Imsiebaħ il-lejl għall-Ewropa – L-Abazija La Lucerne
Minn Joe Galea
Għalkemm jidher li fi żmienna l-Ewropa m’għadhiex Kristjana daqs fl-imgħoddi, ifiġġu msiebaħ li jnisslu t-tama, bħal meta jinbtu inizjattivi ġodda li jiffjorixxu fil-kwiet u jirnexxilhom li ma jiġux imfixkla mill-avversità li teżisti madwarhom.
Huma inizjattivi destinati biex irabbu l-għeruq fix-xenarju tal-pajjiż, qishom dawk il-ħafna msiebaħ il-lejl ċkejkna li jilmgħu fid-dlam tal-lejl. Din hi metafora sabiħa li tiddeskrivi proġett immexxi mill-Abazija medjevali ta’ La Lucerne, li tinsab fil-qalba tal-foresti ta’ Wied Thar, qrib l-Għolja ta’ San Mikiel fin-Normandija, Franza. L-isem La Lucerne hu mnissel mil-Latin, Lucerna (lampa), kelma li tirreferi wkoll għall-uffiċċju (il-waqtiet ta’ talb) li kien jitkanta s-Sibt filgħaxija minn dawk li jemmnu, fejn ifakkru lil Kristu bħala d-Dawl li jindokra l-umanità.
L-abazija La Lucerne, li inbniet fis-seklu 12, hi waħda mill-eqdem fl-Ewropa. Kienet ġiet mibjugħa bħala propjetà pubblika fi żmien ir-Rivoluzzjoni Franċiża, wara sekli li fihom l-abazija kienet ta’ impatt glorjuż spiritwali. Wara li tħalliet titmermer fis-seklu 19, mill-1925 sal-1994 għaddiet minn rinaxximent, grazzi għall-ħidma ta’ Abbati (Superjur ta’ abazija) ħabrieki, bl-isem ta’ Marcel Lelégard. Dan l-Abbati daħal għal restawr kolossali fit-tieni nofs tas-seklu 20.
Il-proġett li qed insemmu beda ftit żmien ilu minn żewġ Abbati żgħażagħ, jisimhom Guillaume Antoine u Henri Vallançon, li jgħixu r-Regola ta’ Santu Wistin. Ġew afdati mill-Isqof tad-djoċesi tagħhom, ta’ Coutances u ta’ Avranches, fi Franza, b’missjoni li jiżviluppaw ċentru kulturali u spiritwali bil-għan li jtaffu l-għatx għas-sabiħ u ta’ dak li hu ogħla mill-bniedem. Kienu inkuraġġiti mill-fatt li qed jikber l-għadd ta’ nies li ma jridux jintrebħu mit-tħajjir tal-postmoderniżmu.
Il-ħsieb f’Alla, ‘il bogħod mill-ħsejjes tad-dinja.
Id-dinja tagħna qed tfittex postijiet favorevoli fejn in-nies ikunu jistgħu joqogħdu fil-kwiet, imbiegħda mill-ħsejjes tal-ħajja, fejn jagħmlu dixxerniment u jfittxu sens u tama għal ħajjithom. Iċ-ċentru, li għadu fit-tfulija tiegħu, hu disinjat biex jikber f’villaġġ li jġib fimkien reliġjużi u lajċi, li lkoll jiġu mistiedna jużaw il-ħiliet tagħhom, intellettwali u manwali, għas-servizz tal-komunità.
L-abazija La Lucerne dalwaqt se tkun kapaċi tilqa’ vjaġġaturi fin-naħa ta’ akkomodazzjoni li qed tinbena. Ikun hemm min imur għall-irtir, pellegrini, familji li jżuru l-abazija u sehem ta’ artisti. L-attivitajiet li hemm maħsuba jmissu l-iktar espressjonijiet artistiċi u intellettwali, sakemm dawn iwieġbu għat-tiftixa vera tal-verità u tal-estetika. L-iskop hu li jkun hemm nisġa ta’ ħiliet partikulari u talenti li jiġu inseriti fil-ħajja ta’ kuljum, fi programm imħejji minn dan iċ-ċentru spiritwali.
Il-proġett tal-abazija La Lucerne hu wieħed uniku, fi skarsità ta’ dan it-tip l-aktar fin-naħat urbani li joffru opportunitajiet ta’ tagħlim, taħriġ u djalogu bejn id-dinja tal-arti u tal-kultura u l-ispiritwalità Kattolika, f’ambjent ta’ ħajja liturġika intensa. L-Ewkaristija tibqa’ ċ-ċentru tal-ispiritwalità monastika.
Għall-ewwel sajf tiegħu, iċ-ċentru diġa għandu skeda mimlija, bi programm li jilqa’ aktar minn 300 scouts, kif ukoll wirja ta’ arti sagra, lectures u madwar 30 kunċert ta’ mużika. L-abbazija, fejn it-teologu famuz Louis Boyer kien residenti għal snin twal u fejn kiteb diversi kotba, se tiftaħ il-bibien tagħha għal ħafna gruppi mużikali biex jirrekordjaw albums ta’ diski, kif ukoll kompożituri, pitturi u awturi ta’ kotba li se jfittxu ispirazzjoni, kemm jekk huma ta’ twemmin kif ukoll jekk mhumiex.
L-Abbati Guillaume Antoine, li semmejna aktar ‘il fuq, jgħid: “Dawk li se jieħdu sehem se jidħlu fi djalogu mal-abbazija biex ikollhom esperjenza spiritwali. Aħna nirrispettaw il-kuxjenza tagħhom; sempliċiment nesponuhom għall-grazzja t’Alla.”
In-network Gregorian
Il-bini tal-knisja medjevali tal-abazija, magħmula mill-ġebel u mill-ħġieġ, tassew jixraq għal dan il-proġett, bil-kor fid-dawl ġej mis-saqaf immens tal-ħġieġ, fejn l-istaġuni juru l-varjetà tagħhom tul is-sena. L-atmosfera hi msebbħa bil-kant Gregorjan li qisu jitla’ ‘l fuq man-navi tal-knisja f’kull wieħed mis-6 uffiċċji (it-talb flimkien) tal-ġurnata.
Bil-ħidma tal-Abbati Marcel Lelégard (li wkoll semmejna iktar ‘il fuq), l-abbazija bniet reputazzjoni ta’ post li jagħti l-ħajja lill-kant Gregorian, li sa mis-snin 70 u 80 dawn l-innijiet sagri kienu naqsu fil-knejjes. Illum ħafna nies iżuru l-abbazija biex jitgħallmu, l-aktar mill-ġenerazzjoni żagħżugħa. Matul is-sena jiġu organizzati ‘laqgħat’ Gregorjani, irtiri Gregorjani u mixjiet Gregorjani; attivitajiet li jlaqqgħu mat-300 persuna li huma parti minn dan in-network Gregorjan.