Liema preparazzjoni għaż-Żwieġ Sagrament fi żmienna?

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 11 ta’ Jannar 2023: Diskors tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma fil-Ftuħ tas-Sena Ġudizzjali tat-Tribunali Ekkleżjastiċi. Kurja tal-Arċisqof, Floriana.

Diskors tal-Isqof ta’ Għawdex Anton Teuma

Eċċellenzi ħuti fl-Episkopat,
Vigarji Ġudizzjali taż-żewġ Djoċesijiet,
Imħallfin,
Membri oħra tat-Tribunali,
Persuni distinti,

L-espożizzjoni tal-lejla ser tkun maqsuma fi tliet partijiet: l-esperjenza tat-tħejjija għaż-żwieġ f’dawn l-aħħar 10 snin f’Għawdex; is-sitwazzjoni soċjali, kulturali u reliġjuża taż-żgħażagħ tagħna; u l-proposta tat-tħejjija għaż-żwieġ għas-snin li ġejjin.

1. L-esperjenza tat-tħejjija għaż-żwieġ f’dawn l-aħħar 10 snin f’Għawdex

Nixtieq nibda r-riflessjoni tiegħi b’esperjenza li issa ilha sejra għal madwar 12-il sena fid-Djoċesi ta’ Għawdex. L-Isqof ta’ qabli, illum il-Kardinal Mario Grech, kien talabni biex inkun responsabbli mill-Pastorali tal-Familja. Dak iż-żmien kienet qed issir il-propaganda biex jidħol id-divorzju f’pajjiżna. It-tħejjija li kienet issir kienet dik proposta mill-Moviment ta’ Kana u serje ta’ laqgħat li kienu jsiru fil-parroċċi. Dawn il-laqgħat tal-parroċċi kienu mħollija fid-diskrezzjoni tal-kappillani.

Kont sejjaħt cross-section ta’ koppji, minn namrati għal għarajjes, għal miżżewġin friski, għal miżżewġin bit-tfal żgħar, sa miżżewġin nanniet, u għamilna diversi laqgħat ta’ brainstorming dwar kif jixtiequ li tkun it-tħejjija għaż-żwieġ tal-ġenerazzjonijiet li ġejjin. Minn hemm ħarġu diversi temi, metodoloġiji u suġġerimenti konkreti.

Ma’ grupp ieħor ta’ esperti, fosthom tabib, avukat, koppji miżżewġa, saċerdoti responsabbli mill-kors ta’ Kana, psikjatra, żewġ saċerdoti psikologi, u żewġ kappillani (wieħed minnhom kien Mons. Joseph Zammit), studjajna l-materjal miġbur, qallibna fid-dokumenti tal-Knisja, u fformulajna itinerarju ta’ temi u esperjenzi skont kif dehrilna li kien l-aħjar għas-sitwazzjoni soċjali, kulturali u reliġjuża tal-għarajjes dak iż-żmien. Erġajt iltqajt mal-grupp tal-koppji li kien għamel il-brainstorming u ħarġet proposta konkreta.

Kien ġie propost itinerarju bl-isem ta’ Mixja ta’ tħejjija għaż-żwieġ u għall-ħajja tal-familja. Biex setgħet tkun mixja, ipproponejna li tkun laqgħa kull ħmistax fuq perjodu ta’ sentejn, bl-iskop li l-għarajjes jidħlu fil-mentalità ta’ itinerarju ta’ formazzjoni fil-fidi u fil-vokazzjoni tagħhom ta’ miżżewġin. Fil-fatt, wara ż-żwieġ jiġu mistiedna jkomplu f’mixja ta’ darba fix-xahar.

Matul l-ewwel sena kienu jiġu ttrattati temi marbuta mal-fidi, bl-iskop ta’ re-inseriment fil-ħajja tal-Knisja; fit-tieni sena kienu jiġu proposti temi marbuta aktar mal-ħajja miżżewġa u mal-familja Nisranija. Fl-aħħar laqgħat tat-tieni sena jiġu ttrattati temi marbuta mal-ispiritwalità tal-familja u fil-familja.

