Papa Franġisku: ‘Jalla lkoll nagħtu xhieda tal-paċi fil-ħajja tagħna ta’ kuljum’

Print Friendly, PDF & Email

Nhar is-Sibt filgħodu, l-Papa Franġisku ltaqa’ ma’ delegazzjoni tal-assoċjazzjoni nazzjonali Taljana għall-veterani u l-impjegati taċ-ċivil b’diżabilità (Unione Nazionale Mutilati per Servizio). Fl-indirizz tiegħu lill-grupp, il-Papa tkellem dwar l-importanza tat-talb, strument qawwi, speċjalment quddiem il-gwerra, li tidher bħala “mostru invinċibbli”. Qal li rridu nindirizzaw il-kunflitti fil-ħajja tagħna ta’ kuljum “billi nevitaw kull vjolenza u qawwa sfurzata,” anke fejn jidħol kliemna, hekk kif naħdmu għall-paċi u l-armonija fis-soċjetajiet tagħna.

L-unjoni nazzjonali tal-Italja għall-veterani u l-impjegati taċ-ċivil b’diżabilità hija organizzazzjoni mingħajr skop ta’ qligħ ibbażata f’Ruma u preżenti fil-pajjiż kollu, li tipprovdi kura għal dawk li jkunu sofrew korrimenti jew mard waqt is-servizz militari jew ċivili tagħhom. Il-membri jinkludu l-Carabinieri (l-korp nazzjonali tal-pulizija), il-pulizija tat-teżor, il-pulizija tal-penitenzier, il-ħaddiema tas-servizz tal-forestrija, u l-pumpiera, fost l-oħrajn.

Il-Qdusija Tiegħu, ltaqa’ ma’ madwar 200 rappreżentant tal-organizzazzjoni fis-Sala Klementina tal-Vatikan. Irringrazzjahom għar-rigal li tawh: Kurċifiss bix-xbieha tar-Ragħaj it-Tajjeb, magħmul apposta għal din l-okkażjoni, iżda wkoll sinjal tal-appoġġ tat-talb tagħhom għall-ministeru tiegħu. L-Papa esprima l-gratitudni tiegħu għat-talb tagħhom, u qal: “Għandi bżonnu tassew, dan ix-xogħol mhux faċli,” u żied jgħid li t-talb tagħhom huwa “l-isbaħ rigali” li jistgħu jagħtuh.

Imbagħad il-Papa enfasizza l-impenn tal-assoċjazzjoni għall-paċi, u kif xi wħud sofrew diżabilità minħabba s-servizz tagħhom f’missjoni ta’ paċi jew biex jiggarantixxu l-ordni pubbliku, s-sigurtà, u r-rispett tal-liġi. Dan is-servizz ġeneruż juri l-patrimonju morali għoli tal-assoċjazzjoni, żied jgħid. Fl-istess ħin, innota li kulħadd huwa msejjaħ biex jieħu sehem f’dan “l-impenn li nkunu dawk li jġibu l-paċi,” kif għamlu fis-servizz tagħhom lejn l-oħrajn.

F’dinja midruba minn kunflitti u firdiet, il-Papa spjega li l-bini tal-paċi jibda bi sforz żgħir ta’ kuljum, bħall-evitar tal-vjolenza, inkluż “vjolenza verbali”. Huwa nnota li dan huwa ta’ sfida, iżda meħtieġ, għax xi drabi b’kelma tista’ tweġġa’ jew toqtol lil ħaddieħor, speċjalment fejn jidħlu l-malafama jew z-zekzik, li sfortunatament huma tant komuni.

L-għaqda “tista’ u trid issir forza għall-paċi fis-soċjetà, tgħin biex jisolvu l-kunflitti b’mod paċifiku, tfittex il-ġid komuni u tiġbed l-attenzjoni lejn dawk l-inqas protetti”, ħeġġeġ il-Papa lill-membri tagħha. Innota kif huma, flimkien ma’ membri ta’ għaqdiet simili, jistgħu jagħtu xhieda u tifsira lill-kumplament tas-soċjetà permezz tas-servizz u s-sagrifiċċju tagħhom, billi jbiddlu t-tbatija tagħhom minn korriment jew mard f’xhieda ta’ servizz li huwa ta’ “valur morali u spiritwali kbir”.

Il-Qdusija Tiegħu rrikonoxxa l-piż li ġibed is-servizz tagħhom, peress li l-korriment jew il-mard tagħhom ma jisparixxix, iżda qal li jista’ jinftiehem f’dawl pożittiv, kif jidher fl-appoġġ reċiproku li l-membri jipprovdu lil xulxin. Fuq kollox, temm jgħid il-Papa, dan huwa possibbli billi wieħed ikun magħqud mal-Mulej, li “bil-qawwa tal-imħabba ta’ Alla, biddel il-ħażen f’ġid” – mhux fl-astratt, imma konkretament “fih innifsu, fl-esperjenza personali tiegħu, fil-Ġisem tiegħu”.

Fl-aħħarnett, il-Papa Franġsiku talab biex il-Mulej isostnihom u jħeġġiġhom fl-għajnuna kontinwa tagħhom lil xulxin u fix-xhieda tagħhom ta’ servizz lis-soċjetà.

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-01/pope-may-we-all-witness-to-peace-in-our-daily-lives.html

%d bloggers like this: