F’dan ir-Randan, il-Papa Franġisku sejjaħ għal azzjoni u għarfien konkreti biex tiġi miġġielda l-“pjaga” tal-ġuħ. Fil-messaġġ tiegħu għall-Kampanja ta’ Fraternità 2023, imnedija mill-Konferenza Nazzjonali tal-Isqfijiet tal-Brażil, il-Papa fakkar fil-miljuni li qed ibatu u jmutu bil-ġuħ, u r-responsabbiltà tagħna hi li niġġieldu din il-“pesta”.
“Kull sena, matul iż-żmien tar-Randan, aħna msejħin minn Alla biex nimxu t-triq ta’ konverżjoni vera u sinċiera, li nwasslu ħajjitna kollha lejh…”
Waqt li qed inħejju biex niċċelebraw l-imħabba ta’ Alla għalina fl-Għid il-Kbir, il-Papa osserva li permezz tat-talb li jiżdied fir-Randan, tal-karità u tas-sawm, nikkollaboraw aħjar mal-azzjoni tal-Ispirtu li jqaddisna.
Il-Papa fakkar li l-Kampanja tal-Fraternità ta’ din is-sena tipproponi li ndawru ħarsitna lejn ħutna l-aktar fil-bżonn, u b’mod partikolari, dawk milquta mill-“pjaga tal-ġuħ”. Anke llum, “miljuni ta’ nies qed ibatu u jmutu bil-ġuħ”, filwaqt li, b’mod tal-mistħija, tant ikel jinħela u jintrema.
“Dan huwa skandlu reali. L-ġuħ huwa kriminali, l-ikel huwa dritt fundamentali”
L-istruzzjoni ta’ Ġesù lill-Appostli biex jitimgħu lin-nies, saħaq il-Papa Franġisku, “hija llum indirizzata lilna lkoll, flimkien mas-sejħa Tiegħu biex naqsmu – l-ħafna jew il-ftit li għandna – ma’ ħutna li lanqas biss għandhom biżżejjed biex jitimgħu lilhom infushom.” Huwa żied, “billi nilħqu l-bżonnijiet ta’ dawk li jbatu l-ġuħ, nafu li qed inxebgħu lill-Mulej Ġesù nnifsu, li jidentifika ruħu mal-ifqar u l-aktar dawk bil-ġuħ: ‘Kont bil-ġuħ u tmajtuni…’.”
Il-Papa esprima x-xewqa kbira tiegħu lir-riflessjoni dwar it-tema tal-ġuħ, proposta lill-Kattoliċi Brażiljani matul l-istaġun tar-Randan, twassal għal azzjonijiet konkreti u tiġġenera kuxjenza. Huwa appella għal għarfien li jikkultiva l-qsim tad-doni ta’ Alla, mhux biss f’ċertu mumenti, jew waqt kampanja, “iżda trid tkun attitudni kostanti tagħna lkoll,” mhux biss fl-istrutturi parrokkjali u djoċesani tagħna, iżda wkoll fil-korpi governattivi, u fis-soċjetà ċivili kollha, biex b’ħidma flimkien, “nistgħu neqirdu b’mod definittiv il-pjaga tal-ġuħ mill-artijiet Brażiljani”.
Filwaqt li feda dawn il-wegħdiet f’idejn Nossa Senhora Aparecida, l-Papa Franġisku ta l-Barka Appostolika tiegħu biex ħadd ma jbati l-ġuħ, u talabhom biex ikomplu jitolbu għalih.
Għal aktar tagħrif idħol fuq is-sit: https://www.vaticannews.va/en/pope/news/2023-02/message-for-lenten-fraternity-campaign-brazil-pope-francis.html