Kien hemm id-diffikultà ta’ min kien ser janima l-laqgħat. Sa mis-sena 2004, kull sajf kienu jiġu organizzati tliet korsijiet f’dik li konna sejjaħnielha “Skola ta’ formazzjoni għall-familja”, u sas-sena 2009 kienu madwar 80 koppja dawk li għamluh. Sejjaħt lil dawn il-koppji li fil-parti l-kbira tagħhom aċċettaw li jgħinu fl-esperjenza.

Kien beda proġett pilota fi tliet realtajiet: parroċċa kbira – in-Nadur, parroċċa medja – Għajnsielem, u żewġ parroċċi żgħar flimkien – l-Għarb u San Lawrenz. U wara sena, l-esperjenza ntgħoġbot tant li l-parroċċi l-oħra ma stennewx li tgħaddi t-tieni sena, iżda kollha kemm huma aċċettaw il-proġett.

Fil-qalba ta’ din il-proposta pastorali nħoss li hemm il-formazzjoni kontinwa ta’ dawk li jmexxu l-laqgħat, li aħna nsejħulhom animaturi. Dawn il-laqgħat jiġu mħejjija flimkien kull ħmistax-il ġurnata ftit jiem qabel ma ssir il-laqgħa fil-parroċċi. Issir skeda bil-kontenut u bil-metodoloġija li tkun disponibbli għal kulħadd u ssir it-tħejjija flimkien b’tali mod li ssir formazzjoni l-ewwel u qabel kollox lil madwar 80 koppja animaturi fil-parroċċi. Għal-laqgħat jattendu wkoll is-saċerdoti jew kappillani li jsegwu l-gruppi.

Matul dawn it-13-il sena l-proposta formattiva ġiet riveduta. Kienet saret reviżjoni tal-proposta sitt snin ilu, u issa qed terġa’ ssir reviżjoni oħra fid-dawl tal-proposta tad-Dikasteru tal-Lajċi, Familja u Ħajja: Itinerari catecumenali per la vita matrimoniale. Kull reviżjoni ssir fuq evalwazzjoni tad-diversi komponenti li jagħmlu parti mill-proposta, għarajjes, ġenituri tal-għarajjes, kappillani u animaturi. U tipprova tieħu f’kunsiderazzjoni minn naħa s-sitwazzjoni reali tal-għarajjes tal-lum u min-naħa l-oħra l-proposta tal-kontenuti u l-esperjenza Nisranija tal-komunità tal-fidi.

Din il-proposta tidher impenjattiva. U ħafna kappillani ta’ din l-Arċidjoċesi żgur li ltaqgħu ma’ koppji, hu Malti u hi Għawdxija, li jitolbu li jagħmlu t-tħejjija għaż-żwieġ f’Malta biex jevitaw li jagħmlu kors ta’ sentejn. Imma fil-parti l-kbira tagħhom, nazzarda ngħid madwar 90% ta’ dawk li jiżżewġu Għawdex, jidħlu fil-Mixja tat-tħejjija għaż-Żwieġ u għall-ħajja tal-familja proposta f’kull parroċċa mid-Djoċesi ta’ Għawdex. Wara l-ewwel reżistenza, l-għarajjes normalment jieħdu sehem fil-laqgħat b’mod regolari. Aħna nitolbu żewġ terzi ta’ attendenza tal-laqgħat biex ikun jista’ joħroġ ċertifikat.

Mhux lakemm tkejjel l-effikaċja ta’ din il-proposta. Nafu li l-maturazzjoni tal-imħabba tal-miżżewġin ma tiddependix biss fuq il-preparazzjoni. Mit-Tribunal qaluli li din is-sena, minn 16-il petizzjoni għall-annullament, kien hemm 6 li kienu ilhom flimkien inqas minn 10 snin. Żgur li jekk ma ssirx xi tip ta’ preparazzjoni jkunu aktar iż-żwiġijiet li jfellqu. Fenomenu ieħor li mhux ta’ min jittraskurah huwa n-numru ta’ koppji li jħallu lil xulxin matul il-mixja tat-tħejjija. Uħud minnhom jirreferu direttament għal dak li jkun qed jiġi ttrattat fil-Mixja ta’ tħejjija bħala r-raġuni li minħabba fiha ddeċidew li jieqfu.

2. Is-sitwazzjoni soċjali, kulturali u reliġjuża taż-żgħażagħ tagħna

“Todays youth have been cast in a condition of liminal drift, with no way of knowing whether it is transitory or permanent – Zygmunt Bauman.

Iż-żgħażagħ tagħna jinsabu f’sitwazzjoni ta’ inċertezza kbira. Jgħixu f’familja prekarja, f’soċjetà prekarja, f’dinja prekarja. U dan fuq diversi livelli: relazzjonali, ekonomiku, karriera, futur…

Is-sens kbir ta’ inċertezza joħloq reazzjoni egoistika u ta’ difiża. Meta xi ħadd iħossu mhedded, hija normali li jiffoka fuqu nnifsu u jaħseb l-ewwel, jekk mhux biss, fih innifsu. Iż-żgħażagħ tagħna jaħsbu l-ewwel fihom infushom. Eżempju ċar huwa kif ipoġġu l-karriera, ix-xogħol, il-kont il-bank, qabel ir-relazzjoni… “għax ma tafx fiex tiġi!”.

Dan iwassal għal diffikultà fejn jidħol is-sens veru ta’ għotja, impenn fit-tul, hekk li jidħlu għaż-żwieġ, anki għaż-żwieġ sagrament, diġà b’ħafna riservi.

F’dan il-kuntest ta’ inċertezza l-aktar ħaġa importanti ssir il-mument li qed ngħix issa. Għalhekk sens kbir ta’ opportuniżmu, jekk jista’ jkun mingħajr regolamentazzjoni. B’dan il-mod jiftiehem l-użu tal-kannabis, anki jekk nafu li tagħmel il-ħsara; l-aċċettazzjoni tal-abort, anki jekk nafu li hu qtil; is-safar kontinwu u d-divertiment. Aktarx li ħafna żgħażagħ Maltin jixtiequ jitilqu minn Malta sempliċement biex jaħarbu din is-sitwazzjoni ta’ inċertezza.

F’wieħed mill-aħħar stħarriġ li saru mill-EY Malta, irriżulta li 49% taż-żgħażagħ bejn is-16 u l-24 sena, u 46% taż-żgħażagħ bejn il-25 u d-39 sena, jemmnu f’Alla. Terz miż-żewġ kategoriji jgħidu li ma jemmnu fl-ebda essri suprem, waqt li 19% tal-ewwel u 16% tat-tieni jgħidu li ma jafux. 28% biss miż-żgħażagħ ta’ bejn is-16 u l-24 sena jgħidu li jappartienu għal xi tip ta’ reliġjon, waqt li miż-żgħażagħ ta’ bejn il-25 u d-39 sena l-persentaġġ jinżel għal 21%. Dawk li ma jħossu ebda sens ta’ appartenenza huma 60% u 70% rispettivament.

L-inċertezza u l-isfiduċja jimxu id f’id. Kif jgħid Bauman, l-inċertezza tant hi strutturali li għalkemm fl-għażliet tagħhom iż-żgħażagħ ifittxu ċ-ċertezzi, imma jiġri bħallikieku diġà konvinti li mhux ser isibu ċertezzi. L-unika ċertezza hi l-inċertezza!

It-Times of Malta tirrapporta l-kummenti ta’ Fr Paul Galea dwar dan l-istħarriġ. Fost l-oħrajn, Fr Paul jinnota li l-interessi prinċipali taż-żgħażagħ ta’ żmienna huma ’l bogħod mill-fidi jew mill-Knisja. Iż-żgħażagħ jinteressahom ħafna mill-aspett ekonomiku u mill-ambjent fejn ngħixu. Fr Paul jinnota li mill-2003 ’l hawn kien hemm żieda ta’ 30% fil-mentalità ateista taż-żgħażagħ ta’ pajjiżna.

Minn dan kollu joħroġ aktar il-bżonn ta’ relazzjonijiet stabbli, il-bżonn tal-familja. Tant li ħafna miż-żgħażagħ tagħna llum jersqu għaż-żwieġ sagrament anki jekk mhumiex kredenti jew prattikanti, sempliċement għax hemm l-idea li ż-żwieġ sagrament jorbot aktar, hu aktar stabbli. Fl-istess waqt din hija għalina, operaturi pastorali, sejħa sottili biex inkunu hemm u ngħinuhom, mhux biss qabel imma wkoll matul it-triq tal-ħajja miżżewġa.

3. Il-proposta ta’ tħejjija għaż-żwieġ għas-snin li ġejjin

Id-Dikasteru għal-Lajċi, Familja u Ħajja ppubblika proposta pastorali f’Ġunju li għadda, kif kien wiegħed il-Papa Franġisku fl-Amoris lætitia. Din il-proposta tinkludi tliet perjodi partikolari: it-tħejjija remota għaż-żwieġ, it-tħejjija għaċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament, u l-ewwel snin ta’ wara s-sagrament taż-żwieġ. Dawn it-tliet perjodi ta’ preparazzjoni kienu ġa ssemmew fil-Familiaris consortio ta’ Ġwanni Pawlu II, u mbagħad kienet diġà saret proposta mill-Kunsill Pontifiċju għall-Familja fit-13 ta’ Mejju 1996.

Hija kkaratterizzata minn tliet kelmiet: trasversalità, sinodalità, u kontinwità.

3.1. Skop:

It-tħejjija għas-sagrament taż-żwieġ trid isservi mhux biss biex il-koppja tkun taf xi jfisser żwieġ Nisrani u tagħraf id-dinamiċi umani li jintlagħbu fir-relazzjoni interpersonali, imma fuq kollox biex il-koppja terġa’ tiskopri s-sbuħija tal-fidi fil-persuna ta’ Ġesù u tapprofondixxi l-ħajja tagħha fil-Knisja. Hekk it-tħejjija għaż-żwieġ sagrament issir inseriment aktar profond fil-ħajja tal-fidi f’Ġesù bħala miżżewġin Insara, parti mill-Knisja.

3.2. Destinatarji:

L-għarajjes, possibbilment qabel ma jiddeċiedu d-data tat-tieġ tagħhom. Jekk in-numru tal-għarajjes ikun kbir, dan jinqasam fi gruppi żgħar. Kull grupp ikun magħmul minn madwar 10 sa 12-il koppja, b’tali mod li tkun tista’ tinħoloq esperjenza ta’ komunità bejniethom, u bejnhom u min qiegħed imexxihom. Ukoll, b’dan il-mod ikun possibbli li l-koppji preżenti jipparteċipaw b’mod attiv.

3.3. Aġenti:

Il-kappillan, jew is-saċerdot responsabbli mill-pastorali għall-għarajjes fil-parroċċa, flimkien ma’ almenu żewġ koppji lajċi ppreparati, għal kull grupp ta’ għarajjes li jkun hemm fil-parroċċa. Il-koppji kordinaturi jibqgħu miexja mal-grupp għal sentejn. Wara s-sentejn il-grupp jgħaddi għall-aħħar parti ta’ dan il-katekumenat, billi jgħaddi għal snin ta’ formazzjoni għall-ħajja tal-familja. Il-formazzjoni tkun waħda kontinwa. Il-laqgħat u l-mumenti kollha tal-Mixja jiġu ppreparati mid-Djoċesi darba fix-xahar flimkien mal-animaturi u s-saċerdoti.

3.4. Metodu:

Issir mixja unika, u din fi ħdan il-parroċċa. Il-metodu hu wieħed katekumenali, fi kliem ieħor il-metodu tal-inseriment gradwali tal-koppja fil-ħajja tal-fidi fil-kuntest tal-parroċċa. L-iżvolġiment tal-laqgħa jkun wieħed parteċipattiv. Il-grupp ikun il-protagonista. Dan ma jfissirx li ma jkunx hemm mument parenetiku ċar u direttiv minn min ikun imexxi. Ikun hemm mumenti ta’ talb, riflessjoni, diskussjoni, ċelebrazzjoni, irtiri. Billi hija mixja gradwali u inseriment fil-ħajja Nisranija, ikun tajjeb jekk il-grupp jibda kull sena. Fejn hemm diffikultà, il-Mixja tista’ tinħadem bejn żewġ parroċċi: f’sena tibda l-mixja f’Parroċċa A u f’sena tibda l-mixja f’Parroċċa B, u l-għarajjes il-ġodda dejjem jibdew mill-ewwel sena (ta’ B jibdew l-ewwel sena f’A, u ta’ A jibdew l-ewwel sena f’B).

3.5. Żmien:

Il-laqgħa tkun mhux inqas minn darba kull ħmistax, b’tali mod li jinħoloq l-ispirtu tal-grupp qalb il-koppji. Il-laqgħat jibdew fix-xahar ta’ Settembru u jintemmu qabel l-Għid, għal madwar sentejn. Preferibbilment il-laqgħat isiru jew il-Ġimgħa, jew is-Sibt, jew il-Ħadd, b’tali mod li dawk li jaħdmu jew jistudjaw Malta jkunu jistgħu jattendu. Kull laqgħa ma ddumx iżjed minn siegħa.

3.6. Kriterji:

Din il-proposta trid tħares erba’ kriterji importanti:

  1. Ittul fiż-żmien, almenu madwar sentejn, iż-żmien neċessarju biex il-koppja jkollha ċans tirrifletti u timmatura.
  2. Għalkemm titlaq mill-esperjenza konkreta tal-imħabba umana, tpoġġi fiċ-ċentru tat-tħejjija għaż-żwieġ il-fidi u l-laqgħa ma’ Kristu.
  3. Tkun tikkonsisti fi stadji mmarkati b’riti li jiġu ċċelebrati fil-komunità.
  4. Tkun tinkludi dawn l-elementi kollha: formazzjoni, riflessjoni, konfront, djalogu, liturġija, esperjenza komunitarja, esperjenza tat-talb, u ċelebrazzjoni (festa).

Jeħtieġ li jkun hemm riskoperta tas-sagramenti tal-Magħmudija, il-Konfirmazzjoni, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Ewkaristija.

Din il-proposta tinkludi wkoll re-introduzzjoni għall-Ewkaristija tal-Ħadd, flimkien ma’ re-inseriment fil-komunità Nisranija. Għalhekk għandu jkun hemm mumenti ta’ ċelebrazzjoni liturġika kif ukoll jiem ta’ rtir u ta’ dixxerniment.

Ir-riti u simboli li jistgħu jimmarkaw id-diversi stadji tal-mixja jistgħu jkunu dawn li ġejjin: l-għoti tal-Iskrittura lill-koppji, il-preżentazzjoni fil-komunità, it-tberik taċ-ċrieket tal-għerusija, l-għoti tal-kurċifiss, l-għoti ta’ talba għall-koppji.

3.7. Il-Mixja:

1. Żmien prekatekumenali – tħejjija remota:

a. Katekiżmu tat-tfal.

b. Pastorali taż-żgħażagħ.

2. Żmien intermedju – żmien tal-akkoljenza ta’ dawk li ser jibdew il-mixja. Fl-aħħar ta’ dan iż-żmien isir ir-rit tal-akkoljenza tal-għarajjes fil-katekumenat.

