Ktejjeb bi gwida għal dawk kollha li jkollhom x’jaqsmu maċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ fi knisja
Michael Caruana – michaelcaruana566@gmail.com

Il-Kummissjoni Liturġika tad-Djoċesi t’Għawdex ippubblikat il-ktejjeb Linji-Gwida għaċ-Ċelebrazzjoni taż-Żwieġ Nisrani.
Fil-preżentazzjoni ta’ dan il-ktejjeb, l-Isqof Anton Teuma jgħid li din il-pubblikazzjoni għadha tkun gwida għal dawk kollha li jieħdu sehem fiċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ u hi għalhekk utli għall-kappillani, għas-saċerdoti li jamministraw is-sagrament, għall-għarajjes infushom kif ukoll għal dawk kollha li jagħtu sehemhom biex din iċ-ċelebrazzjoni tkun dinjituża.
“Billi din hi ċelebrazzjoni qaddisa, dawn id-direttivi għandhom l-iskop ewlieni li jħarsu l-qdusja u s-sagralità ta’ dan il-mument għażiż. Kollox irid jgħin biex iċ-ċelebrazzjoni tkun mument ta’ talb mimli bil-ferħ għar-rigal kbir li Alla jkun qed jagħti lill-koppja li ssejħet minnu biex tingħaqad fl-imħabba tiegħu”, jikteb l-Isqof Teuma. Hu għalhekk jitlob lil dawk kollha konċernati biex jilqgħu din il-gwida bħala għajnuna siewja lil kull wieħed u waħda ħalli ċ-ċelebrazzjoni ta’ dan is-sagrament hekk importanti tkun awtentika u dinjituża.
Il-ktejjeb Linji-Gwida għaċ-Ċelebrazzjoni taż-Żwieġ Nisrani jagħmilha ċara li ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ mhix sempliċiment ċerimonja li ssir fi knisja, bi fjuri, ħwejjeġ u ritratti. Iż-żwieġ Nisrani hu sagrament li jsir fil-knisja u li wkoll jagħmel lill-Knisja billi tibda komunità familjari ġdida. Allura s-Sagrament taż-Żwieġ bħal kull sagrament ieħor jissupponi l-fidi. Tajjeb li wieħed iżomm f’moħħu li din iċ-ċelebrazzjoni mhix biss ċelebrazzjoni ta’ żwieġ, iżda ta’ żwieġ Nisrani.
Iċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ għandha tkun ippjanata u mħejjija b’attenzjoni, filwaqt li wieħed għandu jkun konxju li qed jiċċelebra sagrament. Dawn il-linji gwida jiżguraw li ċ-ċelebrazzjoni taż-żwieġ tkun waħda kif jixraq lil dan is-sagrament u lill-post sagru fejn ikun qed jiġi ċċelebrat.
Il-ktejjeb jinkludi l-preparazzjoni, iċ-ċelebrazzjoni tas-sagrament taż-żwieġ, tagħrif ġenerali u direttivi li l-organizzaturi, min jieħu ħsieb il-mużika, il-fotografi u min jieħu ħsieb il-fjuri għandu jsegwi.