Il-Papa jgħid lis-Servizz Missjunarju Żgħażagħ biex qatt ma jgħejjew irawwmu l-paċi

Print Friendly, PDF & Email

“Il-gwerra tista’ ssir mingħajr Alla, imma l-paċi tista’ ssir miegħu biss”. Il-Papa Franġisku saħaq dan il-punt, hekk kif is-Sibt filgħodu indirizza l-membri tas-Servizz Missjunarju taż-Żgħażagħ Taljani – ‘Servizio Missionario Giovani’ (SERMIG). SERMIG hija organizzazzjoni Kattolika li tiġbor żgħażagħ, koppji miżżewġin, familji, rġiel u nisa reliġjużi impenjati biex ixerrdu l-Evanġelju tat-tama permezz tal-volontarjat fil-paċi u fi proġetti ta’ solidarjetà għall-foqra.

SERMIG twaqqfet f’Turin, fl-Italja ta’ Fuq, fl-1964 minn koppja Kattolika Taljana, Ernesto Olivero u martu Maria, u grupp ta’ żgħażagħ li riedu jidħlu f’azzjoni konkreta għall-ġustizzja soċjali u l-paċi spirati mill-Evanġelju.

Fl-indirizz tiegħu l-Papa Franġisku faħħar il-ħidma tas-SERMIG, li, qal, “hija speċi ta’ siġra kbira mkabbra minn żerriegħa żgħira” miżrugħa fis-sittinijiet, filwaqt li nnota li dan il-perjodu mmarkat mill-Konċilju Vatikan II, kien “żmien opportun” għall-Knisja, li rat il-firxa ta’ ħafna movimenti ekkleżjali tal-lajċi.

“Il-frott (ta’ din iż-żerriegħa) juri li SERMIG ma għamlitx sempliċi attiviżmu, imma ħalliet spazju (għall-Mulej): talbet lilu, aduratu, għarfitu fiċ-ċkejknin u fil-foqra, laqgħetu fl-emarġianti”.

Fost il-ħafna attivitajiet u inizjattivi promossi tul dawn is-sitt deċennji, l-Papa enfasizza t-trasformazzjoni li saret fil-bidu tas-snin tmenin mill-Fortizza Militari ta’ Turin f’“Fortizza ta’ Paċi”

Fl-1983, Il-Compound ta’ 45,000 metru kwadru, fejn darba kienu jiġu prodotti ħafna mill-armamenti użati matul iż-Żewġ Gwerer Dinjija, inbidlu f’monasteru urban, li offra kenn lill-irġiel u nisa li kienu qed ifittxu l-għajnuna, u punt ta’ laqgħa għal eluf ta’ żgħażagħ ġejjin mill-Italja u pajjiżi oħra biex jiddiskutu l-paċi u l-ġustizzja, jitgħallmu dwar il-bini tal-paċi u jitolbu flimkien.

“Il-ħolma li tanima l-qlub tal-ħbieb tas-SERMIG hija t-tama ta’ dinja fraterna”.

“Il-Fortizza tal-Paċi bħal inizjattivi oħra tas-SERMIG u b’mod ġenerali l-opri kollha tal-komunitajiet Insara huwa sinjal tal-Evanġelju, frott tal-kelma ta’ Alla, nistgħu ngħidu tal-qawwa tal-Kelma ta’ Alla”, qal il-Papa.

“Hawn hi l-ħolma ta’ Alla, li l-Ispirtu s-Santu jmexxi ‘l quddiem fl-istorja permezz tal-poplu fidil Tiegħu. Dan kien hekk għalikom ukoll: permezz tal-fidi u r-rieda tajba ta’ Ernesto, martu u l-ewwel grupp tas-SERMIG, li saret il-ħolma ta’ ħafna żgħażagħ.”

Huwa nnota li l-Fortizza issa hija l-post fejn l-“armi tal-paċi” – li qed jissawwru, billi jgħallmu liż-żgħażagħ “jiltaqgħu, jiddjalogaw, u jilqgħu”, fi kliem ieħor, “fraternità”. L-Qdusija Tiegħu, għalhekk, irringrazzja lis-SERMIG talli taw il-ħajja lil din il-ħolma ta’ fraternità, li ried jerġa’ jniedi fil-Knisja u fid-dinja permezz tal-Enċiklika tiegħu “Fratelli Tutti”, fejn irrimarka li l-paċi ma tistax tinbena mingħajr Alla.

Huwa ħeġġeġ lis-SERMIG biex “qatt ma jgħejjew jibnu l-Fortizza tal-Paċi”, u qal li huwa sit ta’ kostruzzjoni li għadu għaddej, kif jixhdu inizjattivi oħra li nediet l-organizzazzjoni Kattolika, inkluż l-“Fortizza ta’ Tama” f’Sao Paulo, il-Brażil, il-“Fortizza ta’ Laqgħa” f’Madaba, il-Ġordan, u l-“Fortizza tal-Armonija” f’Pecetto Torinese, l-Italja.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġisku għaraf li “kull raġel u mara ta’ rieda tajba jistgħu jaħdmu fil-Fortizzi tal-paċi, tat-tama, tal-laqgħa u tal-armonija”, madankollu, qal, hija biss il-komunità ta’ fidi u talb msejsa fl-Evanġelju li tista’ twettaq din il-missjoni bis-sħiħ.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-to-sermig-never-tire-to-build-peace-with-young-people.html

%d bloggers like this: