Fil-Polonja, l-Knisja qed tagħmel sforz biex tgħin lil aktar minn żewġ miljun Ukren

Print Friendly, PDF & Email

Rekord ta’ ġbir ta’ fondi u ħtiġijiet bażiċi fil-parroċċi, eluf ta’ kunsinni ta’ provvisti lejn l-Ukrajna, ospitar ta’ refuġjati fil-bini tal-Knejjes, kura psikoloġika, ospitalità għat-tfal fl-iskejjel u l-kindergartens.

Dawn huma biss ftit mill-attivitajiet ta’ karità li l-Knisja Kattolika Pollakka wettqet matul l-ewwel sena tal-gwerra fl-Ukrajna. Minn dakinhar li faqqgħet il-gwerra, fl-24 ta’ Frar 2022, l-Arċisqof Stanisław Gądecki, president tal-Konferenza tal-Isqfijiet Pollakki, esprima s-solidarjetà tal-Knisja tiegħu mal-Ukreni kollha, u talab lin-nies biex jitolbu għalihom u kien ħabbar ġabra ta’ għajnuna fil-parroċċi Pollakki kollha.

Dakinhar, il-ġabra kienet bla paragun fl-istorja ta’ aktar minn elf sena tal-Knisja fil-Polonja. L-isforz se jerġa’ jkun ripetut, sena wara li faqqa’ l-kunflitt, meta l-Arċisqof Gądecki ħabbar li l-Ħadd 26 ta’ Frar, se ssir ġabra oħra fil-knejjes kollha fil-Polonja. Il-komunikat jgħid lid-diversi kontribuzzjonijiet laħqu madwar 2 miljun Ukren, l-aktar permezz tal-Caritas.

Waqt l-Udjenza Ġenerali tiegħu tal-Erbgħa, l-Papa Franġisku rringrazzja lill-poplu Pollakk għall-għajnuna tagħhom lill-Ukreni, nkluż lil dawk “li baqgħu fl-Ukrajna, meqruda mill-gwerra, u li ġabu appoġġ u tama lill-abitanti ta’ dak il-pajjiż itturmentat.”

“Ma kienx hemm parroċċa fil-Polonja li ma għenitx lir-refuġajti,” stqarr l-Isqof Krzysztof Zadarko, president tal-Kunsill tal-Episkopat Pollakk għall-Migrazzjoni, t-Turiżmu u l-Pellegrinaġġi, f’intervista mal-Aġenzija tal-Aħbarijiet Kattolika. L-Knisja rċeviet u għadha tilqa’ refuġjati fil-monasteri tal-irġiel u tan-nisa, fiċ-ċentri tal-Caritas, fiċ-ċentri tal-movimenti u komunitajiet, fis-Seminarji, bini ta’ djoċesijiet, parroċċi u wkoll, permezz tal-parroċċi, fi djar tal-fidili. Famiji Ukreni sabu wkoll kenn fir-residenzi tal-Isqof, fosthom dik tal-Arċisqof Marek Jędraszewski fi Krakovja u l-Isqof Andrzej Jeż f’Tarnów.

Il-Caritas biss bagħtet ‘il fuq minn elf trakk b’għajnuna umanitarja lejn l-Ukrajna. Bagħtet ukoll ‘il fuq minn ħamsin elf pakkett bħala parti mill-inizjattiva ‘Pakket għall-Ukrajna’. L-ewwel vjaġġ telaq lejn l-Ukrajna kmieni fil-25 ta’ Frar. Il-Kavallieri ta’ Columbus bagħtu aktar minn 140,000 pakkett tal-ikel u eluf ta’ kowtijiet tax-xitwa, speċjalment għat-tfal, lejn l-Ukrajna. L-Pawlini xtraw 125 ġeneratur tal-enerġija b’fondi miġbura mingħand pellegrini fis-Santwarju ta’ Jasna Góra.

Konvojs umanitarji organizzati mill-Ordni Pollakka tal-Kavallieri ta’ Malta, fost oħrajn, waslu wkoll f’żoni ta’ attività militari, bħal Mariupol. Skont l-Aġenzija għall-Istampa Kattolika KAI, miċ-ċentru tal-loġistika li nfetaħ mis-Servizz Mediku tal-Kavallieri ta’ Malta għaddew 189 trakk u xarabanki. Bl-istess mos, mill-bidu tal-gwerra ġew ikkonsenjati bosta vjaġġi mill-Fondazzjoni ‘Aid to the Church in Need’.

“Hu l-privileġġ tagħna li nkunu nistgħu ngħinu lil ħutna l-Ukreni”, qalet ma’ Vatican News Sor Dolores Zok, president tal-Kunsill tal-Kongregazzjonijiet Reliġjużi tan-Nisa fil-Polonja. “Mill-bidu tal-gwerra, iktar minn elf dar reliġjuża tan-nisa fil-Polonja kienu impenjati b’mod differenti biex jgħinu lir-refuġjati mill-Ukrajna. Skont l-aktar data reċenti miġbura mill-Kunsill tal-Kongregazzjonijiet Reliġjużi tan-nisa, bħalissa f’213 dar jew ċentru reliġjuż hemm refuġjati Ukreni joqgħodu hemm. Ovvjament aħna miftuħa wkoll għal aktarr appoġġ u rridu nkomplu ngħinu,” qalet.

Sor Dolores tkellmet ukoll dwar l-għajnuna fl-Ukrajna. “Aħna kuntenti li l-missjunarji tagħna, s-sorijiet Pollakki, bħalissa jinsabu fl-Ukrajna. Minbarra l-attivitajiet fil-Polonja, bħalissa hemm 154 soru minn pajjiżna fl-Ukrajna, jiġifieri madwar 40% tas-sorijiet fl-Ukrajna huma Pollakki. Bħalissa 98 kongregazzjoni tan-nisa Pollakki huma mpenjati biex jgħunu f’154 dar fl-Ukrajna”.

Fl-aħħarnett, Sor Dolores, saħqet fuq ir-rwol tat-talb, li l-Papa saħaq ħafna drabi fil-kuntest tal-gwerra. “Bħala sorijiet”, qalet, “nitolbu għal ħutna l-Ukreni u għall-paċi f’dan il-pajjiż. Aħna nies ta’ fidi. Huwa għalhekk li ngħixu fit-tama: nemmnu li se tasal il-paċi. Nitolbu kuljum għall-paċi, u nfdaw din l-intenzjoni f’idejn il-qalb materna ta’ Omm Alla.”

Bħalma l-għajnuna umanitarja hija meħtieġa, hekk hi meħtieġa wkoll l-għajnuna spiritwali. Is-saċerdoti u s-sorijiet li jaħdmu l-Ukrajna baqgħu mal-fidili tagħhom. Fil-pajjiż hemm madwar 250 saċerdot Pollakk, u 154 soru, u 22 aħwa reliġjużi. Hemmhekk, qed jappoġġjaw lin-nies, u jikkoordinaw l-għajnuna li tasal mill-Polonja u pajjiżi oħra.

Bħala sinjal ta’ solidarjetà mal-poplu li qed ibati fl-Ukrajna, l-President tal-Isqfijiet Pollakki, l-Arċisqof Gądecki, l-Arċisqof Wojciech Polak, Primat tal-Polonja, u l-Arċisqof Stanisław Budzik, Metropolitan ta’ Lublin, f’Mejju vvjaġġaw l-Ukrajna. Fost diversi bliet, l-Isqfijiet żaru, Kyiv u Lviv, kif ukoll Bucha u Irpin, ix-xena ta’ qtil tal-massa fl-Ukrajna. 

Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/ukraine-war-anniversary-church-poland-aid-refugees.html

%d bloggers like this: