Minn Joe Galea
Fl-10 ta’ Ġunju għandha tittella’ fl-ispazju satellita li se ġġorr kopja ta’ ktieb li jiddokumenta l-ġrajja storika meta l-Papa Franġisku, fis-27 ta’ Marzu 2020, fil-qalba tal-pandemija tal-COVID-19, bierek lid-dinja minn Pjazza San Pietru. Is-satellita ngħatat l-isem ta’ Spes Satelles, bil-Latin għal Satelliti ta’ Tama. Se tkun sparata fuq rocket mill-Bażi Spazjali ta’ Vandenberg f’California.
Il-Papa kien bierek lid-dinja b’dawn il-kelmiet: “Mulej, bierek lid-dinja, agħti s-saħħa lil ġisimna u farraġ lil qlubna. Int titlobna biex ma nibżgħux. Waqt li l-fidi tagħna hi dgħajfa u aħna qed nibżgħu. Imma int, Mulej, m’intix se tħallina fil-maltempata.”

Il-ktieb, Għaliex qed tibżgħu? M’għandkomx Fidi? Id-Dinja quddiem il-Pandemija, ġie konvertit f’nano-book, biex ikun trasportatat fl-ispazju. Tqiegħed fi plakka tas-silikon ta’ 2 millimetri b’2 milletri b’0.2 milletri. Il-Papa Franġisku kellu jbierek is-satellita u n-nanobook wara l-udjenza fi Pjazza San Pietru fid-29 ta’ Marzu.
Il-CubeSat, li hu l-isem ta’ satelliti ta’ minjatura, se tivvjaġġa fuq rocket Falcon 9. Is-satellita tiġi milqugħa fuq il-pjattaforma ION SCV-011ION, li żżomm fuqha satelliti mibnija u żviluppati mill-kumpanija Taljana D-Orbit. L-aġenzija Spazjali Taljana se topera s-satellita, li nħadmet mill-Università Politeknika ta’ Turin.
Is-satellita fiha transmitter tar-radju fost strumenti oħra li jiġu manuvrati mill-art. Meta tkun fl-orbita, is-satellita se xxandar kliem deċifrat mill-Papa fuq it-tema tat-tama u tal-paċi, bl-Ingliż, bit-Taljan u bl-Ispanjol.
Il-president tal-Agenzija Spazjali Taljana, Giorgio Saccoccia, qal li s-Santa Sede talbet lill-aġenzija biex tidentifika mod kif il-kliem tal-Papa Franġisku “jmur ‘lil hemm mill-fruntieri tad-dinja u mill-ispazju jilħaq l-aktar numru wiesgħa ta’ nisa u rġiel fil-pjaneta nqallba tagħna. Żied jgħid li: “Għal dawk minna li huma mdorrijin jaraw l ispazju bħala post privileġġjat minn fejn josservaw id-dinja u jikkomunikaw maghħa minghajr fruntier, kien faċli li timmaġina soluzzjoni umli, effettiva u mingħajr dewmien, li toffri ġwienaħ lill-messaġġ tal-Papa”.
Is-segretarju tad-Dikasteru għall-Komunikazzjoni, Dun Lucio Adrian Ruiz qal: “L-ispazju għandu faxxinu għal kulħadd, speċjalment għaż-żgħażagħ. Għandu dak il-misteru tal- universali, tal-profond, ta’ dak li jsaħħar u jġagħlna lkoll noħolmu.”
Il-Vatikan jittama li din l-inizjattiva, li se twassal fl-ispazju l-kliem tal-barka tal-Papa tas-27 ta’ Marzu 2020, tkun sinjal li t-talba tal-Papa, il-barka tiegħiu u s-sejħa universali għat-tama jkomplu jkunu rilevanti għall-irġiel u n-nisa ta’ rieda tajba.