3. Żmien tal-katekumenat:

a. Tħejjija prossima li ddum madwar sena. Din tispiċċa bir-rit tal-għerusija.

b. Tħejjija immedjata li ddum madwar sena. Dan l-istadju jibda bi rtir li jimmarka d-dħul fil-preparazzjoni immedjata għas-sagrament u għaż-żwieġ. Jispiċċa bi rtir ieħor bi preparazzjoni għas-sagrament.

ċ. L-ewwel sentejn tal-ħajja miżżewġa.

Din il-proposta tillimita ruħha għan-numri 2 u 3a+b. Il-fażi prekatekumenali trid tiġi integrata fil-pastorali tal-katekeżi tat-tfal u fil-pastorali taż-żgħażagħ. Waqt li 3ċ trid tiġi integrata fil-pastorali tal-miżżewġin.

3.8. Deskrizzjoni tad-diversi stadji

1. Żmien intermedju

Żmien tal-akkoljenza ta’ dawk li ser jibdew il-mixja (minn Ottubru sal-Milied): Dan iż-żmien jieħu bejn wieħed u ieħor mill-bidu ta’ Ottubru sal-Milied, l-ewwel laqgħat tal-Mixja, li fihom issir akkoljenza lill-għarajjes. Din l-akkoljenza tinkludi stedina għat-tiġdid tal-esperjenza tal-fidi u tal-Mixja lejn is-sagrament taż-żwieġ.

Mal-bidu tal-Avvent jistgħu jiġu mistiedna jipparteċipaw fil-quddiesa tal-Ħadd. L-għarajjes jiġu mogħtija żmien neċessarju biex jiddeċiedu jekk jixtiqux jieħdu bis-serjetà l-Mixja Katekumenali.

2. Żmien tal-katekumenat

Iż-żmien tal-katekumenat huwa maqsum fi tnejn: żmien ta’ tħejjija prossima u żmien ta’ tħejjija immedjata.

a. Tħejjija prossima (minn Jannar sal-Milied)

Dan iż-żmien ta’ tħejjija prossima jista’ jibda bl-istedina biex jieħdu sehem fl-Ewkaristija tal-Ħadd tal-Familja Mqaddsa u jiġu ppreżentati lill-komunità parrokkjali. Tista’ ssir ukoll il-konsenja tal-Iskrittura Mqaddsa lill-koppja. Din tista’ ssir fiċ-ċelebrazzjoni tat-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena – Ħadd il-Kelma ta’ Alla – fil-komunità parrokkjali.

Din il-fażi tintemm mal-Milied tas-sena pastorali ta’ wara. F’dan iż-żmien issir katekeżi vera u proprja ta’ inizjazzjoni għall-ħajja Nisranija. Jerġgħu jiġu riproposti s-sagramenti tal-Magħmudija, l-Ewkaristija, ir-Rikonċiljazzjoni u l-Konfirmazzjoni. It-testi bibliċi bażiċi jkunu l-ktieb tal-Ġenesi, il-kotba tal-Profeti, l-Għanja tal-għanjiet.

Jiġu introdotti għall-ħajja tat-talb individwali, komunitarju u talb tal-koppja, b’tali mod li jakkwistaw id-drawwa tat-talb. Jiġu megħjuna jidħlu fil-ħajja tal-komunità parrokkjali, speċjalment l-Ewkaristija tal-Ħadd, il-Qrar u t-talb fid-dar.

Importanti li f’din il-fażi jiġu affrontati temi marbuta mal-ħajja tal-koppja u mad-dinamiċi interpersonali: id-differenzi bejn il-ġuvni u t-tfajla; l-irwoli fil-familja; kif nibnu relazzjoni tajba; il-poter fil-koppja; il-psikoloġija tal-imħabba; il-komunikazzjoni; kif naffrontaw il-kunflitti; nippurifikaw il-motivazzjonijiet tal-imħabba tagħna; id-dinamika tas-sesswalità; sinjali ta’ inkompatibbiltà fil-koppja; ir-relazzjoni mal-ġenituri u mal-familji tal-oriġni; l-istaġuni tal-ħajja tal-familja; relazzjoni pożittiva mat-tfal; il-maternità u l-paternità responsabbli u ġenerużi.

Għandhom jiġu affrontati wkoll it-temi marbuta direttament mas-sagrament taż-żwieġ, bħalma huma: il-ġid tal-imħabba vera ta’ bejn il-miżżewġin; din l-imħabba matrimonjali hija Ġesù Kristu nnifsu; l-imħabba u s-sesswalità fil-ħsieb ta’ Alla; it-tema taħraq tal-kastità; iż-żwieġ bħala sejħa ta’ Alla, imħabba għal dejjem ma’ persuna waħda; iż-żwieġ bħala sejħa ta’ Alla, imħabba li tagħti l-frott fl-ulied; l-imħabba u l-maħfra.

Din il-fażi tista’ tintemm b’mument ta’ rtir u bir-rit tal-għerusija. Ir-rit tal-għerusija jieħu t-tifsira ta’ deċiżjoni tal-koppja li tgħix iż-żwieġ nisrani.

b. Tħejjija immedjata (minn Jannar sal-Għid)

Din il-fażi tista’ tibda b’ġurnata rtir flimkien u bl-għotja ta’ xi ħaġa simbolika bħal talba tal-koppja jew iż-żewġ xemgħat simbolu tal-fidi.

Issir enfasi fuq it-temi tal-libertà, u l-għarfien taż-żwieġ sagrament; xi jfisser li huma l-ministri tas-sagrament; jiġu megħjuna jifhmu s-sbuħija tal-indissolubbiltà, l-unità, il-fedeltà u l-fekondità taż-żwieġ.

Jiġu proposti esperjenzi spiritwali maħsuba għalihom, bħalma hi l-Lectio Divina, ċelebrazzjoni tas-sagramenti, mumenti ta’ talb, biex il-laqgħa mal-Mulej Ġesù tibqa’ l-aktar ħaġa importanti fil-ħajja taż-żwieġ.

Ir-rit taż-żwieġ fih innifsu jista’ jservi ta’ mixja pedagoġika f’dan is-sens. Ir-rit jinkludi fih aspetti antropoloġiċi, bibliċi, ekkleżjali u spiritwali li jistgħu jservu ta’ don u missjoni għall-koppja li ser tiżżewweġ.

Flimkien mal-għarajjes tista’ ssir it-tħejjija tal-qari u tat-talbiet tal-fidili, u taċ-ċelebrazzjoni b’mod ġenerali. Ma għandux jitħalla barra l-aspett ta’ dilka oħra tal-Ispirtu Santu li jagħti grazzja oħra lill-għarajjes biex ikunu jistgħu jgħixu l-identità u d-dinjità l-ġdida bil-missjoni li jġibu magħhom fis-sagrament taż-żwieġ.

Jixraq li ftit ġimgħat qabel iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament, l-għarajjes Insara jagħmlu rtir ieħor, anki jekk ikunu mħabbtin bit-tħejjijiet tal-aħħar. U proprju fl-aħħar jiem issir velja ta’ talb li fiha jista’ jiġi ċċelebrat is-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni, għalihom, għall-familji u għall-ħbieb tagħhom.

Ma jistgħux jitħallew barra minn din l-aħħar fażi l-ġenituri, ix-xhieda, il-ħbieb, dawk involuti fl-organizzazzjoni tat-tieġ. Jista’ jsir mument ta’ talb għalihom, differenti mill-mument tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni.

3.9. Mixja Katekumenali ta’ Tħejjija għaż-Żwieġ – Itinerarju

1. L-ewwel sena

Ottubru – Milied (żmien intermedju)

a. Akkoljenza, konoxxenza ta’ xulxin, preżentazzjoni qasira tal-objettivi, mixja, metodi – tħejjija għaż-żwieġ u riskoperta tal-fidi.

b. Id-diffikultajiet u l-problemi familjari ta’ żmienna. Ix-xewqa li tibni familja sabiħa u f’saħħitha.

ċ. Iż-żwieġ ċivili u ż-żwieġ sagrament. Nedukaw ir-raġunijiet għalfejn nixtiequ niżżewġu bi żwieġ sagrament.

d. Aħna u nħejju għaż-żwieġ nerġgħu niskopru l-ħajja tal-fidi f’Ġesù.

e. Id-deċiżjoni li ngħixu l-Magħmudija u ż-Żwieġ sagrament.

f. Ewkaristija ta’ akkoljenza u preżentazzjoni fil-komunità parrokkjali. Jista’ jsir it-Tiġdid tal-Wegħdiet tal-Magħmudija (fil-Festa tal-Familja Mqaddsa).

Jannar – April (mixja katekumenali – tħejjija prossima)

ġ. Konsenja tal-Iskrittura – il-Bibbja l-aħbar it-tajba taż-żwieġ (fit-Tielet Ħadd ta’ Matul is-Sena).

g. Ir-raġel u l-mara huma xbieha ta’ Alla. Id-dnub oriġinali – il-Ġenesi, il-Missier. Il-Magħmudija.

għ. L-imħabba ta’ bejn ir-raġel u l-mara, xbieha tal-imħabba ta’ Alla għall-poplu tiegħu (Hosegħa, Għanja tal-għanjiet) – il-fedeltà ta’ Alla u l-infedeltà tagħna. L-Ispirtu Santu. Il-Konfirmazzjoni.

h. L-imħabba hija l-ogħla fost il-ħwejjeġ tajba (1 Kor 13). Ġesù.

ħ. Lectio Divina: L-imħabba u l-maħfra – introduzzjoni għas-Sagrament tal-Qrar.

i. Iż-żwieġ sejħa ta’ Alla: imħabba għal dejjem u li tagħti l-frott.

ie. Irtir fir-Randan – Introduzzjoni għat-talb u Ċelebrazzjoni penitenzjali.

2. It-tieni sena

Ottubru – Milied (mixja katekumenali – tħejjija prossima)

a. Ir-relazzjoni bejn ġuvni u tfajla. Id-differenzi ta’ bejniethom. L-irwoli fil-familja. L-imħabba aċċettazzjoni.

b. Intejbu r-relazzjoni ta’ bejnietna. Ir-raġunijiet tar-relazzjoni. L-imħabba preżenza.

ċ. Nikkomunikaw aħjar bejnietna. L-imħabba komunikazzjoni.

d. Lectio Divina: Nitgħallmu naffrontaw il-kunflitti, ir-rabja. Meta ma jkunx hemm x’tagħmel aktar. L-imħabba rikonċiljazzjoni.

e. Id-dinamika tas-sesswalità fil-koppja. Is-sesswalità fil-ħsieb ta’ Alla. L-imħabba ġisem wieħed.

f. Irtir fil-vaganzi tal-Milied – Introduzzjoni għall-Ewkaristija – ir-Rit tal-Għerusija.

Jannar – April (mixja katekumenali – tħejjija immedjata)

ġ. Mument ta’ talb – konsenja tax-xemgħat taż-żwieġ jew tal-kurċifiss.

g. Ir-Rit taż-Żwieġ – il-libertà.

għ. Il-miżżewġin, il-ministri tas-sagrament.

h. X’jiġri mir-relazzjoni tagħna mal-ġenituri wara li niżżewġu? X’jiġri mill-ħbieb wara li niżżewġu?

ħ. Liema huma l-istaġuni tal-ħajja tal-familja?

i. Lectio Divina: miżżewġin flimkien u mal-Mulej.

ie. Il-formazzjoni kontinwa.

j. Irtir konklużiv.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

%d