejtin u dawk midruba”.

Il-Papa tkellem ukoll dwar it-Tazza tad-Dinja li qed issir fil-Qatar, u bagħat l-awguri tiegħu lill-plejers, lill-partitarji, u lill-ispettaturi minn madwar id-dinja li qed isegwu l-kampjonat dinji tal-futbol. “Jalla din il-ġrajja importanti tkun okkażjoni ta’ laqgħa u ta’ armonija fost il-ġnus, li titrawwem il-fraternità u l-paċi fosti il-popli”.

Il-Papa talab lil kulħadd biex jitolbu għall-paċi madwar id-dinja u t-tmiem tal-kunflitti kollha. Semma b’mod partikolari “t-tbatija terribbli tal-poplu għażiż u l-martri Ukreni”. Imbagħad fakkar fl-anniversarju tas-Sibt li għadda mill-ġenoċidju terribbli tal-Holodomor, l-isterminazzjoni bil-ġuħ fl-1932-1933 ikkawżat artifiċjalment minn Stalin. “Ejja nitolbu għall-vittmi ta’ dan il-ġenoċidju u nitolbu għall-Ukreni kollha, t-tfal, in-nisa u l-anzjani, t-trabi, li llum qed isofru l-martirju tal-aggressjoni”.

Fuq nota ferrieħija, l-Papa fakkar fil-Beatifikazzjoni tal-Ħadd li għadda f’Kalongo, l-Uganda, ta’ Patri Giuseppe Ambrosoli, missjunarju Comboni, saċerdot u tabib, oriġinarjament mid-Djoċesi ta’ Como, l-Italja. L-Beatu Fr. Ambrosoli miet fl-Uganda fl-1987 u ddedika ħajtu għall-morda li fihom ra l-wiċċ ta’ Kristu, l-Papa żied li “jalla x-xhieda straordinarja tiegħu tgħin lil kull wieħed minna biex inkunu denji ta’ Knisja miexja…. u nagħtu ċapċipa għall-Beatu l-ġdid!”

U fl-aħħar, il-Papa semma wkoll il-Jum Dinji tas-Sajd, li kien nhar it-Tnejn 21 ta’ Novembru, u li dan il-jum għandu l-għan li jrawwem is-sostenibbiltà tas-sajd u l-akkwakultura “permezz tar-rispett għad-drittijiet tan-nies li jistadu, li permezz tal-ħidma tagħhom jikkontribwixxu għas-sigurtà tal-ikel, in-nutrizzjoni u t-tnaqqis tal-faqar fid-dinja”.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2022-11/pope-prays-for-java-earthquake-victims-peace-in-world.html

%d bloggers like this: